Ġenesi 1:1-31
1 Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.
2 L-art kienet bla forma u ma kien fiha xejn. Fuq wiċċ l-ilmijiet fondi kien hemm id-dlam, u l-ispirtu t’Alla* kien qed jaħdem fuqhom.
3 U Alla qal: “Ħa jkun hemm id-dawl.” U kien hemm id-dawl.
4 Wara dan, Alla ra li d-dawl kien tajjeb u beda jifred id-dawl mid-dlam.
5 Alla semma d-dawl Jum, imma d-dlam semmieh Lejl. U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, l-ewwel jum.
6 Imbagħad Alla qal: “Ħa jkun hemm spazju vojt bejn l-ilmijiet u ħa jinfirdu l-ilmijiet fi tnejn.”
7 Imbagħad Alla għamel spazju vojt biex jifred l-ilmijiet taʼ taħt l-ispazju vojt mill-ilmijiet taʼ fuqu. U hekk sar.
8 L-ispazju vojt Alla semmieh Sema. U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, it-tieni jum.
9 Imbagħad Alla qal: “Ħa jinġabru l-ilmijiet taʼ taħt is-sema f’post wieħed, u ħa tidher l-art niexfa.” U hekk sar.
10 L-art niexfa Alla sejħilha Art, imma l-ilmijiet miġburin flimkien sejħilhom Ibħra. U Alla ra li dan kien tajjeb.
11 Imbagħad Alla qal: “Ħa tnibbet l-art ħaxix, pjanti, u siġar skont l-ispeċi* tagħhom. Il-pjanti jagħmlu ż-żerriegħa, u s-siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa.” U hekk sar.
12 U l-art bdiet tnibbet ħaxix, pjanti, u siġar skont l-ispeċi tagħhom. Il-pjanti għamlu ż-żerriegħa, u s-siġar għamlu l-frott biż-żerriegħa. Imbagħad Alla ra li dan kien tajjeb.
13 U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, it-tielet jum.
14 Imbagħad Alla qal: “Ħa jkun hemm xemx, qamar, u stilel* fis-sema* biex jifirdu l-jum mil-lejl, u dawn iservu bħala sinjali għall-istaġuni, għall-jiem, u għas-snin.
15 Dawn se jagħtu d-dawl fis-sema* biex jiddu għal fuq l-art.” U hekk sar.
16 U Alla għamel ix-xemx u l-qamar. Ix-xemx biex tiddi matul il-jum u l-qamar biex jiddi matul il-lejl, u għamel ukoll l-istilel.
17 Alla poġġiehom fis-sema* biex jiddu għal fuq l-art,
18 u biex jispikkaw matul il-jum u matul il-lejl u biex jifirdu d-dawl mid-dlam. Imbagħad Alla ra li dan kien tajjeb.
19 U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, ir-rabaʼ jum.
20 Imbagħad Alla qal: “Ħa jkunu l-ilmijiet mimlijin bi ħlejjaq* ħajjin, u ħa jkun hemm għasafar* itiru fis-sema.”*
21 U Alla ħalaq il-ħlejjaq* kbar tal-baħar u l-ħlejjaq* kollha li jgħixu fi qtajjaʼ fl-ilmijiet skont l-ispeċi tagħhom, u kull ħliqa bil-ġwienaħ li ttir skont l-ispeċi tagħha. U Alla ra li dan kien tajjeb.
22 Imbagħad Alla berikhom u qal: “Ħa jkollkom iż-żgħar u siru ħafna u imlew l-ilmijiet tal-ibħra, u ħa jiżdiedu fl-art il-ħlejjaq li jtiru.”
23 U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, il-ħames jum.
24 Imbagħad Alla qal: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajjin skont l-ispeċi tagħhom, annimali mansi, annimali slavaġ, u kull tip t’annimal* ieħor tal-art skont l-ispeċi tiegħu.” U hekk sar.
25 U Alla għamel l-annimali slavaġ tal-art skont l-ispeċi tagħhom u l-annimali mansi skont l-ispeċi tagħhom u kull annimal ieħor tal-art skont l-ispeċi tiegħu. U Alla ra li dan kien tajjeb.
26 Imbagħad Alla qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna, u ħa jkollhom kontroll fuq l-art kollha u fuq il-ħut tal-baħar, il-ħlejjaq li jtiru fis-sema, l-annimali mansi, u kull tip t’annimal ieħor fuq l-art.”
27 U Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, fuq ix-xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.
28 Alla berikhom u qalilhom: “Ħa jkollkom it-tfal u siru ħafna, imlew l-art u ħudu ħsiebha. Ħa jkollkom kontroll fuq il-ħut tal-baħar, il-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u kull ħliqa ħajja fuq l-art.”
29 Imbagħad Alla qal: “Ara, tajtkom il-pjanti kollha li jagħmlu ż-żerriegħa li qegħdin fuq l-art kollha u kull siġra li tagħmel frott biż-żerriegħa. Dawn ikunu ikel għalikom.
30 U lil kull annimal salvaġġ tal-art, lil kull ħliqa li ttir fis-sema, u lil kull ħliqa oħra fuq l-art li fiha hemm il-ħajja,* jien tajthom il-ħaxix aħdar kollu bħala ikel.” U hekk sar.
31 Wara dan, Alla ra li kulma kien għamel kien tajjeb ħafna. U kien hemm filgħaxija u kien hemm filgħodu, is-sitt jum.
Noti taʼ taħt
^ Jew “il-qawwa attiva t’Alla.”
^ Hawnhekk il-kelma “speċi” għandha tifsira iktar ġenerali minn dik użata mix-xjentisti llum.
^ Jew “Ħa jkun hemm dawwaliet.”
^ Letteralment “fl-atmosfera tas-smewwiet.”
^ Letteralment “fl-atmosfera tas-smewwiet.”
^ Letteralment “fl-atmosfera tas-smewwiet.”
^ Jew “erwieħ.”
^ Il-kelma bl-Ebrajk tistaʼ tirreferi għall-għasafar u għall-ħlejjaq oħra bil-ġwienaħ bħal insetti li jtiru.
^ Letteralment “itiru fuq l-art fuq wiċċ l-atmosfera tas-smewwiet.”
^ Jew “il-monstri.”
^ Jew “l-erwieħ.”
^ Jew “t’annimal li jitkaxkar.” Milli jidher dan jinkludi rettili u tipi differenti t’annimali mill-kategoriji l-oħrajn.
^ Jew “il-ħajja bħala ruħ; ruħ ħajja.”