Ġenesi 47:1-31
47 B’hekk, Ġużeppi mar jagħti din l-aħbar lill-Fargħun: “Missieri u ħuti ġew mill-art taʼ Kangħan bl-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom u b’kulma għandhom, u qegħdin fl-art taʼ Gosen.”
2 Hu ħa ħamsa minn ħutu u laqqagħhom mal-Fargħun.
3 Il-Fargħun qal lil ħut Ġużeppi: “X’inhu xogħolkom?” Huma wiġbuh: “Sidna, aħna ragħajja tan-nagħaġ, kemm aħna u kemm missirijietna.”
4 Imbagħad qalu lill-Fargħun: “Aħna ġejna ngħixu bħala barranin f’din l-art għax m’hemmx ħaxix għall-merħla tagħna u l-ġuħ hu kbir fl-art taʼ Kangħan. Jekk jogħġbok sidna, ħallina ngħixu fl-art taʼ Gosen.”
5 U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Missierek u ħutek ġew hawnhekk għandek.
6 L-art tal-Eġittu hi kollha f’idejk. Agħti lil missierek u lil ħutek l-aħjar parti tal-art biex jgħixu hemm. Ħa jgħixu fl-art taʼ Gosen, u jekk taf li hemm irġiel kapaċi fosthom, agħtihom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-imrieħel tiegħi.”
7 Imbagħad Ġużeppi daħħal lil missieru Ġakobb u laqqgħu mal-Fargħun, u Ġakobb bierek lill-Fargħun.
8 Il-Fargħun staqsa lil Ġakobb: “Kemm għandek żmien?”
9 Ġakobb wieġbu: “Jien għandi 130 sena u qattajt ħajti kollha nivvjaġġa minn post għal ieħor.* Kienu snin diffiċli, imma huma ftit meta tqabbilhom mas-snin li missirijieti qattgħu jivvjaġġaw minn post għal ieħor.”*
10 Wara dan, Ġakobb bierek lill-Fargħun u ħareġ minn quddiemu.
11 B’hekk, Ġużeppi ta lil missieru u lil ħutu l-aħjar parti tal-art tal-Eġittu, fl-art taʼ Ramesses, biex joqogħdu fiha, bħalma kien ikkmandah il-Fargħun.
12 U Ġużeppi baqaʼ jipprovdi l-ikel* lil missieru, lil ħutu, u lin-nies kollha taʼ dar missieru, skont kemm kellhom tfal.
13 Issa ma kienx hemm ikel* fl-art kollha, għaliex il-ġuħ kien kbir ħafna, u l-art tal-Eġittu u l-art taʼ Kangħan iddgħajfu minħabba l-ġuħ.
14 U Ġużeppi kien qed ibigħ iċ-ċereali* lin-nies fl-art tal-Eġittu u fl-art taʼ Kangħan. Il-flus li ġabar ħadhom f’dar il-Fargħun.
15 Maż-żmien, il-flus mill-art tal-Eġittu u mill-art taʼ Kangħan intefqu, u l-Eġizzjani kollha bdew imorru għand Ġużeppi, u jgħidulu: “Agħtina l-ikel! Għala għandna mmutu quddiemek għaliex spiċċaw il-flus?”
16 U Ġużeppi kien jgħidilhom: “Jekk spiċċawlkom il-flus, agħtuni l-bhejjem tagħkom u jien nagħtikom ikel minflokhom.”
17 U huma bdew iġibu l-bhejjem tagħhom lil Ġużeppi, u Ġużeppi baqaʼ jpartat l-ikel maż-żwiemel, mal-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, u mal-ħmir tagħhom. Matul dik is-sena, hu baqaʼ jipprovdilhom l-ikel minflok il-bhejjem kollha tagħhom.
18 Dik is-sena għaddiet, u s-sena taʼ wara l-Eġizzjani reġgħu bdew imorru għandu u jgħidulu: “Sidi, nixtiequ ngħidulek li l-flus u l-imrieħel tal-annimali diġà tajnihomlok. Ma baqgħalna xejn x’nagħtu ħlief ħajjitna u l-għelieqi tagħna.
19 Għala għandna mmutu quddiemek, u l-għelieqi tagħna jiġu abbandunati? Ixtri lilna u l-għelieqi tagħna bi tpartit mal-ikel, u aħna nsiru lsiera tal-Fargħun u l-għelieqi tagħna jsiru tiegħu. Agħtina ż-żerriegħa biex ma mmutux u biex l-għelieqi tagħna ma jiġux abbandunati.”
20 Imbagħad Ġużeppi xtara l-għelieqi kollha tal-Eġizzjani għall-Fargħun, għax kull Eġizzjan biegħ l-għalqa tiegħu, minħabba li l-ġuħ kien kbir ħafna. U l-għelieqi saru tal-Fargħun.
21 Imbagħad lin-nies ħadhom fil-bliet, minn tarf sa tarf tat-territorju tal-Eġittu.
22 L-għelieqi tal-qassisin biss ma xtarax, għaliex l-ikel tal-qassisin kien jiġi pprovdut mill-Fargħun. Huwa għalhekk li ma bigħux l-għelieqi tagħhom.
23 U Ġużeppi qal lin-nies: “Illum jien xtrajt lilkom u l-għelieqi tagħkom għall-Fargħun. Ħudu ż-żerriegħa u iżirgħuha.
24 Fi żmien il-ħsad, agħtu 20 fil-100 tal-prodott lill-Fargħun, imma l-kumplament ikun tagħkom bħala żerriegħa għall-għelieqi u bħala ikel għalikom, għal dawk li hemm fi djarkom, u għat-tfal tagħkom.”
25 Huma qalulu: “Sidi, int salvajtna. Għalhekk, ħenn għalina ħalli nsiru lsiera tal-Fargħun.”
26 Imbagħad Ġużeppi ħareġ liġi, li għadha tgħodd sal-lum fl-art tal-Eġittu, li 20 fil-100 tal-ħsad ikun tal-Fargħun. L-għelieqi tal-qassisin biss ma sarux tal-Fargħun.
27 Il-familja t’Iżrael baqgħu jgħixu fl-art tal-Eġittu, fl-art taʼ Gosen. Huma ssetiljaw fiha, kellhom it-tfal, u żdiedu fuq li żdiedu.
28 U Ġakobb baqaʼ jgħix fl-art tal-Eġittu għal 17-il sena, u b’hekk Ġakobb għex 147 sena.
29 Meta kien wasal biex imut, Iżrael għajjat lil ibnu Ġużeppi u qallu: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, jekk jogħġbok, poġġi idek taħt koxxti, u uri mħabba* u lealtà miegħi. Jekk jogħġbok, tidfinnix fl-Eġittu.
30 Meta mmut,* ġorrni ’l barra mill-Eġittu u idfinni fil-qabar taʼ missirijieti.” U hu wieġbu: “Se nagħmel bħalma għedtli.”
31 Imbagħad Iżrael qallu: “Aħlifli.” U hu ħaliflu. Għalhekk, Iżrael dar lejn ras is-sodda u miel lejn Alla.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ngħix bħala resident barrani.”
^ Jew “jgħixu bħala residenti barranin.”
^ Letteralment “il-ħobż.”
^ Letteralment “ħobż.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “nimtedd maʼ missirijieti.”