Ġenesi 30:1-43

  • Bilħa twelled lil Dan u Naftali (1-8)

  • Żilfa twelled lil Gad u Aser (9-13)

  • Lea twelled lil Isakkar u Żebulun (14-21)

  • Rakele twelled lil Ġużeppi (22-24)

  • Jiżdiedu l-imrieħel taʼ Ġakobb (25-43)

30  Meta Rakele rat li ma kinitx welldet tfal lil Ġakobb, hi bdiet tgħir għal oħtha u qalet lil Ġakobb: “Agħtini t-tfal inkella mmut.”  U Ġakobb irrabja ma’ Rakele u qalilha: “Jaqaw jien flok Alla, li żammek milli jkollok it-tfal?”  Għalhekk qaltlu: “Hawn hi Bilħa, l-ilsira tiegħi. Ħa jkollok x’taqsam magħha sabiex hi twelled it-tfal għalija* u permezz tagħha, anki jien ikolli t-tfal.”  U tatu lill-qaddejja tagħha Bilħa b’martu, u Ġakobb kellu x’jaqsam magħha.  Bilħa ħarġet tqila u meta għalqilha ż-żmien welldet iben lil Ġakobb.  Imbagħad Rakele qalet: “Alla hu l-imħallef tiegħi u semaʼ wkoll leħni, u b’hekk tani iben.” Għalhekk, semmietu Dan.*  Bilħa, il-qaddejja taʼ Rakele, reġgħet ħarġet tqila u meta għalqilha ż-żmien kellha t-tieni iben minn Ġakobb.  Imbagħad Rakele qalet: “Iġġilidt kemm flaħt m’oħti. U ħriġt ukoll rebbieħa!” Għalhekk, semmietu Naftali.*  Meta Lea rat li ma kienx qed ikollha tfal, ħadet lill-qaddejja tagħha Żilfa u tatha lil Ġakobb b’martu. 10  U Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, welldet iben lil Ġakobb. 11  U Lea qalet: “Kemm jien iffortunata!” Għalhekk, semmietu Gad.* 12  Imbagħad Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, kellha t-tieni iben minn Ġakobb. 13  U Lea qalet: “Kemm jien ferħana! Għax in-nisa* se jgħidu li jien ferħana.” Għalhekk, semmietu Aser.* 14  Issa Ruben kien qed jimxi fi żmien il-ħsad tal-qamħ u sab il-mandragori* fl-għalqa u ħadhom lil ommu Lea. Imbagħad Rakele qalet lil Lea: “Jekk jogħġbok, agħtini ftit mill-mandragori taʼ ibnek.” 15  U din qaltilha: “Mhux biżżejjed li ħadtli lil żewġi? Issa trid tieħu l-mandragori taʼ ibni wkoll?” Għalhekk Rakele qaltilha: “Mela nagħmlu hekk, int tagħtini l-mandragori t’ibnek u llejla Ġakobb jimtedd miegħek.” 16  Meta Ġakobb kien ġej mill-għalqa filgħaxija, Lea ħarġet tilqgħu u qaltlu: “Miegħi se jkollok x’taqsam, għax fil-fatt krejtek bil-mandragori taʼ ibni.” Għalhekk, dak il-lejl hu mtedd magħha. 17  U Alla semaʼ t-talba taʼ Lea u wiġibha u hi ħarġet tqila. Meta għalqilha ż-żmien welldet il-ħames iben lil Ġakobb. 18  U Lea qalet: “Alla tani ħlasi* talli tajt il-qaddejja tiegħi lil żewġi.” Għalhekk, semmietu Issakar.* 19  U Lea ħarġet tqila għal darb’oħra u meta għalqilha ż-żmien welldet is-sitt iben lil Ġakobb. 20  U Lea qalet: “Alla tani rigal tajjeb. Sa fl-aħħar, żewġi se jaċċettani, għaliex wellidtlu sitt subien.” Għalhekk, semmietu Żebulun.* 21  Wara kellha tifla u semmietha Dina. 22  Sa fl-aħħar, Alla ftakar f’Rakele, u Alla semagħha u wiġibha billi ppermetta li toħroġ tqila.* 23  U hi ħarġet tqila u kellha tifel. Imbagħad qalet: “Alla neħħieli d-diżunur minn fuqi!” 24  Għalhekk semmietu Ġużeppi,* u qalet: “Ġeħova qed iżidli iben ieħor.” 25  Wara li Rakele kellha lil Ġużeppi, Ġakobb minnufih qal lil Laban: “Ibgħatni biex immur f’dari u f’pajjiżi, 26  u ħallini nieħu miegħi lin-nisa u t-tfal tiegħi, li qdejtek għalihom, għax int taf sew kif qdejtek.” 27  U Laban qallu: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, ibqaʼ hawn jekk jogħġbok. Mis-sinjali* jien fhimt li Ġeħova qed iberikni minħabba fik.” 28  U kompla jgħid: “Għidli x’għandu jkun ħlasek u nagħtihulek.” 29  Għalhekk Ġakobb qallu: “Int taf kif qdejtek u kemm marret tajjeb il-merħla tiegħek miegħi. 30  Ftit kellek qabel ma ġejt jien, imma issa ara kemm żdiedet il-merħla tiegħek, u Ġeħova bierkek mindu ġejt jien. Allura, meta se nagħmel xi ħaġa għal dari stess?” 31  Imbagħad Laban qallu: “X’għandi nagħtik?” U Ġakobb qal: “Tagħtini assolutament xejn! Jekk tagħmilli din il-ħaġa li se ngħidlek, jien nerġaʼ nibda nirgħa l-merħla tiegħek u nieħu ħsiebha. 32  Illum ngħaddu qalb il-merħla kollha tiegħek. U int twarrab minnha kull nagħġa mnaqqxa u mtebbgħa, u kull muntun żgħir kannella skur u kull waħda mill-mogħoż imtebbgħa u mnaqqxa. U minn issa ’l quddiem, dawn ikunu ħlasi. 33  U l-onestà* tiegħi titkellem għalija meta fil-futur tiġi biex tiċċekkja ħlasi. Jekk issib għandi xi mogħża li mhix imnaqqxa u mtebbgħa jew xi muntun żgħir li mhux kannella skur, tistaʼ tqishom misruqin.” 34  U Laban qallu: “Iva, tajjeb! Ħa jkun kif għedt int.” 35  U dakinhar warrab il-bdabad bl-istrixxi u mtebbgħin u l-mogħoż kollha mnaqqxin u mtebbgħin, kulma kien fih l-abjad u kull wieħed kannella skur minn fost l-imtaten żgħar, u tahom lit-tfal tiegħu biex jieħdu ħsiebhom. 36  Wara dan, tbiegħed minn Ġakobb distanza taʼ tlett ijiem mixi, u Ġakobb kien qed jirgħa l-imrieħel taʼ Laban li kien fadal. 37  Imbagħad Ġakobb ħa xi friegħi li kienu għadhom kif inqatgħu mis-siġar tal-istoraċi, tal-lewż, u tad-dolf, u qaxxar partijiet mill-friegħi b’tali mod li bdew jidhru dwawar bojod ġo fihom. 38  Fl-aħħar, il-friegħi li kien qaxxar poġġiehom quddiem il-merħla, fil-ħwat tal-ilma fejn l-imrieħel kienu jiġu jixorbu, sabiex meta jisħnu* jarawhom quddiemhom meta jmorru jixorbu. 39  Għalhekk, l-imrieħel kienu jisħnu quddiem il-friegħi, u l-imrieħel kien ikollhom frieħ bl-istrixxi, imnaqqxin, u mtebbgħin. 40  Imbagħad Ġakobb fired l-imtaten iż-żgħar u għamel mod li l-bqija tal-imrieħel taʼ Laban iħarsu lejn dawk bl-istrixxi u dawk kollha li kienu kannella skuri. Imbagħad warrab l-imrieħel tiegħu u ma ħallathomx mal-imrieħel taʼ Laban. 41  U kull meta kienu jisħnu l-annimali b’saħħithom, Ġakobb kien ipoġġi l-friegħi fil-ħwat tal-ilma fejn jarawhom l-imrieħel, biex jisħnu ħdejn il-friegħi. 42  Imma meta l-annimali kienu jkunu dgħajfin ma kienx ipoġġihom quddiemhom. Għalhekk, id-dgħajfin dejjem kienu jkunu taʼ Laban, imma dawk b’saħħithom taʼ Ġakobb. 43  U r-raġel sar sinjur ħafna, u kellu mrieħel kbar ħafna, qaddejja nisa u rġiel, iġmla, u ħmir.

Noti taʼ taħt

Letteralment “twelled fuq irkopptejja.”
Ifisser “Imħallef.”
Ifisser “Il-Ġlied Tiegħi.”
Ifisser “Fortuna Tajba.”
Letteralment “il-bniet.” Din tirreferi għan-nisa taʼ dik l-art.
Ifisser “Ferħan; Ferħ.”
In-nisa kienu jieklu l-frott taʼ din il-pjanta għax ħasbu li kienet tgħinhom biex jinqabdu tqal.
Jew “il-ħlas tal-kirja.”
Ifisser “Hu l-Ħlas.”
Ifisser “Jaċċetta.”
Letteralment “u fetħilha ġufha.”
Forma mqassra taʼ Ġosifija, li jfisser “Jalla Jah Iżid.”
Jew “Mill-evidenza.”
Jew “is-sewwa.”
Jiġifieri jkunu lesti biex jitgħammru.