Ġenesi 43:1-34
43 Il-ġuħ kien kbir fil-pajjiż.
2 B’hekk, meta kielu ċ-ċereali* li kienu ġabu mill-Eġittu, missierhom qalilhom: “Erġgħu morru u ixtrulna ftit ikel.”
3 Imbagħad Ġuda qallu: “Ir-raġel għamilhielna ċara, ‘Terġgħux tiġu quddiemi jekk ħukom ma jkunx magħkom.’
4 Jekk tibgħat lil ħuna magħna, aħna mmorru nixtrulek l-ikel.
5 Imma jekk ma tibagħtux, ma ninżlux, għax ir-raġel qalilna, ‘Terġgħux tiġu quddiemi jekk ħukom ma jkunx magħkom.’”
6 U Iżrael staqsiehom: “Għala ġibtuli dan l-inkwiet billi għedtu lir-raġel li għandkom ħukom ieħor?”
7 Huma wiġbuh: “Ir-raġel staqsa b’mod speċifiku dwarna u dwar qrabatna, billi qal, ‘Għadu ħaj missierkom? Għandkom ħukom ieħor?’ u aħna wiġibnieh. Fejn bsarna li se jgħidilna, ‘Ġibu lil ħukom’?”
8 Ġuda mbagħad ħeġġeġ lil missieru: “Ibgħat it-tifel miegħi, u ħallina mmorru biex ma mmutux, la aħna, la int, u lanqas it-tfal tagħna.
9 Se nagħmel ċert li nipproteġih.* Tistaʼ żżommni responsabbli għalih. Jekk ma nġibhulekx lura, inkun dnibt kontrik għal dejjem.
10 Li kieku ma qgħadniex nitnikkru, kieku s’issa diġà morna u ġejna darbtejn.”
11 Għalhekk, missierhom Iżrael qalilhom: “Mela, jekk inhu hekk, agħmlu dan: Ħudu l-aqwa prodotti tal-art fl-ixkejjer tagħkom u niżżluhom magħkom għar-raġel bħala rigal: ftit balzmu, ftit għasel, gomma aromatika, qxur tas-siġar li fihom ir-raża, pistaċċi, u lewż.
12 Ħudu magħkom id-doppju tal-flus, u ħudu wkoll il-flus li ngħatawlkom lura fil-wiċċ tal-ixkejjer tagħkom. Forsi kien hemm xi żball.
13 Ħudu lil ħukom u morru lura għand ir-raġel.
14 Jalla l-Alla li Jistaʼ Kollox jara li r-raġel iħenn għalikom, biex b’hekk jeħles lil ħukom l-ieħor u lil Benjamin. Imma jekk jien għandi niċċaħħad mit-tfal tiegħi, mela ħa jkun hekk!”
15 Għalhekk, l-irġiel ħadu magħhom ir-rigal, id-doppju tal-flus, u lil Benjamin. Imbagħad niżlu lejn l-Eġittu u reġgħu daħlu quddiem Ġużeppi.
16 Meta ra lil Benjamin magħhom, Ġużeppi minnufih qal lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb id-dar: “Ħu lill-irġiel id-dar u oqtol xi annimali u pprepara ikla, għax dawn l-irġiel se jieklu miegħi f’nofsinhar.”
17 Ir-raġel mill-ewwel għamel dak li qallu, u ħadhom id-dar taʼ Ġużeppi.
18 Imma xħin l-irġiel waslu d-dar taʼ Ġużeppi bdew jibżgħu u jgħidu: “Ġabuna hawn minħabba l-flus li poġġewlna lura fl-ixkejjer tagħna l-aħħar darba. Issa jattakkawna, jagħmluna lsiera, u jiħdulna l-ħmir!”
19 Għalhekk, resqu lejn ir-raġel li kien jieħu ħsieb id-dar taʼ Ġużeppi u kellmuh fid-daħla tad-dar.
20 Huma qalulu: “Skużana sidna! L-aħħar darba nżilna biex nixtru l-ikel,
21 imma meta fil-vjaġġ lura waqafna biex norqdu, bdejna niftħu l-ixkejjer tagħna u kien hemm il-flus taʼ kull wieħed fil-wiċċ tal-ixkora tiegħu, l-ammont sħiħ taʼ flusna. Għalhekk, nixtiequ nagħtuhom lura aħna stess.
22 U ġibna iktar flus biex nixtru l-ikel. Aħna ma nafux min poġġa flusna fl-ixkejjer tagħna.”
23 Imbagħad hu qal: “Ma ġara xejn. Tibżgħux. Fluskom kont irċivejthom. Kien l-Alla tagħkom, l-Alla taʼ missierkom li poġġielkom teżor fl-ixkejjer tagħkom.” Wara dan ħarġilhom lil Simegħon.
24 Imbagħad ir-raġel daħħalhom f’dar Ġużeppi u tahom l-ilma biex jaħslu saqajhom, u tahom l-għalf għall-ħmir tagħhom.
25 U huma lestew ir-rigal għal meta jiġi Ġużeppi f’nofsinhar, għaliex kienu semgħu li se jieklu hemm.
26 Meta Ġużeppi daħal id-dar ġabulu r-rigal u nxteħtu fl-art quddiemu.
27 Wara dan, hu staqsiehom kif inhuma u qalilhom: “Kif inhu missierkom, ix-xwejjaħ li tkellimtu dwaru? Jinsab f’saħħtu?”
28 Wiġbuh: “Missierna, il-qaddej tiegħek, jinsab tajjeb u f’saħħtu.” Imbagħad mielu u nxteħtu fl-art quddiemu.
29 Meta ra lil ħuh Benjamin, bin ommu, qalilhom: “Dan ħukom iż-żgħir li kellimtuni dwaru?” U żied: “Jalla Alla jurik il-ħniena tiegħu, ibni.”
30 Imbagħad, Ġużeppi ħassu emozzjonat ħafna minħabba ħuh, għalhekk ħareġ minn hemm malajr u fittex post fejn setaʼ jibki. Hu daħal f’kamra oħra u beka hemm.
31 Wara li kkalma, ħasel wiċċu u mar lura, u qal: “Ġibu l-ikel.”
32 Huma servew l-ikel fuq imwejjed separati, lil Ġużeppi għalih, lil ħutu għalihom, u lill-Eġizzjani li kienu qed jieklu f’daru għalihom. Dan għaliex l-Eġizzjani ma setgħux jieklu mal-Lhud,* peress li kienet xi ħaġa moqżieża għalihom.
33 Lill-aħwa poġġewhom bilqiegħda faċċata taʼ Ġużeppi skont l-età tagħhom, mill-kbir* saż-żgħir. U dawn baqgħu jħarsu lejn xulxin imbellhin.
34 Hu beda jibgħat porzjonijiet tal-ikel mill-mejda tiegħu għal tagħhom, imma lil Benjamin żiedlu l-porzjon ħames darbiet iktar minn tagħhom kollha. Għalhekk, komplew jieklu u jixorbu miegħu sakemm xebgħu.
Noti taʼ taħt
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “Se nagħmel tajjeb għalih jien.”
^ Letteralment “mal-Ebrej.”
^ Letteralment “mill-ewwel imwieled skont id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled.”