Ġenesi 29:1-35
29 Imbagħad Ġakobb kompla jivvjaġġa lejn l-artijiet tal-Lvant.
2 Issa hu ra bir fl-għalqa u ħdejh kien hemm tliet merħliet nagħaġ mimdudin, għax normalment ir-ragħajja kienu jagħtu l-ilma lill-imrieħel minn dan il-bir. U kien hemm ġebla kbira fuq il-bir.
3 Meta l-imrieħel kollha kienu jinġabru hemmhekk, ir-ragħajja kienu jgerbu l-ġebla minn fuq il-bir u jagħtu lill-imrieħel x’jixorbu, u wara kienu jerġgħu jqiegħdu l-ġebla f’postha fuq il-bir.
4 Għalhekk, Ġakobb qalilhom: “Ħuti, minn fejn intom?” u huma wiġbuh: “Minn Ħaran.”
5 U qalilhom: “Tafuh lil Laban in-neputi taʼ Naħor?” u huma wiġbuh: “Nafuh.”
6 Għalhekk qalilhom: “Kif inhu, tajjeb?” Wiġbuh: “Tajjeb. U dik li ġejja bin-nagħaġ hi bintu Rakele!”
7 U hu qal: “Fadallu biex jidlam u għadu mhuwiex il-ħin biex jinġabru l-imrieħel. Agħtuhom l-ilma n-nagħaġ, imbagħad morru agħlfuhom.”
8 Għal dan qalulu: “M’għandniex permess nagħmlu hekk. L-ewwel iridu jinġabru l-imrieħel kollha, u mbagħad ingerbu l-ġebla minn fuq il-bir u nagħtu l-ilma lin-nagħaġ.”
9 Waqt li kien għadu qed jitkellem magħhom, waslet Rakele bin-nagħaġ taʼ missierha, għax hi kienet tieħu ħsiebhom.
10 Meta Ġakobb ra lil Rakele bin-nagħaġ taʼ missierha Laban, ħu ommu, Ġakobb minnufih resaq u gerbeb il-ġebla minn fuq il-bir u ta x’jixorbu lin-nagħaġ taʼ Laban.
11 Imbagħad Ġakobb bies lil Rakele u nfaqaʼ jibki b’leħen għoli.
12 U Ġakobb beda jgħid lil Rakele li hu kien jiġi minn* missierha u li kien bin Rebekka. U hi telqet tiġri u qalet lil missierha b’dan.
13 Malli Laban semaʼ l-aħbar dwar Ġakobb bin oħtu, telaq jiġri biex jiltaqaʼ miegħu. Hu għannqu, biesu, u ħadu d-dar tiegħu. U Ġakobb beda jirrakkonta lil Laban dak kollu li ġralu.
14 Laban qallu: “Int żgur tiġi minni mill-qrib.”* Għalhekk, qagħad miegħu xahar sħiħ.
15 Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “Imbilli tiġi minni,* ma jfissirx li għandek taqdini b’xejn. Għidli, x’għandu jkun ħlasek?”
16 Laban kellu żewġt ibniet. Il-kbira kien jisimha Lea u ż-żgħira Rakele.
17 Imma Lea ma kellhiex għajnejha sbieħ, filwaqt li Rakele kienet mara sabiħa u attraenti ħafna.
18 Ġakobb sar iħobb lil Rakele. Għalhekk qal: “Jien lest li naqdik sebaʼ snin għal bintek iż-żgħira Rakele.”
19 U Laban qallu: “Aħjar nagħtiha lilek milli nagħtiha lil xi raġel ieħor. Ibqaʼ għix miegħi.”
20 U Ġakobb qeda sebaʼ snin għal Rakele, imma għalih dawn kienu qishom ftit jiem daqskemm kien iħobbha.
21 Imbagħad Ġakobb qal lil Laban: “Agħtini lil marti għaliex għalaqli ż-żmien, sabiex inkun nistaʼ jkolli x’naqsam magħha.”
22 U Laban ġabar lin-nies kollha tal-post u għamel festa.
23 Imma dakinhar filgħaxija, hu ħa lil bintu Lea u tahielu biex ikollu x’jaqsam magħha.
24 Ukoll, Laban ta l-qaddejja tiegħu Żilfa lil bintu Lea biex tkun il-qaddejja tagħha.
25 Filgħodu Ġakobb ra li kienet Lea! Allura qal lil Laban: “X’għamiltli? Jien mhux għal Rakele qdejtek? Għala dħaqt bija?”
26 U Laban qallu: “Hawn mhux id-drawwa tagħna li nagħtu ż-żgħira qabel il-kbira.
27 Iċċelebra ġimgħa maʼ din il-mara. Wara tingħatalek ukoll il-mara l-oħra jekk taqdini sebaʼ snin oħra.”
28 Ġakobb għamel hekk u ċċelebra l-ġimgħa maʼ din il-mara, u wara Laban tah lil bintu Rakele b’martu.
29 Barra minn hekk, Laban ta l-qaddejja tiegħu Bilħa lil bintu Rakele bħala l-qaddejja tagħha.
30 Imbagħad Ġakobb kellu x’jaqsam ukoll maʼ Rakele, u lil Rakele kien iħobbha iktar minn Lea, u qdieh għal sebaʼ snin oħra.
31 Meta Ġeħova ra li Lea ma kinitx maħbuba,* hu ppermetta li toħroġ tqila,* imma Rakele ma setax ikollha tfal.
32 U Lea ħarġet tqila u kellha tifel u semmietu Ruben,* għax qalet: “Hu għaliex Ġeħova ra t-tbatija tiegħi, u issa żewġi se jsir iħobbni.”
33 U hi reġgħet ħarġet tqila u kellha tifel, u qalet: “Hu għaliex Ġeħova semagħni, peress li ma kontx maħbuba, u b’hekk tani lil dan ukoll.” Imbagħad semmietu Simegħon.*
34 U reġgħet ħarġet tqila u kellha tifel u mbagħad qalet: “Issa din id-darba żewġi jinġibed lejja, għaliex wellidtlu tliet subien.” Għalhekk, semmietu Levi.*
35 U għal darb’oħra ħarġet tqila u kellha tifel u mbagħad qalet: “Din id-darba se nfaħħar lil Ġeħova.” Għalhekk, semmietu Ġuda.* Imbagħad għal xi żmien ma kellhiex iktar tfal.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “ħu.”
^ Letteralment “għadmi u laħmi.”
^ Letteralment “ħija.”
^ Letteralment “kienet mibgħuda.”
^ Letteralment “fetħilha ġufha.”
^ Ifisser “Ara, Iben!”
^ Ifisser “Jismaʼ.”
^ Ifisser “Iżomm ma’; Miġbud Lejn.”
^ Ifisser “Il-Wieħed Imfaħħar.”