Ġenesi 4:1-26
4 Issa Adam kellu relazzjoni sesswali maʼ martu Eva, u din ħarġet tqila. Meta welldet lil Kajjin, hi qalet: “Wellidt* tifel bl-għajnuna taʼ Ġeħova.”
2 Maż-żmien hi reġgħet welldet u kellha lil ħuh Abel.
Abel kien jirgħa n-nagħaġ, imma Kajjin kien jaħdem fl-għelieqi.
3 Wara xi żmien, Kajjin ġab xi prodotti tal-art bħala offerta lil Ġeħova.
4 Imma Abel ġab xi ftit mill-ewwel frieħ tal-merħla tiegħu, inkluż ix-xaħam tagħhom. Waqt li Ġeħova ħares b’approvazzjoni lejn Abel u l-offerta tiegħu,
5 hu ma ħarisx b’approvazzjoni lejn Kajjin u l-offerta tiegħu. Allura Kajjin imtela b’rabja kbira u dwejjaq.
6 Imbagħad Ġeħova qal lil Kajjin: “Għala int tant irrabjat u mdejjaq?
7 Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, int terġaʼ tikseb l-approvazzjoni.* Imma jekk le, hemm id-dnub* lest għalik wara l-bieb, u hu mlebleb biex jikkontrollak. Se tkun kapaċi trażżnu?”
8 Wara dan, Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ejja mmorru fl-għalqa.” U waqt li kienu fl-għalqa, Kajjin attakka lil ħuh Abel u qatlu.
9 Iktar tard, Ġeħova qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” u hu qallu: “Ma nafx. Mela jien għassa taʼ ħija?”
10 Għal dan qallu: “X’għamilt? Ismaʼ! Demm ħuk qed jgħajjatli mill-art.
11 Int issa misħut u mkeċċi minn dan il-post għax f’din l-art int xerridt id-demm taʼ ħuk b’idejk stess.
12 Meta tikkultiva l-art, din ma troddlokx il-prodott tagħha.* Ikollok tiġġerra u taħrab fuq l-art.”
13 Imbagħad Kajjin qal lil Ġeħova: “Il-kastig tal-iżball tiegħi hu kbir wisq biex inġorru.
14 Illum int qed tkeċċini minn din l-art,* u jien se ninħeba minn quddiemek. Se jkolli niġġerra u naħrab fuq l-art, u kull min isibni żgur joqtolni.”
15 Allura Ġeħova qallu: “Minħabba f’hekk, kull min joqtol lil Kajjin għandha ssir vendetta minnu sebaʼ darbiet.”
Għalhekk Ġeħova għamel sinjal bħala twissija biex min isib lil Kajjin ma joqtlux.
16 U Kajjin telaq minn quddiem Ġeħova u mar joqgħod fl-art tal-Eżilju,* lejn il-Lvant tal-Għeden.
17 Wara dan, Kajjin kellu relazzjoni sesswali maʼ martu, u hi ħarġet tqila u welldet lil Enok. Imbagħad hu bena belt u semmieha għal ibnu Enok.
18 Iktar tard, Enok kellu lil Irad. U Irad kellu lil Meħujagħel, Meħujagħel kellu lil Metusagħel, u Metusagħel kellu lil Lamek.
19 Lamek iżżewweġ żewġ nisa. L-ewwel waħda kien jisimha Għada, u t-tieni waħda kien jisimha Silla.
20 Għada welldet lil Ġabal. Hu kien l-ewwel wieħed li għex fit-tined u rabba l-annimali.
21 U ħuh kien jismu Ġubal. Dan kien l-ewwel wieħed minn dawk kollha li jdoqqu l-arpa u l-flawt.*
22 Ukoll, Silla welldet lil Tubal-kajjin li kien ħaddied jaħdem kull xorta taʼ għodda tar-ram u tal-ħadid. U oħt Tubal-kajjin kien jisimha Nagħma.
23 Imbagħad Lamek kiteb dan il-kliem għan-nisa tiegħu Għada u Silla:
“Isimgħu leħni, intom in-nisa taʼ Lamek;Agħtu widen għal dak li se ngħid:
Raġel qtilt talli ferieni,Iva, żagħżugħ talli daqqa tani.
24 Jekk Kajjin għandu jiġi vvendikat sebaʼ darbiet,Allura Lamek 77 darba.”
25 Adam reġaʼ kellu relazzjoni sesswali maʼ martu, u hi welldet iben. Hi semmietu Set,* għaliex, kif qalet hi, “Alla tani tifel ieħor minflok Abel, għax Kajjin qatlu.”
26 Lil Set ukoll twilidlu iben, u semmieh Enos. Dak iż-żmien bdew jgħajtu l-isem taʼ Ġeħova.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “Jien ipproduċejt.”
^ Jew “se tiġi milqugħ.”
^ Letteralment “il-qawwa tagħha.”
^ Letteralment “minn fuq wiċċ l-art.”
^ Jew “fl-art taʼ Nod.”
^ Jew “il-fifra.”
^ Ifisser “Inkarigat; Imqiegħed; Stabbilit.”