Ġenesi 31:1-55
31 Maż-żmien hu semaʼ x’kienu qed jgħidu t-tfal taʼ Laban: “Ġakobb ħa kulma kellu missierna, u minn dak li kellu missierna akkwista dan il-ġid kollu.”
2 Meta Ġakobb kien iħares lejn Laban, hu kien jara li l-attitudni tiegħu lejh ma kinitx bħal qabel.
3 Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Ġakobb: “Erġaʼ lura lejn art missirijietek u lejn qrabatek, u jien inkompli nkun miegħek.”
4 Imbagħad Ġakobb bagħat jgħid lil Rakele u lil Lea biex imorru l-għalqa ħdejn il-merħla tiegħu,
5 u qalilhom:
“L-attitudni taʼ missierkom lejja nbidlet, imma l-Alla taʼ missieri kien dejjem miegħi.
6 Intom tafu tajjeb li qdejt lil missierkom b’ħilti kollha.
7 Missierkom ipprova jqarraq bija u biddilli ħlasi għaxar darbiet, imma Alla ma ħalliehx jagħmilli l-ħsara.
8 Jekk kien jgħidli, ‘L-imnaqqxin ikunu ħlasek,’ il-merħla kollha kien ikollha frieħ imnaqqxin; imma jekk kien jgħidli, ‘Dawk bl-istrixxi jkunu ħlasek,’ il-merħla kollha kien ikollha frieħ bl-istrixxi.
9 Għalhekk, Alla baqaʼ jieħu l-merħla taʼ missierkom u jagħtiha lili.
10 Darba waħda, meta l-merħla saħnet, rajt dehra f’ħolma u fiha l-bdabad li kienu qed jgħammru l-merħla kienu bl-istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati.
11 U l-anġlu tal-Alla l-veru qalli fil-ħolma, ‘Ġakobb!’ u jien wiġibtu, ‘Hawn jien.’
12 U hu kompla, ‘Ħares ’il fuq, jekk jogħġbok, u ara li l-bdabad li qed jgħammru l-merħla huma bl-istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati, għax jien rajt kulma qed jagħmillek Laban.
13 Jien l-Alla l-veru taʼ Betel, fejn int ferrajt iż-żejt fuq* ġebla* u għamiltli wegħda. Issa qum, oħroġ minn din l-art u erġaʼ lura lejn art twelidek.’”
14 U Rakele u Lea wiġbuh: “Għad baqgħalna xi sehem mill-wirt f’dar missierna?
15 Hu jqisna bħala barranin, ladarba biegħna u qed ikompli juża l-flus li ngħataw lilna.
16 Għax il-ġid kollu li Alla ħa mingħand missierna hu tagħna u tat-tfal tagħna. Għalhekk, agħmel kulma qallek Alla.”
17 Imbagħad Ġakobb tellaʼ lit-tfal u lin-nisa tiegħu fuq l-iġmla,
18 u ħa l-merħla kollha tiegħu u l-ġid kollu li kien akkwista fil-Fiddien-aram, sabiex imur għand missieru Iżakk fl-art taʼ Kangħan.
19 Issa Laban kien mar jaqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħu, u Rakele serqet l-istatwi tat-terafim* taʼ missierha.
20 Iktar minn hekk, Ġakobb qarraq b’Laban l-Arami, għax ma kienx qallu li se jaħrab.
21 U ħarab b’kulma kellu u qasam ix-Xmara.* Imbagħad mar lejn il-muntanji taʼ Gilegħad.
22 Fit-tielet jum, lil Laban qalulu li Ġakobb kien ħarab.
23 U Laban ħa miegħu lill-irġiel tiegħu* u mar jiġri warajh. U f’sebat ijiem laħqu fir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad.
24 U Alla deher lil Laban l-Arami f’ħolma billejl u qallu: “Oqgħod attent x’tgħid lil Ġakobb.”*
25 Għalhekk, Laban mar ħdejn Ġakobb, li kien rama t-tinda tiegħu fuq il-muntanja. Issa Laban kien ikkampja mal-irġiel tiegħu fir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad.
26 Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “X’għamilt? Għala qarraqt bija u ħadt lill-bniet tiegħi bħal ilsiera meħudin bix-xabla?
27 Għala ħrabt bil-moħbi u qarraqt bija u m’għedtlix? Li kieku għedtli, kont nibagħtek bil-ferħ u bl-għanjiet, bit-tanburlin u bl-arpa.
28 Imma int ma tajtnix ċans inbus in-neputijiet* u l-bniet tiegħi. Int aġixxejt bi bluha.
29 Jien nistaʼ nagħmlilkom il-ħsara, imma l-Alla taʼ missierkom kellimni l-lejl l-ieħor u qalli, ‘Oqgħod attent x’tgħid lil Ġakobb.’*
30 Int tlaqt minħabba li xtaqt tmur lura f’dar missierek. Iżda għala sraqt l-allat tiegħi?”
31 Ġakobb wieġeb lil Laban: “Ħrabt għax bżajt u għedt bejni u bejn ruħi, ‘Int se tiħodli bil-forza l-bniet tiegħek.’
32 Għand min issib allatek, ma jibqax ħaj. Fittex fl-affarijiet tiegħi quddiem kulħadd, u ħu dak li hu tiegħek.” Imma Ġakobb ma kienx jaf li kienet serqithom Rakele.
33 Għalhekk, Laban daħal fit-tinda taʼ Ġakobb, taʼ Lea, u taż-żewġ ilsiera nisa, imma ma sabhomx. Imbagħad ħareġ mit-tinda taʼ Lea u daħal f’taʼ Rakele.
34 Sadanittant, Rakele qabdet l-istatwi tat-terafim u poġġiethom fil-basket taʼ mas-sarġ li n-nisa jużaw fuq il-ġemel, u qagħdet bilqiegħda fuqhom. Għalhekk, Laban fittex fit-tinda kollha, imma ma sabhomx.
35 Imbagħad qalet lil missierha: “Tirrabjax sidi, imma ma nistax inqum quddiemek peress li għandi dak li s-soltu jkollhom in-nisa.” Għalhekk, kompla jfittex bir-reqqa, imma l-istatwi tat-terafim ma sabhomx.
36 U Ġakobb irrabja u beda jikkritika lil Laban. Imbagħad qal lil Laban: “X’għamilt ħażin, u għal liema dnub qed tiġri warajja b’tant rabja?
37 Issa li fittixt f’ġidi kollu, x’sibt li hu taʼ darek? Poġġih hawnhekk quddiem kulħadd, u ħa jiddeċiedu huma bejnietna.
38 Matul dawn l-20 sena li ilni miegħek, in-nagħaġ u l-mogħoż tiegħek qatt ma kellhom korriment, u jien qatt ma kilt mill-imtaten tal-merħla tiegħek.
39 Ma ġibtlek ebda annimal imqattaʼ minn bhejjem slavaġ. Jien kont nagħmel tajjeb għalih. Sew jekk l-annimal kien jinsteraq matul il-jum u sew jekk kien jinsteraq billejl, int kont titlob kumpens mingħandi.
40 Matul il-jum kienet tkiddni s-sħana u billejl il-kesħa, u spiss ma kontx inkun nistaʼ norqod.
41 Ili f’darek 20 sena. Qdejtek 14-il sena għaż-żewġt ibniet tiegħek u sitt snin għall-merħla tiegħek, u int biddiltli ħlasi għaxar darbiet.
42 Li kieku l-Alla taʼ missieri, l-Alla t’Abraham u l-Wieħed li Iżakk iqim,* ma kienx miegħi, kont tibgħatni b’idi vojta. Alla ra t-tbatija tiegħi u kemm tħabatt, u kien għalhekk li wissiek il-lejl l-ieħor.”
43 Imbagħad Laban wieġeb lil Ġakobb: “Il-bniet huma l-bniet tiegħi u t-tfal it-tfal tiegħi u l-merħla l-merħla tiegħi, u kulma qed tħares lejh hu tiegħi u tal-bniet tiegħi. X’nistaʼ nagħmel jien illum kontra dawn jew kontra t-tfal li welldu?
44 Issa ejja nagħmlu patt jien u int, u dan iservi bħala xhieda bejnietna.”
45 B’hekk, Ġakobb ħa ġebla u waqqafha bħala tifkira.*
46 Imbagħad Ġakobb qal lill-irġiel:* “Iġbru l-ġebel!” U huma ġabru l-ġebel u għamluh gozz. Imbagħad kielu hemmhekk fuq dan il-ġebel.
47 U Laban semmieh Ġegar-saħaduta,* imma Ġakobb semmieh Galgħed.*
48 Imbagħad Laban qal: “Illum dan il-gozz hu xhieda bejni u bejnek.” Huwa għalhekk li ssemma Galgħed
49 u t-Torri tal-Għassa, għax qal: “Ħa jibqaʼ għassa Ġeħova bejni u bejnek meta ma nkunux qed naraw lil xulxin.
50 Jekk tittratta ħażin lill-bniet tiegħi jew tiżżewweġ nisa oħrajn, għalkemm m’hawn ħadd jarana, ftakar li Alla se jkun xhud bejnietna.”
51 Laban kompla jgħid lil Ġakobb: “Hawn dan il-gozz ġebel u l-ġebla bħala tifkira* li waqqaft bejni u bejnek.
52 Dan il-gozz ġebel u din il-ġebla bħala tifkira* huma xhieda li jien m’iniex se naqbiżhom biex nagħmillek il-ħsara u int mhux se taqbiżhom biex tagħmilli l-ħsara.
53 Ħalli l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Naħor, jiġifieri l-Alla taʼ missierhom, jiġġudika bejnietna.” U Ġakobb ħalef bil-Wieħed li missieru Iżakk iqim.*
54 Imbagħad Ġakobb offra sagrifiċċju fuq il-muntanja u stieden lill-irġiel* biex jieklu l-ħobż. B’hekk, kielu u għaddew il-lejl fuq il-muntanja.
55 U filgħodu Laban qam kmieni, bies lin-neputijiet* u lill-bniet tiegħu u berikhom. Imbagħad mar lura lejn daru.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “dlikt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “l-allat tad-dar; l-idoli.”
^ Jiġifieri l-Ewfrat.
^ Jew “lill-qraba tiegħu.” Letteralment “lil ħutu.”
^ Letteralment “Oqgħod attent li ma tgħid xejn lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.”
^ Letteralment “is-subien.”
^ Letteralment “Oqgħod attent li ma tgħid xejn lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.”
^ Letteralment “il-biżaʼ taʼ Iżakk.”
^ Letteralment “kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “lill-qraba tiegħu.” Letteralment “lil ħutu.”
^ Espressjoni Aramajka li tfisser “Gozz Xhieda.”
^ Espressjoni Ebrajka li tfisser “Gozz Xhieda.”
^ Letteralment “il-kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “il-kolonna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “bil-biżaʼ taʼ missieru Iżakk.”
^ Jew “lill-qraba tiegħu.” Letteralment “lil ħutu.”
^ Letteralment “lis-subien.”