Eżodu 39:1-43
39 U mill-ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, u materjal lewn l-iskarlat*+ għamlu lbies+ minsuġ fin biex jaqdu bih fil-post qaddis.+ Għalhekk, għamlu l-ilbies qaddis+ li kien għal Aron, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
2 Għaldaqstant, hu għamel l-efod+ tad-deheb, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum.
3 Imbagħad ħadmu l-pjanċi tad-deheb u għamluhom folji rqaq, u minnhom hu qataʼ l-ħjut biex jaħdimhom mal-ħajt blu, is-suf miżbugħ vjola ħamrani, il-materjal lewn l-iskarlat, u l-għażel fin, bħala x-xogħol taʼ wieħed li jirrakkma.+
4 Huma għamlulu l-bċejjeċ taʼ fuq l-ispallejn li kienu marbutin. Kien marbut fiż-żewġt itruf tiegħu.
5 U l-ħżiem, li kien fuq l-efod biex jorbtu sew, inħadem bl-istess mod, bl-istess materjal, tad-deheb, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
6 Imbagħad għamlu l-ħaġar taʼ l-oniċi+ ingastat fid-deheb, minqux, bħalma jsir it-tinqix taʼ siġill, skond l-ismijiet taʼ wlied Israel.+
7 Għalhekk, hu poġġiehom fuq il-bċejjeċ taʼ fuq l-ispallejn taʼ l-efod bħala ħaġar tat-tifkira+ għal ulied Israel, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
8 Imbagħad għamel il-pettoral+ maħdum bis-sengħa taʼ wieħed li jirrakkma, bħalma nħadem bis-sengħa l-efod, mid-deheb, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum.+
9 Kien kwadru meta kien ikun mitwi fi tnejn. Il-pettoral, meta kien ikun mitwi fi tnejn, għamluh twil xiber u wiesaʼ xiber.+
10 Imbagħad imlewh b’erbaʼ ringieli ħaġar. L-ewwel+ ringiela kien fiha rubin, topazju, u żmerald.
11 U t-tieni+ ringiela turkina, żaffir,+ u djaspru.+
12 U t-tielet+ ringiela ħaġra tal-lesem,* agata, u ametist.
13 U r-rabaʼ+ ringiela krisolitu, oniċi,+ u ġada. Ġew ingastati b’ingasti tad-deheb fid-dwawar tagħhom.
14 U l-ħaġar kien skond l-ismijiet taʼ wlied Israel. Kienu tnax skond ismijiethom, u saru bħalma jsir it-tinqix taʼ siġill, kull waħda tkun minquxa bl-isem taʼ kull wieħed mit-tnax-il tribù.+
15 U fuq il-pettoral għamlu ktajjen minsuġin, maħdumin bħal ħabel, tad-deheb pur.+
16 Imbagħad għamlu żewġ ingasti tad-deheb u żewġ ħolqiet tad-deheb u qiegħdu ż-żewġ ħolqiet fuq iż-żewġt itruf tal-pettoral.+
17 Wara dan, għaddew iż-żewġ ħbula tad-deheb miż-żewġ ħolqiet li hemm fit-truf tal-pettoral.+
18 U għaddew iż-żewġt itruf taż-żewġ ħbula miż-żewġ ingasti. Imbagħad poġġewhom fuq il-bċejjeċ taʼ fuq l-ispallejn taʼ l-efod, fuq il-quddiem tiegħu.+
19 Imbagħad għamlu żewġ ħolqiet tad-deheb u qegħduhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral fuq it-tarf tiegħu li qiegħed fuq in-naħa taʼ ġewwa li tmiss maʼ l-efod.+
20 Imbagħad għamlu żewġ ħolqiet tad-deheb u qegħduhom fuq il-biċċtejn taʼ fuq l-ispallejn taʼ l-efod minn taħt, fuq il-quddiem tiegħu, ħdejn il-post fejn jintrabat, ’il fuq mill-ħżiem taʼ l-efod.+
21 Fl-aħħar rabtu l-pettoral mill-ħoloq tiegħu mal-ħoloq taʼ l-efod b’lazz blu, biex jibqaʼ ’l fuq mill-ħżiem taʼ l-efod, u b’hekk il-pettoral ma jiċċaqlaqx minn fuq l-efod, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.+
22 Imbagħad għamel il-libsa bla kmiem+ taʼ l-efod kollha kemm hi tal-ħajt blu, maħduma bis-sengħa taʼ wieħed li jinseġ bin-newl.
23 U l-iskollatura tal-libsa bla kmiem kienet fin-nofs tagħha, bħall-iskollatura taʼ kurazza. L-iskollatura tagħha kellha bordura dawramejt sabiex ma titqattax.+
24 Imbagħad mal-keffa tal-libsa bla kmiem għamlu rummien tal-ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, u materjal lewn l-iskarlat, mibrumin flimkien.+
25 Ukoll, għamlu ġlieġel tad-deheb pur u poġġew il-ġlieġel bejn ir-rummien+ mal-keffa tal-libsa bla kmiem dawramejt, bejn ir-rummien;
26 ġolġol u rummiena, ġolġol u rummiena mal-keffa tal-libsa bla kmiem dawramejt,+ biex jaqdu biha, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
27 Imbagħad għamlu l-ilbiesi twal taʼ l-għażel fin,+ maħdumin bis-sengħa taʼ wieħed li jinseġ bin-newl, għal Aron u għal uliedu,
28 u t-turbant+ taʼ l-għażel fin u l-għata tar-ras ornamentali taʼ l-għażel fin+ u l-qliezet taʼ taħt+ taʼ l-għażel fin mibrum,
29 u t-terħa+ taʼ l-għażel fin mibrum, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, u materjal lewn l-iskarlat, ix-xogħol taʼ nissieġ, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
30 Fl-aħħar għamlu l-istrixxa tleqq, is-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni, mid-deheb pur u naqqxu iskrizzjoni fuqha bħalma jsir it-tinqix taʼ siġill: “Il-qdusija hi taʼ Ġeħova.”+
31 U għamlulha lazz tal-ħajt blu biex ipoġġuha fuq it-turbant,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
32 Għalhekk, ix-xogħol għat-tabernaklu, jiġifieri, it-tinda tal-laqgħa, tlesta kollu, għax ulied Israel baqgħu jagħmlu skond kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.+ Għamlu preċiż hekk.
33 U ġabu għand Mosè t-tabernaklu,+ it-tinda+ u l-għodod kollha tagħha,+ il-ganċijiet,+ it-twavel* tal-qafas,+ it-traversi,+ il-kolonni, u l-pedestalli bl-ingast tiegħu,+
34 l-għata tiegħu tal-ġlud tal-muntun miżbugħin+ ħomor u l-għata tiegħu tal-ġlud tal-bumerin+ u l-purtiera li tifred,+
35 l-arka+ tat-testimonjanza u l-lasti tagħha+ u l-għatu,+
36 il-mejda,+ l-għodod kollha tagħha+ u l-ħobż tal-preżenza,
37 il-gandlier+ tad-deheb pur, l-imsiebaħ tiegħu f’ringiela,+ u l-għodod kollha tiegħu+ u ż-żejt għad-dawl,+
38 l-artal+ tad-deheb u ż-żejt tad-dlik+ u l-inċens ifuħ+ u l-purtiera+ għad-daħla tat-tinda,
39 l-artal+ tar-ram aħmar u l-gradilja+ tiegħu tar-ram aħmar, il-lasti tiegħu+ u l-għodod kollha tiegħu,+ il-vaska+ u l-bażi tagħha,+
40 il-purtieri+ tal-bitħa, il-pilastri tagħha+ u l-pedestalli bl-ingast tagħha+ u l-purtiera+ tad-daħla tal-bieb tal-bitħa, il-ħbula tat-tined tagħha+ u l-imsiemer tat-tined tagħha+ u l-għodod kollha+ għas-servizz tat-tabernaklu, għat-tinda tal-laqgħa,
41 l-ilbies+ minsuġ fin biex jaqdu bih fis-santwarju, l-ilbies qaddis+ għal Aron, il-qassis, u l-ilbies għal uliedu biex jaqdu bih bħala qassisin.+
42 Skond kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, hekk għamluh is-servizz kollu wlied Israel.+
43 U Mosè ra x-xogħol kollu, u, ara, kienu għamluh sewwasew bħalma kien ikkmanda Ġeħova. Hekk kienu għamluh. Għaldaqstant, Mosè berikhom.+
Noti taʼ taħt
^ F’dan il-kapitlu “l-iskarlat” jirreferi għaż-żebgħa mill-insett tal-kukku.