Ġożwè 8:1-35

  • Ġożwè jibgħat xi rġiel jistaħbew biex jattakkaw lil Għaj (1-13)

  • Għaj tiġi mirbuħa (14-29)

  • Tinqara l-Liġi ħdejn il-Muntanja Għebal (30-35)

8  Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: “Tibżax u titwerwirx. Ħu miegħek lill-gwerriera kollha u itlaʼ kontra Għaj. Jien tajtek f’idejk lir-re t’Għaj, il-poplu tiegħu, beltu, u artu.  Lil Għaj u lir-re tagħha agħmlulhom bħalma għamiltu lil Ġeriko u lir-re tagħha, imma l-affarijiet u l-imrieħel tagħha tistgħu tiħduhom. Staħbew in-naħa taʼ wara tal-belt biex tattakkawha.”  Għalhekk, Ġożwè u l-gwerriera kollha telgħu kontra Għaj. Ġożwè għażel 30,000 gwerrier b’saħħtu u bagħathom billejl.  Hu tahom dan il-kmand: “Staħbew in-naħa taʼ wara tal-belt biex tattakkaw. Titbegħdux ħafna mill-belt, u kunu lkoll għal-lest.  Jien u dawk kollha li huma miegħi nersqu lejn il-belt, u meta l-irġiel t’Għaj joħorġu kontrina bħalma għamlu qabel, aħna naħarbu minnhom.  Meta joħorġu għal warajna, aħna nbegħduhom mill-belt, għax jgħidu, ‘Qed jaħarbu minna bħal qabel.’ U naħarbu minnhom.  Imbagħad intom toħorġu minn fejn tkunu mistoħbijin u tieħdu l-belt f’idejkom. Ġeħova l-Alla tagħkom se jagħtiha f’idejkom.  U malli tkunu rbaħtu l-belt, tridu tagħtuha n-nar. Għandkom tagħmlu skont il-kelma taʼ Ġeħova. Dan hu l-kmand tiegħi.”  Imbagħad Ġożwè bagħathom u huma mmarċjaw lejn il-post fejn kienu se jistaħbew biex jattakkaw. Huma qagħdu bejn Betel u Għaj, lejn il-Punent t’Għaj, waqt li Ġożwè qattaʼ dak il-lejl mal-bqija tal-gwerriera. 10  Wara, Ġożwè qam kmieni u ġabar lill-gwerriera. Imbagħad, hu u l-anzjani* t’Iżrael iggwidawhom lejn Għaj. 11  Il-gwerriera kollha li kienu miegħu mmarċjaw ’il fuq u resqu quddiem il-belt. Huma kkampjaw lejn it-Tramuntana t’Għaj, u bejnhom u bejn Għaj kien hemm il-wied. 12  Sadanittant, hu kien ħa madwar 5,000 raġel u ħalliehom mistoħbijin bejn Betel u Għaj, lejn il-Punent tal-belt. 13  Għalhekk, il-gwerriera ramaw il-kampijiet prinċipali lejn it-Tramuntana tal-belt u l-għassa taʼ wara lejn il-Punent tal-belt. Dak il-lejl Ġożwè mar f’nofs il-wied.* 14  U malli r-re t’Għaj ra dan, hu ħaffef kmieni filgħodu mal-irġiel tal-belt biex jiġġieled m’Iżrael fil-battalja f’ċertu post li jagħti għall-pjanura tad-deżert. Imma ma kienx jaf li hemm xi nies mistoħbijin kontrih in-naħa taʼ wara tal-belt. 15  Meta l-irġiel t’Għaj attakkaw, Ġożwè u Iżrael kollu ħarbu mit-triq li tagħti għad-deżert. 16  Imbagħad l-irġiel kollha li kienu fil-belt inġabru biex jiġru warajhom. Hekk kif ġrew wara Ġożwè, huma tbiegħdu mill-belt. 17  Ma kienx baqaʼ raġel f’Għaj u f’Betel li ma ħariġx wara Iżrael. Huma ħallew il-belt miftuħa beraħ u ġrew wara Iżrael. 18  Issa Ġeħova qal lil Ġożwè: “Għolli l-lanza li għandek f’idek lejn Għaj, għax se nagħtik il-belt f’idejk.” Għalhekk, Ġożwè għolla l-lanza li kellu f’idu lejn il-belt. 19  Malli għolla idu, dawk li kienu mistoħbijin qamu malajr minn posthom, telqu jiġru, daħlu fil-belt, u rebħuha. Huma taw in-nar lill-belt minnufih. 20  Meta l-irġiel t’Għaj daru lura, huma raw id-duħħan tal-belt tielaʼ lejn is-sema u ma kellhomx saħħa biex jaħarbu f’xi direzzjoni. Imbagħad il-gwerriera li kienu qed jaħarbu lejn id-deżert daru għal dawk li kienu qed jiġru warajhom. 21  Meta Ġożwè u l-Iżraelin kollha li kienu miegħu raw li dawk mistoħbijin rebħu l-belt u li kien tielaʼ d-duħħan minnha, huma daru lura u attakkaw lill-irġiel t’Għaj. 22  U l-oħrajn ħarġu mill-belt biex jattakkawhom, u b’hekk l-irġiel t’Għaj spiċċaw f’nassa bejn l-Iżraelin, u dawn inqatlu u ħadd minnhom ma baqaʼ ħaj jew ħarab. 23  Imma lir-re t’Għaj qabduh ħaj u ħaduh quddiem Ġożwè. 24  Wara li l-Iżraelin qatlu bix-xabla lill-irġiel kollha t’Għaj fid-deżert fejn kienu ġrew warajhom, marru lura Għaj u qatlu bix-xabla lil dawk li kien fadal fiha. 25  Dakinhar mietu n-nies kollha t’Għaj, 12,000 raġel u mara. 26  Ġożwè baqaʼ bil-lanza mgħollija f’idu sakemm inqatlu* n-nies kollha t’Għaj. 27  Madankollu, l-Iżraelin ħadu l-imrieħel u l-affarijiet taʼ din il-belt, bħalma Ġeħova kkmanda lil Ġożwè. 28  Imbagħad Ġożwè ħaraq lil Għaj u sal-lum baqaʼ biss borġ ġebel minnha. 29  Hu dendel lir-re t’Għaj maʼ zokk* sa filgħaxija, u hekk kif ix-xemx kienet kważi niżlet, Ġożwè ta l-kmand biex iniżżlu l-ġisem mejjet minn maz-zokk. Imbagħad tefgħuh fid-daħla taʼ bieb il-belt u tefgħu fuqu borġ kbir ġebel, li għadu hemmhekk sal-lum. 30  Imbagħad Ġożwè bena artal lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael fuq il-Muntanja Għebal, 31  bħalma kien ikkmanda Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova lill-Iżraelin u bħalma hu miktub fil-ktieb tal-Liġi taʼ Mosè: “Ibni artal taʼ ġebel mhux maħdum, li ebda għodda tal-ħadid ma ntużat fuqu.” Fuqu għamlu offerti tal-ħruq lil Ġeħova kif ukoll sagrifiċċji tal-paċi. 32  Imbagħad kiteb fuq il-ġebel kopja tal-Liġi li Mosè kien kiteb quddiem l-Iżraelin. 33  Iżrael kollu, l-anzjani, l-uffiċjali, u l-imħallfin tiegħu kienu weqfin fuq iż-żewġ naħat tal-Arka quddiem il-qassisin Leviti li kienu qed iġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. Kien hemm kemm ir-residenti barranin kif ukoll l-Iżraelin. Nofshom qagħdu quddiem il-Muntanja Geriżim u n-nofs l-ieħor quddiem il-Muntanja Għebal (bħalma kien ikkmanda Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova), biex il-poplu t’Iżrael jiġi mbierek. 34  Wara dan, Ġożwè qara b’leħen għoli l-kliem kollu tal-liġi, li jinkludi l-barkiet u s-saħtiet, eżatt bħalma hu miktub fil-ktieb tal-Liġi. 35  Ma kienx hemm kelma minn kulma kien ikkmanda Mosè li Ġożwè ma qrahiex b’leħen għoli quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael, li tinkludi n-nisa, it-tfal, u r-residenti barranin li kienu jgħixu* fosthom.

Noti taʼ taħt

Jew “il-pjanura l-baxxa.”
Jew “iddedika għall-qerda.”
Jew “siġra.”
Letteralment “jimxu.”