Ġenesi 16:1-16
-
Ħagar u Ismagħel (1-16)
16 Saraj il-mara t’Abram ma kellhiex tfal, imma kellha qaddejja Eġizzjana jisimha Ħagar.
2 Għalhekk, Saraj qalet lil Abram: “Ismagħni jekk jogħġbok! Ġeħova ma ħallinix ikolli t-tfal. Jekk jogħġbok, ħa jkollok x’taqsam mal-qaddejja tiegħi. Forsi jkolli t-tfal permezz tagħha.” Għalhekk, Abram semaʼ minnha.
3 Abram kien ilu għaxar snin fl-art taʼ Kangħan meta l-mara tiegħu Saraj tatu lill-qaddejja tagħha Ħagar bħala martu.
4 Għalhekk kellu x’jaqsam maʼ Ħagar u ħarġet tqila. Meta ndunat li kienet tqila, hi bdiet tmaqdar lil Saraj.
5 Minħabba f’hekk, Saraj qalet lil Abram: “Tort tiegħek li qed inbati. Jien kont li tajtek il-qaddejja tiegħi,* imma meta ndunat li kienet tqila, bdiet tmaqdarni. Ħa jiġġudika Ġeħova bejni u bejnek.”
6 Għalhekk, Abram qal lil Saraj: “Ladarba hi l-qaddejja tiegħek, agħmlilha dak li taħseb li hu l-aħjar.” Imbagħad Saraj umiljatha, u Ħagar ħarbet ’il bogħod minnha.
7 Iktar tard, anġlu taʼ Ġeħova sabha ħdejn għajn tal-ilma fid-deżert, l-għajn li hemm fit-triq li tagħti għal Sur.
8 Hu qalilha: “Ħagar, qaddejja taʼ Saraj, minn fejn ġejja u fejn sejra?” Hi wieġbet: “Qed naħrab minn Saraj.”
9 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qalilha: “Mur lura għandha u aqdiha.”
10 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qalilha: “Se nagħtik ħafna u ħafna dixxendenti,* tant li ħadd ma jkun jistaʼ jgħoddhom.”
11 L-anġlu taʼ Ġeħova żied: “Int se jkollok tifel, u għandek issemmih Ismagħel,* għax Ġeħova nnota* li int qed tbati.
12 Hu se jsir bla kontroll bħal ħmar salvaġġ.* Hu se jiġġieled kontra kulħadd, u kulħadd se jiġġieled kontrih, u hu se jgħix ħdejn ħutu kollha.”*
13 Imbagħad hi faħħret* isem Ġeħova, li kien qed ikellimha, u qalet: “Int Alla li jara,” u żiedet tgħid: “Jien rajt il-wieħed li jarani!”
14 Kien għalhekk li dan il-bir issemma Bir-laħaj-roj.* (Dan qiegħed bejn Kades u Bered.)
15 Ħagar welldet iben lil Abram, u Abram semmieh Ismagħel.
16 Abram kellu 86 sena meta Ħagar kellha lil Ismagħel.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “il-qaddejja tiegħi fi ħdanek.”
^ Jew “Se jkollok ħafna u ħafna li jiġu minnek.”
^ Ifisser “Alla Jismaʼ.”
^ Letteralment “semaʼ.”
^ Xi wħud jaħsbu li jirreferi għal żebra. X’aktarx bħala referenza għal attitudni indipendenti.
^ Jew forsi “u hu se jgħix bħala għadu taʼ ħutu kollha.”
^ Letteralment “għajtet.”
^ Ifisser “Bir tal-Wieħed Ħaj li Jarani.”