Ġożwè 7:1-26
7 Imma l-Iżraelin m’obdewx il-kmand dwar l-affarijiet li kellhom jinqerdu, għax raġel jismu Għakan mit-tribù taʼ Ġuda seraq ftit minn dawn l-affarijiet. Għakan kien bin Karmi, in-neputi taʼ Żabdi, mill-familja taʼ Żeraħ. Minħabba f’hekk, Ġeħova rrabja ħafna mal-Iżraelin.
2 Imbagħad Ġożwè bagħat xi rġiel minn Ġeriko lejn Għaj, li hija qrib Bet-awen u lejn il-Lvant taʼ Betel, u qalilhom: “Itilgħu u tkixxfu x’fiha l-art.” Għalhekk, l-irġiel telgħu u tkixxfu x’fiha Għaj.
3 Meta reġgħu lura għand Ġożwè qalulu: “M’hemmx għalfejn jitlaʼ l-poplu kollu. Madwar 2,000 jew 3,000 raġel huma biżżejjed biex jirbħu lil Għaj. Tgħejjix lill-poplu billi tibagħtu kollu, għax ftit hemm nies hemm.”
4 Għalhekk, madwar 3,000 raġel telgħu hemmhekk, imma kellhom jaħarbu mill-irġiel t’Għaj.
5 L-irġiel t’Għaj qatlu 36 raġel u marru jiġru warajhom minn barra bieb il-belt sa Sebarim* u komplew joqtluhom fin-niżla. Għalhekk, il-poplu beżaʼ u l-kuraġġ tagħhom dab u sar bħall-ilma.
6 Għal dan, Ġożwè ċarrat ħwejġu u nxteħet wiċċu sal-art quddiem l-Arka taʼ Ġeħova sa filgħaxija, hu u l-anzjani* t’Iżrael, u baqgħu jitfgħu t-trab fuq rashom.
7 Ġożwè qal: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* għala ġibt lil dan il-poplu min-naħa l-oħra tal-Ġordan biex imbagħad ninqerdu mill-Amurrin? Mank konna kuntenti li nibqgħu n-naħa l-oħra* tal-Ġordan!
8 Skużani Ġeħova, x’nistaʼ ngħid issa li Iżrael ħarab* minn quddiem l-għedewwa tiegħu?
9 Meta l-Kangħanin u n-nies kollha tal-art jisimgħu dwar dan, huma se jduruna u jeqirdu isimna mill-art. U int x’se tagħmel dwar ismek il-kbir?”
10 Ġeħova wieġeb lil Ġożwè: “Qum! Għalfejn qiegħed mixħut wiċċek sal-art?
11 Iżrael dineb. Hu kiser il-patt tiegħi li kkmandajtu biex jobdi. Hu ħa ftit minn dak li kellu jinqered, billi serqu u ħbieh qalb l-oġġetti tiegħu stess.
12 Għaldaqstant, l-Iżraelin mhux se jkollhom il-ħila jiħduha kontra l-għedewwa tagħhom. Huma se jduru u jaħarbu minn quddiem l-għedewwa tagħhom, għax l-Iżraelin għandhom jinqerdu. Mhux se nerġaʼ nkun magħkom jekk ma teqirdux għalkollox lil dak li jien għedt li kellu jinqered.
13 Qum u qaddes lill-poplu! Għidilhom, ‘Għada qaddsu lilkom infuskom, għax hekk qal Ġeħova l-Alla t’Iżrael: “Iżrael, f’nofsok hemm raġel li għandu jinqered. Mhux se jkollok il-ħila tiħodha kontra l-għedewwa tiegħek jekk ma teqirdux minn nofsok.
14 Tridu tinġabru flimkien filgħodu, tribù tribù, u t-tribù li Ġeħova jagħżel se jersaq ’il quddiem, familja familja, u l-familja li Ġeħova jagħżel se tersaq ’il quddiem, dar dar, u d-dar li Ġeħova jagħżel se tersaq ’il quddiem, raġel raġel.
15 U min jinqabad bil-ħaġa li kellha tinqered għandu jiġi maħruq, hu u kulma għandu, għax kiser il-patt taʼ Ġeħova u għax għamel xi ħaġa taʼ mistħija f’Iżrael.”’”
16 Għalhekk l-għada, Ġożwè qam kmieni u ressaq lil Iżrael ’il quddiem, tribù tribù, u ntgħażel it-tribù taʼ Ġuda.
17 Imbagħad ressaq ’il quddiem lill-familji taʼ Ġuda u ntgħażlet il-familja taż-Żeraħin, u wara ressaq ’il quddiem lill-familja taż-Żeraħin, raġel raġel, u ntgħażel Żabdi.
18 Fl-aħħar ressaq ’il quddiem lid-dar taʼ Żabdi, raġel raġel, u ntgħażel Għakan bin Karmi, in-neputi taʼ Żabdi, mill-familja taʼ Żeraħ, mit-tribù taʼ Ġuda.
19 Imbagħad Ġożwè qal lil Għakan: “Jekk jogħġbok ibni, onora lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael u għidlu x’għamilt. Jekk jogħġbok, għidli x’għamilt. Taħbix minni.”
20 Għakan wieġeb lil Ġożwè: “Infatti jien il-wieħed li dnibt kontra Ġeħova l-Alla t’Iżrael, u għamilt hekk:
21 Meta fost l-affarijiet rajt libsa uffiċjali sabiħa mis-Sinar u 200 xekel* fidda u ingott tad-deheb li jiżen 50 xekel, jien xtaqthom u ħadthom. Issa qegħdin moħbijin fl-art fit-tinda tiegħi, bil-flus taħt nett.”
22 Minnufih Ġożwè bagħat messaġġiera, u marru jiġru lejn it-tinda, u sabu l-libsa moħbija fit-tinda tiegħu bil-flus taħtha.
23 Għalhekk, huma ħarġu l-affarijiet mit-tinda u ħaduhom għand Ġożwè u għand l-Iżraelin kollha u qegħduhom quddiem Ġeħova.
24 Imbagħad Ġożwè u Iżrael kollu ħadu lil Għakan bin Żeraħ, il-fidda, il-libsa uffiċjali, l-ingott tad-deheb, lit-tfal tiegħu subien u bniet, il-barrin, il-ħmir, l-imrieħel, it-tinda tiegħu, u kull ħaġa li kellu, u tellgħuhom lejn il-Wied* t’Għakor.
25 Imbagħad Ġożwè qal: “Għala ġibt diżastru* fuqna? Ġeħova se jġib diżastru fuqek illum.” B’hekk, in-nies kollha t’Iżrael qatlu lilu u lil familtu billi waddbulhom il-ġebel, u wara ħarquhom. B’hekk qatluhom kollha bil-ġebel.
26 U tellgħu fuqu borġ kbir ġebel, li għadu hemmhekk sal-lum. Għal dan, Ġeħova ma baqax daqshekk irrabjat. Huwa għalhekk li isem dan il-post hu l-Wied t’Għakor* sal-lum.
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Barrieri.”
^ Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
^ Jiġifieri n-naħa tal-Lvant.
^ Jew “dawwar dahru.”
^ Jew “il-Pjanura l-Baxxa.”
^ Jew “inkwiet.”
^ Ifisser “Inkwiet.”