Ġenesi 38:1-30
-
Ġuda u Tamar (1-30)
38 Matul dak iż-żmien, Ġuda telaq minn ħdejn ħutu u rama t-tinda tiegħu ħdejn raġel Għadullami jismu Ħira.
2 Hemmhekk Ġuda ra lil bint wieħed Kangħani jismu Sugħa. Hu żżewwiġha u kellu x’jaqsam magħha,
3 u hi ħarġet tqila. Iktar tard kellha tifel u hu semmieh Għer.
4 Reġgħet ħarġet tqila u kellha tifel u semmietu Onan.
5 U reġaʼ kellha tifel u semmietu Selaħ. Huma kienu f’Akżib meta wellditu.
6 Maż-żmien, Ġuda sab mara għal Għer, l-ewwel imwieled tiegħu. Il-mara kien jisimha Tamar.
7 Imma Għer kien qed jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u għalhekk Ġeħova qatlu.
8 Minħabba f’hekk, Ġuda qal lil Onan: “Iżżewweġ il-mara taʼ ħuk li miet, biex ħuk ikollu t-tfal permezz tiegħek.”
9 Imma Onan kien jaf li t-tfal ma kinux se jiġu kkunsidrati tiegħu. B’hekk, meta kien ikollu x’jaqsam maʼ mart ħuh, kien jagħmel ċert li ma jtaqqalhiex* sabiex ma jagħtix tfal lil ħuh.
10 Dak li għamel kien ħażin f’għajnejn Ġeħova, għalhekk qatlu wkoll.
11 Ġuda qal lil Tamar, mart ibnu: “Għix f’dar missierek bħala armla sakemm jikber ibni Selaħ.” Ġuda qal dan għax kien qed jibżaʼ li ibnu Selaħ imut bħat-tfal l-oħra. B’hekk, Tamar marret u qagħdet f’dar missierha.
12 Għadda xi żmien, u mart Ġuda bint Sugħa mietet. Ġuda żamm il-perjodu tal-vistu, u mbagħad mar għand dawk li jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ tiegħu f’Timna flimkien maʼ sieħbu Ħira l-Għadullami.
13 Lil Tamar qalulha: “Il-kunjatu tiegħek tielaʼ Timna biex jaqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħu.”
14 Għalhekk, hi neħħiet il-ħwejjeġ t’armla, libset velu, tgħattiet b’xall, u poġġiet fid-daħla t’Għenajm, fit-triq li tagħti għal Timna. Għax hi rat li Selaħ kien kiber iżda l-kunjatu tagħha ma kienx żewwiġhulha.
15 Meta Ġuda raha, mill-ewwel ħasibha prostituta, għaliex kellha wiċċha mgħotti.
16 Għalhekk, dar lejha fil-ġenb tat-triq u qalilha: “Jekk jogħġbok, ħallini jkolli x’naqsam miegħek,” għax ma kienx jaf li kienet mart ibnu. Madankollu, hi qaltlu: “X’se tagħtini biex ikollok x’taqsam miegħi?”
17 Wiġibha: “Nibgħatlek gidi mill-merħla tiegħi.” Imma hi staqsietu: “Se tagħtini xi ħaġa bħala garanzija sakemm tibagħtu?”
18 Hu kompla: “X’se nagħtik bħala garanzija?” u hi wieġbet: “Iċ-ċurkett tas-siġill u l-qafla taʼ miegħu, u l-bastun li għandek f’idek.” Imbagħad tahomlha u kellu x’jaqsam magħha, u hi ħarġet tqila minnu.
19 Imbagħad qamet, telqet, neħħiet ix-xall, u libset il-ħwejjeġ t’armla.
20 U Ġuda bagħat il-gidi maʼ sieħbu l-Għadullami biex jieħu lura mingħand il-mara dak li taha bħala garanzija, imma ma sabhiex.
21 U staqsa lill-irġiel tal-post: “Fejn hi l-prostituta tat-tempju li tkun f’Għenajm fil-ġenb tat-triq?” Imma qalulu: “Qatt ma kien hawn prostituta tat-tempju f’dan il-post.”
22 Fl-aħħar mar lura għand Ġuda u qallu: “Ma sibthiex, u barra minn hekk, l-irġiel tal-post qaluli, ‘Qatt ma kien hawn prostituta tat-tempju f’dan il-post.’”
23 Għalhekk, Ġuda qallu: “Ħalliha żżommhom, li ma mmorrux nitilfu r-rispett t’oħrajn. Fuq kollox, jien bgħattu l-gidi, imma int ma sibthiex.”
24 Madankollu, xi tliet xhur wara lil Ġuda qalulu: “Tamar, mart ibnek, għamlitha taʼ prostituta u b’hekk ħarġet tqila.” Ġuda wieġeb: “Oħorġuha u aħarquha.”
25 Huma u joħorġuha ’l barra, hi bagħtet tgħid lill-kunjatu tagħha: “Jien ħriġt tqila mir-raġel li tani dawn l-affarijiet.” Imbagħad żiedet: “Jekk jogħġbok, ara taʼ min hu dan iċ-ċurkett tas-siġill u l-qafla taʼ miegħu, u dan il-bastun.”
26 U Ġuda rahom u qal: “Hi iktar ġusta minni, għax jien ma tajthiex lil ibni Selaħ.” U wara dan ma reġax kellu relazzjoni sesswali magħha.
27 Meta wasal iż-żmien biex twelled, hi kellha tewmin.
28 Waqt li kienet qed twelled, wieħed minnhom ħareġ idu, u l-majjistra fil-pront qabdet ħajta kulur aħmar jgħajjat u rabtithielu m’idu, u qalet: “Dan ħareġ l-ewwel.”
29 Imma malli ġibed idu lura, ħareġ ħuh, u hi qalet: “X’tiċrita għamilt biex ħriġt!” Għalhekk, semmewh Pereż.*
30 Wara ħareġ ħuh, li m’idu kellu l-ħajta kulur aħmar jgħajjat, u semmewh Żeraħ.