Ġenesi 28:1-22
28 U Iżakk għajjat lil Ġakobb u bierku u kkmandah: “Tiżżewwiġx mara mill-bniet taʼ Kangħan.
2 Mur il-Fiddien-aram fid-dar taʼ Betwel missier ommok u żżewweġ mara mit-tfal taʼ Laban ħu ommok.
3 L-Alla li Jistaʼ Kollox ibierkek u jagħtik ħafna u ħafna tfal, u int żgur li ssir poplu kbir.
4 U jagħti l-barka t’Abraham lilek u lid-dixxendenti tiegħek,* sabiex tieħu f’idejk l-art li qed tgħix fiha bħala barrani, li Alla ta lil Abraham.”
5 Għalhekk, Iżakk bagħat lil Ġakobb, u dan telaq lejn il-Fiddien-aram għand Laban bin Betwel l-Arami. Laban kien ħu Rebekka, omm Ġakobb u Għesaw.
6 Għesaw sar jaf li Iżakk kien bierek lil Ġakobb u bagħtu lejn il-Fiddien-aram biex jieħu mara għalih minn hemmhekk u li meta bierku, ikkmandah: “Tiżżewwiġx mara mill-bniet taʼ Kangħan.”
7 U sar jaf li Ġakobb obda lil missieru u lil ommu u telaq lejn il-Fiddien-aram.
8 Għesaw imbagħad irrealizza li missieru Iżakk ma kienx kuntent bil-bniet taʼ Kangħan.
9 Għalhekk, Għesaw mar għand il-familja taʼ Ismagħel, u minbarra n-nisa li diġà kellu, hu żżewweġ lil Maħalat oħt Nebajot. Maħalat kienet bint Ismagħel, bin Abraham.
10 Ġakobb telaq minn Bir-xeba u baqaʼ sejjer lejn Ħaran.
11 Hu wasal f’ċertu post u pprepara biex iqattaʼ l-lejl hemmhekk għaliex ix-xemx kienet niżlet. Għalhekk, ħa ġebla minn dak il-post u qegħedha flok imħadda taħt rasu u mtedd f’dak il-post.
12 Imbagħad kellu ħolma, u fiha kien hemm taraġ* li jibda mill-art u jasal sas-sema, u l-anġli t’Alla kienu telgħin u neżlin fuqu.
13 U kien hemm Ġeħova fuqu, u qal:
“Jien Ġeħova l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Iżakk. L-art li qiegħed mimdud fuqha, se nagħtiha lilek u lid-dixxendenti tiegħek.*
14 U d-dixxendenti tiegħek* se jsiru daqs it-trab tal-art, u int se tinfirex lejn il-Punent, il-Lvant, it-Tramuntana, u n-Nofsinhar. Permezz tiegħek u d-dixxendenti tiegħek,* żgur li se jitbierku* l-familji kollha tal-art.
15 Jien miegħek u se nipproteġik kull fejn tmur u se nġibek lura lejn din l-art. Mhux se nitilqek sakemm inkun għamilt kulma wegħedtek.”
16 Imbagħad Ġakobb qam mill-irqad u qal: “Ġeħova veru qiegħed f’dan il-post, u jien ma kontx naf.”
17 U beda jibżaʼ u kompla jgħid: “Kemm hu tal-għaġeb dan il-post! Din żgur li hi d-dar t’Alla, u dan hu bieb is-sema.”
18 Għalhekk, Ġakobb qam kmieni, qabad il-ġebla li għamel taħt rasu, qegħedha bħala ġebla taʼ tifkira,* u ferraʼ ż-żejt fuqha.
19 Allura dak il-post semmieh Betel,* imma qabel dik il-belt kien jisimha Luż.
20 Ġakobb imbagħad għamel ħalfa u qal: “Jekk Alla jibqaʼ miegħi, jipproteġini fil-vjaġġ tiegħi, jagħtini ħobż x’niekol u ħwejjeġ x’nilbes,
21 u nerġaʼ lura fil-paċi lejn dar missieri, Ġeħova żgur li jkun wera li hu l-Alla tiegħi.
22 U din il-ġebla li qegħedt bħala tifkira se ssir dar t’Alla, u żgur li nagħtik għaxra fil-100 minn kulma tagħtini.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “sellum.”
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “se jiksbu barka għalihom infushom.”
^ Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Ifisser “Dar t’Alla.”