Ġenesi 40:1-23
40 Wara dan, il-kap taʼ dawk li jservu x-xorb lir-re tal-Eġittu u l-kap tal-furnara dinbu kontra sidhom, ir-re tal-Eġittu.
2 Għalhekk, il-Fargħun irrabja bil-kbir għal dawn iż-żewġ uffiċjali
3 u żammhom arrestati fil-ħabs li kien jieħu ħsiebu l-kap tal-gwardji, fejn kien priġunier Ġużeppi.
4 Imbagħad il-kap tal-gwardji inkariga lil Ġużeppi biex ikun magħhom u jieħu ħsiebhom, u baqgħu arrestati għal xi żmien.
5 Dak li jservi x-xorb u l-furnar tar-re tal-Eġittu, li kienu maqfulin fil-ħabs, kellhom ħolma fl-istess lejl, u kull ħolma kienet tfisser xi ħaġa.
6 L-għada filgħodu, meta Ġużeppi daħal ħdejhom, rahom qalbhom sewda.
7 Allura staqsiehom: “Għalfejn intom imdejqin illum?”
8 Wiġbuh: “It-tnejn li aħna kellna ħolma, u m’għandniex min ifissirhielna.” Għalhekk, Ġużeppi qalilhom: “Alla biss jistaʼ jispjega l-ħolm. Jekk jogħġobkom, għiduli xi ħlomtu.”
9 U l-kap taʼ dawk li jservu x-xorb irrakkonta l-ħolma tiegħu lil Ġużeppi u qallu: “Fil-ħolma tiegħi kien hemm dielja quddiemi.
10 U fid-dielja kien hemm tliet friegħi żgħar, u malli bdiet tarmi, l-għenieqed tagħha kibru u saru għeneb misjur.
11 U kelli f’idi t-tazza tal-Fargħun, u qbadt l-għeneb u għasartu fiha. Imbagħad tajtha lill-Fargħun.”
12 U Ġużeppi qallu: “Il-ħolma tfisser hekk: It-tliet friegħi żgħar huma tlett ijiem.
13 Tlett ijiem oħra, il-Fargħun se joħorġok* u jagħtik lura l-pożizzjoni li kellek, u int tagħti t-tazza lill-Fargħun kif kont tagħmel qabel meta kont isservih.
14 Però, ibqaʼ ftakar fija meta kollox imurlek sew. Jekk jogħġbok, urini mħabba u lealtà* u semmini mal-Fargħun, sabiex toħroġni minn dan il-post.
15 Għax fil-fatt jien kont maħtuf mill-art tal-Lhud,* u hawn jien m’għamilt xejn biex tefgħuni l-ħabs.”*
16 Meta l-kap tal-furnara ra li l-ħolma kienet tfisser xi ħaġa tajba, hu qallu: “Jien ukoll kelli ħolma, u kien hemm tlett iqfief ħobż abjad fuq rasi,
17 u fil-qoffa taʼ fuq nett kien hemm kull xorta t’affarijiet imsajrin fil-forn għall-Fargħun, u kien hemm l-għasafar jikluhom mill-qoffa taʼ fuq rasi.”
18 Imbagħad Ġużeppi wieġeb, “Il-ħolma tfisser hekk: It-tlett iqfief huma tlett ijiem.
19 Tlett ijiem oħra, il-Fargħun se jaqtagħlek rasek* u jdendlek maʼ zokk, u l-għasafar se jiklulek laħmek.”
20 Issa fit-tielet jum, il-Fargħun kien jagħlaq żmienu. Hu għamel festa għall-qaddejja kollha tiegħu u ħareġ* lill-kap taʼ dawk li jservu x-xorb u lill-kap tal-furnara quddiem il-qaddejja tiegħu.
21 U reġaʼ ta lill-kap taʼ dawk li jservu x-xorb il-pożizzjoni li kellu, u dan baqaʼ jservi x-xorb lill-Fargħun.
22 Imma lill-kap tal-furnara dendlu maʼ zokk, bħalma kien fissrilhom il-ħolm Ġużeppi.
23 Madankollu, il-kap taʼ dawk li jservu x-xorb ma ftakarx f’Ġużeppi.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “jerfagħlek rasek.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “tal-Ebrej.”
^ Letteralment “fil-ġiebja; fil-ħofra.”
^ Letteralment “jerfagħlek rasek minn fuqek.”
^ Letteralment “refaʼ r-ras taʼ.”