Ġeremija 44:1-30

44  Il-kelma li ġiet għand Ġeremija għal-Lhud kollha li kienu qed jgħammru fl-art taʼ l-Eġittu,+ dawk li kienu qed jgħammru f’Migdol+ u f’Taħfanħes+ u f’Nof+ u fl-art taʼ Patros,+ tgħid:  “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Intom rajtu l-gwaj kollu li ġibt fuq Ġerusalemm+ u fuq il-bliet kollha taʼ Ġuda, u araw, illum huma ħerba, u m’hemm ħadd jgħix fihom.+  Dan ġara minħabba l-ħażen tagħhom li huma għamlu biex joffenduni billi marru u offrew id-duħħan tas-sagrifiċċji+ u qdew allat oħrajn li huma stess ma kinux jafuhom, la intom u lanqas missirijietkom.+  U bqajt nibagħtilkom lill-qaddejja kollha tiegħi l-profeti, iva, kont inbakkar u nibgħathom,+ u ngħid: “Jekk jogħġobkom, tagħmlux din il-ħaġa mistkerrha li jien nobgħod.”+  Imma ma semgħux,+ u lanqas mejlu widnithom biex iduru lura mill-ħażen tagħhom billi ma joffrux id-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn.+  Għalhekk, ir-rabja tiegħi, u l-korla tiegħi, tferrgħet u xegħlet fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm;+ u dawn saru ħerba, saru art abbandunata, kif inhuma llum.’+  “U issa hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Għala qed iġġibu gwaj kbir fuqkom stess,+ sabiex teqirdu minn ġo nofskom l-irġiel u n-nisa, it-tfal u t-trabi tal-ħalib,+ minn ġo nofs Ġuda, u ma tħallux fdal għalikom?  Għax intom qed toffenduni b’għemil idejkom billi toffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn+ fl-art taʼ l-Eġittu, li mortu fiha biex tgħixu bħala barranin; b’hekk, teqirdu lilkom infuskom u tiġu misħutin u mżebilħin fost il-ġnus kollha taʼ l-art.+  Insejtuhom l-għemejjel ħżiena taʼ missirijietkom+ u l-għemejjel ħżiena tas-slaten taʼ Ġuda+ u l-għemejjel ħżiena tan-nisa tagħhom+ u l-għemejjel ħżiena tagħkom stess u l-għemejjel ħżiena tan-nisa tagħkom,+ li saru fl-art taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm? 10  U sa llum il-ġurnata baqgħu m’umiljawx ruħhom,+ u ma beżgħux,+ lanqas imxew mal-liġi tiegħi+ u maʼ l-istatuti tiegħi li tajt lilkom u lil missirijietkom.’+ 11  “Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Ara! Se ndawwar wiċċi kontrikom biex inġib gwaj u neqred lil Ġuda kollu.+ 12  U naqbad lill-fdal taʼ Ġuda li waħħluha f’rashom li jidħlu fl-art taʼ l-Eġittu biex jgħixu hemmhekk bħala barranin,+ u huma jintemmu lkoll fl-art taʼ l-Eġittu.+ Jaqgħu bis-sejf; u bil-ġuħ jintemmu,+ mill-iżgħar sa l-akbar wieħed fosthom; bis-sejf u bil-ġuħ imutu. U jsiru oġġett taʼ saħta, taʼ stagħġib, taʼ dagħa, u taʼ żebliħ.+ 13  U jien nitlob kont minn dawk li jgħammru fl-art taʼ l-Eġittu, bħalma tlabt kont minn Ġerusalemm, bis-sejf, bil-ġuħ u bil-pesta.+ 14  U ma jkun hemm ħadd li jaħrab jew li jibqaʼ ħaj mill-fdal taʼ Ġuda li marru fl-art taʼ l-Eġittu+ biex jgħixu hemmhekk bħala barranin, iva, ma jkun hemm ħadd li jmur lura lejn l-art taʼ Ġuda fejn tant jixtiequ jmorru jgħixu mill-ġdid;+ għax ma jmorrux lura, ħlief ftit li jaħarbu.’” 15  U l-irġiel kollha li kienu jafu li n-nisa tagħhom kienu qed joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn,+ u n-nisa tagħhom kollha li kienu miġburin bħala ġemgħa kbira, u n-nies kollha li kienu qed jgħammru fl-art taʼ l-Eġittu,+ f’Patros,+ wieġbu lil Ġeremija u qalulu: 16  “Dwar il-kelma li għedtilna f’isem Ġeħova, ma rridux nisimgħu minnek;+ 17  imma ibqaʼ ċert li se nwettqu kull kelma li ħarġet minn fommna,+ u noffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lis-‘sultana tas-smewwiet’+ u nferrgħulha l-offerti tax-xorb,+ bħalma għamilna aħna+ u missirijietna,+ is-slaten tagħna,+ u l-prinċpijiet tagħna fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm, meta konna mxebbgħin bil-ħobż u kellna l-ġid, u ma kellniex inkwiet.+ 18  Iżda minn dakinhar li waqafna noffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lis-‘sultana tas-smewwiet’+ u nferrgħulha l-offerti tax-xorb naqasna kollox, u ntemmejna bis-sejf u bil-ġuħ.+ 19  “Barra minn hekk, meta offrejna d-duħħan tas-sagrifiċċji lis-‘sultana tas-smewwiet’+ u konna lesti li nferrgħulha l-offerti tax-xorb,+ jaqaw aħna ma staqsejniex lil żwieġna biex nagħmlulha l-ftajjar tas-sagrifiċċji, u nagħmlu xbieha tagħha, u nferrgħulha l-offerti tax-xorb?”+ 20  Imbagħad Ġeremija qal lill-poplu kollu li kien wieġbu, jiġifieri, lill-irġiel u n-nisa tagħhom u lin-nies l-oħrajn kollha: 21  “Id-duħħan tas-sagrifiċċji li offrejtu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm,+ intom+ u missirijietkom,+ is-slaten tagħkom+ u l-prinċpijiet tagħkom+ u n-nies tal-pajjiż, tgħid Ġeħova ma ftakarx fih u ma ġiehx f’moħħu?+ 22  Fl-aħħar, Ġeħova ma setax jissaporti iktar minħabba l-ħażen taʼ l-għemejjel tagħkom, minħabba l-affarijiet mistkerrhin li għamiltu,+ u b’hekk artkom saret ħerba u oġġett taʼ stagħġib u taʼ saħta, post li ma jgħammar fih ħadd, kif inhu llum.+ 23  Talli offrejtu d-duħħan tas-sagrifiċċji+ u dnibtu kontra Ġeħova+ u m’obdejtux minn leħen Ġeħova+ u ma mxejtux mal-liġi tiegħu+ u maʼ l-istatuti tiegħu u mat-tfakkiriet tiegħu, ġie fuqkom dan il-gwaj, kif inhu llum.”+ 24  U Ġeremija kompla jgħid lin-nies kollha u lin-nisa kollha: “Isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova, intom ilkoll minn Ġuda li qegħdin fl-art taʼ l-Eġittu.+ 25  Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Lilkom l-irġiel u lin-nisa tagħkom:+ intom in-nisa titkellmu b’fommkom, (u intom ilkoll wettaqtuh b’idejkom,) u tgħidu: “Żgur inwettqu l-wegħdi li wegħedna,+ li noffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lis-‘sultana tas-smewwiet,’+ u li nferrgħulha l-offerti tax-xorb.”+ Intom in-nisa żgur se żżommu l-wegħdi tagħkom, u żgur se twettqu l-wegħdi tagħkom.’ 26  “Għalhekk, isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova, intom ilkoll minn Ġuda li qed tgħammru fl-art taʼ l-Eġittu,+ ‘“Ara, jien ħlift b’ismi l-kbir,”+ qal Ġeħova, “li fl-art kollha taʼ l-Eġittu l-ebda raġel minn Ġuda ma jibqaʼ jsemmi ismi+ u jgħid, ‘Daqskemm il-Mulej Sovran Ġeħova hu ħaj!’+ 27  Ara, se noqgħod għassa għalihom biex inġib fuqhom gwaj mhux ġid;+ u l-irġiel kollha taʼ Ġuda li qegħdin fl-art taʼ l-Eġittu jinqerdu bis-sejf u bil-ġuħ, sakemm ma jibqaʼ ħadd minnhom.+ 28  U ftit ikunu dawk li jaħarbu mis-sejf, u jmorru lura lejn l-art taʼ Ġuda mill-art taʼ l-Eġittu;+ u dawk kollha mill-fdal taʼ Ġuda, li marru fl-art taʼ l-Eġittu biex jgħixu hemmhekk bħala barranin, żgur se jkunu jafu liema kelma se sseħħ, jekk hix dik li ġejja mingħandi jew mingħandhom.”’”+ 29  “‘U dan hu s-sinjal għalikom,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘li se nitlob kont minnkom f’dan il-post, sabiex tkunu tafu li żgur se nwettaq il-gwaj li ddikjarajt li nġib fuqkom:+ 30  Hekk qal Ġeħova: “Ara, lill-Fargħun Ħofra, is-sultan taʼ l-Eġittu,+ se nagħtih f’idejn l-għedewwa tiegħu u f’idejn dawk li qed jipprovaw jiħdulu ħajtu,+ bħalma lil Sedekija, is-sultan taʼ Ġuda, tajtu f’idejn Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, l-għadu tiegħu li pprova jiħodlu ħajtu.”’”+

Noti taʼ taħt