Ġenesi 11:1-32

  • It-torri taʼ Babel (1-4)

  • Ġeħova jħawwad il-lingwa (5-9)

  • Minn Sem sa Abram (10-32)

    • Il-familja taʼ Teraħ (27)

    • Abram jitlaq minn Ur (31)

11  Issa l-art kollha kellha lingwa waħda u ġabra waħda taʼ kliem.*  Meta n-nies telqu lejn il-Lvant skoprew pjanura fl-art tas-Sinar, u bdew jgħixu hemmhekk.  U qalu lil xulxin: “Ejja nagħmlu l-briks u nsajruh fin-nar.” Għalhekk użaw il-briks minflok il-ġebel, u l-qatran minflok it-tajn.  Imbagħad qalu: “Ejja nibnu belt għalina u torri bil-quċċata tiegħu fis-sema, u ejja nagħmlu isem għalina, biex ma ninxterdux fuq wiċċ l-art kollha.”  U Ġeħova dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn* il-belt u t-torri li kienu bnew il-bnedmin.  Imbagħad Ġeħova qal: “Huma poplu wieħed b’lingwa waħda, u dan għadu l-bidu taʼ xogħolhom. Issa m’hemm xejn li jżommhom lura milli jagħmlu kulma jiġi f’moħħhom.  Ejja mmorru nħawdulhom il-lingwa tagħhom biex ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa taʼ xulxin.”  Għalhekk, Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq wiċċ l-art kollha, u bil-mod il-mod ma baqgħux jibnu l-belt.  Huwa għalhekk li din il-belt issemmiet Babel,* għaliex hemmhekk Ġeħova ħawwad il-lingwa tal-art kollha, u Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq wiċċ l-art kollha. 10  Din hi l-istorja taʼ Sem. Sem kellu 100 sena meta kellu lil Arfaksad, sentejn wara d-Dulluvju. 11  Wara li kellu lil Arfaksad, Sem għex 500 sena oħra. U hu kellu subien u bniet. 12  Arfaksad għex 35 sena u mbagħad kellu lil Selaħ. 13  Wara li kellu lil Selaħ, Arfaksad għex 403 snin oħra. U hu kellu subien u bniet. 14  Selaħ għex 30 sena u mbagħad kellu lil Għeber. 15  Wara li kellu lil Għeber, Selaħ għex 403 snin oħra. U hu kellu subien u bniet. 16  Għeber għex 34 sena u mbagħad kellu lil Peleg. 17  Wara li kellu lil Peleg, Għeber għex 430 sena oħra. U hu kellu subien u bniet. 18  Peleg għex 30 sena u mbagħad kellu lil Regħu. 19  Wara li kellu lil Regħu, Peleg għex 209 snin oħra. U hu kellu subien u bniet. 20  Regħu għex 32 sena u mbagħad kellu lil Serug. 21  Wara li kellu lil Serug, Regħu għex 207 snin oħra. U hu kellu subien u bniet. 22  Serug għex 30 sena u mbagħad kellu lil Naħor. 23  Wara li kellu lil Naħor, Serug għex 200 sena oħra. U hu kellu subien u bniet. 24  Naħor għex 29 sena u mbagħad kellu lil Teraħ. 25  Wara li kellu lil Teraħ, Naħor għex 119-il sena oħra. U hu kellu subien u bniet. 26  Teraħ għex 70 sena u mbagħad kellu lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran. 27  Din hi l-istorja taʼ Teraħ. Teraħ kellu lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran; u Ħaran kellu lil Lot. 28  Waqt li missieru Teraħ kien għadu ħaj, Ħaran miet f’art twelidu, f’Ur tal-Kaldin. 29  Abram u Naħor iżżewġu: mart Abram kien jisimha Saraj, u mart Naħor kien jisimha Milka. Milka kienet it-tifla taʼ Ħaran u oħtha kienet Iska. 30  Issa Saraj baqgħet bla tfal; hi ma setax ikollha. 31  Imbagħad Teraħ ħa lil ibnu Abram, lil neputih Lot bin Ħaran, u lil Saraj mart Abram, u ħarġu minn Ur tal-Kaldin biex imorru fl-art taʼ Kangħan. Wara xi żmien, waslu Ħaran u bdew jgħixu hemmhekk. 32  Teraħ għex 205 snin. Imbagħad Teraħ miet f’Ħaran.

Noti taʼ taħt

Jew “vokabolarju wieħed.”
Letteralment “niżel jara.”
Ifisser “Konfużjoni.”