Ġenesi 2:1-25
2 B’hekk, tlestew is-sema u l-art u kulma fihom.*
2 Sas-sebaʼ jum Alla lesta x-xogħol li kien qed jagħmel, u fis-sebaʼ jum beda jistrieħ mix-xogħol kollu li għamel.
3 U Alla bierek is-sebaʼ jum u ddikjarah qaddis, għaliex fih beda jistrieħ mix-xogħol kollu li ħalaq skont l-iskop li kellu.
4 Din hi l-istorja taʼ meta nħolqu s-sema u l-art, dakinhar li Alla Ġeħova* għamel l-art u s-sema.
5 Ma kien għad hemm ebda siġra jew pjanta fl-art, għaliex Alla Ġeħova kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art u ma kien hemm ebda bniedem biex jikkultiva l-art.
6 Imma kien jitlaʼ fwar mill-art u jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art.
7 U Alla Ġeħova ħalaq ir-raġel mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh in-nifs tal-ħajja, u r-raġel sar persuna ħajja.*
8 Ukoll, Alla Ġeħova ħawwel ġnien fl-Għeden, lejn il-Lvant, u hemmhekk poġġa lir-raġel li kien ħalaq.
9 Alla Ġeħova nibbet mill-art kull siġra li tpaxxi l-għajn u tajba għall-ikel. Ukoll, f’nofs il-ġnien hu għamel is-siġra tal-ħajja u s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.
10 U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden biex issaqqi l-ġnien, u minn hemm kienet tinqasam f’erbaʼ xmajjar.*
11 L-ewwel waħda jisimha Pison; din iddur mal-art kollha taʼ Ħawila, fejn hemm id-deheb.
12 Id-deheb taʼ din l-art hu pur. Hemm ukoll il-gomma tar-raża tfuħ u l-ħaġar tal-oniċi.
13 It-tieni xmara jisimha Giħon; din iddur mal-art kollha taʼ Kus.
14 It-tielet xmara jisimha Ħiddekel;* din tmur lejn il-Lvant tal-Assirja. U r-rabaʼ xmara hija l-Ewfrat.
15 Alla Ġeħova ħa lir-raġel u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jikkultivah u jieħu ħsiebu.
16 Alla Ġeħova ta wkoll dan il-kmand lir-raġel: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ.
17 Imma mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.”
18 Imbagħad Alla Ġeħova qal: “Mhux tajjeb li r-raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna li taqbel għal miegħu.”
19 Issa Alla Ġeħova ħalaq mill-art kull annimal salvaġġ u kull ħliqa li ttir fis-sema, u beda jġibhom għand ir-raġel biex jara x’se jsemmi lil kull wieħed u waħda minnhom. Isem kull ħliqa ħajja sar skont dak li ta r-raġel.
20 Għalhekk, ir-raġel ta isem lill-annimali mansi kollha, lill-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u lil kull annimal salvaġġ. Imma hu ma kellux għajnuna li taqbel għal miegħu.
21 B’hekk, Alla Ġeħova ġiegħel lir-raġel jorqod fil-fond u waqt li kien rieqed, ħa waħda mill-kustilji tiegħu u għalaq il-laħam fejn kienet.
22 U Alla Ġeħova ħalaq* mara mill-kustilja li kien ħa mir-raġel, u wara ħadha għand ir-raġel.
23 Imbagħad ir-raġel qal:
“Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmiU laħam minn laħmi.
Din tissejjaħ Mara,Għax mir-raġel ittieħdet.”
24 Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ* martu, u jsiru ġisem wieħed.
25 U t-tnejn li huma kienu għarwenin, ir-raġel u martu; madankollu ma kinux jistħu.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “u l-armata kollha tagħhom.”
^ L-ewwel darba li jidher l-isem persunali t’Alla, יהוה (JĦWH), li jiddistingwih mill-allat l-oħrajn kollha. Ara App. A4.
^ Jew “ruħ ħajja.” Il-kelma bl-Ebrajk hi nefex, li letteralment tfisser “ħliqa li tieħu n-nifs.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “saret erbat irjus.”
^ Jew “Tigri.”
^ Jew “sawwar.”
^ Jew “jibqaʼ maʼ.”