L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 9:1-41
9 Hu u għaddej, ra raġel li twieled ma jarax.
2 Id-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi,* min dineb, ir-raġel jew il-ġenituri tiegħu, biex twieled ma jarax?”
3 Ġesù wieġeb: “La r-raġel u lanqas il-ġenituri tiegħu ma dinbu, imma dan ġara biex in-nies jaraw x’inhu kapaċi jagħmel Alla.
4 Irridu nagħmlu dak li jrid il-Wieħed li bagħatni matul il-ġurnata, għax matul il-lejl l-ebda bniedem ma jistaʼ jaħdem.
5 Sakemm jien fid-dinja, jien bħal dawl li jgħin lin-nies jaraw.”
6 Wara li qal dan, beżaq fl-art, għamel it-tajn bil-bżieq, poġġieh fuq għajnejn ir-raġel,
7 u qallu: “Mur inħasel fl-għadira* taʼ Silogħam” (li tiġi tradotta “Ilma Ħiereġ”). Hu mar, inħasel, u ġie lura jara.
8 Imbagħad il-ġirien u dawk li qabel kienu jarawh jittallab bdew jistaqsu: “Dan mhux ir-raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”
9 Xi nies qalu: “Dan hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu.” Imma r-raġel baqaʼ jgħid: “Jien hu.”
10 Huma staqsewh: “Allura kif bdejt tara?”
11 Hu wiġibhom: “Ir-raġel li jismu Ġesù għamel it-tajn, poġġihuli fuq għajnejja, u qalli, ‘Mur Silogħam u nħasel.’ Allura mort, inħsilt, u ġejt nara.”
12 Imbagħad qalulu: “Fejn hu dan ir-raġel?” Hu qal: “Ma nafx.”
13 Huma ħadu lil dan ir-raġel li qabel ma kienx jara għand il-Fariżej.
14 Dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fejqu inzerta li kien is-Sabat.
15 Anki l-Fariżej bdew jistaqsuh kif beda jara. Hu qalilhom: “Poġġieli tajn fuq għajnejja, inħsilt, u bdejt nara.”
16 Imbagħad xi Fariżej bdew jgħidu: “Dan ir-raġel ma bagħtux Alla, għax hu ma jobdix il-liġi tas-Sabat.” Oħrajn qalu: “Kif jistaʼ raġel midneb* jagħmel mirakli bħal dawn?” B’hekk ma bdewx jaqblu bejniethom.
17 U reġgħu staqsew lir-raġel li beda jara: “Int x’taħseb dwaru, peress li fejqek?” Ir-raġel wieġeb: “Hu profeta.”
18 Madankollu, il-mexxejja Lhud m’emmnux li r-raġel ma kienx jara. Imbagħad għajtu lill-ġenituri tiegħu
19 u staqsewhom: “Dan it-tifel tagħkom li tgħidu li twieled ma jarax? Allura issa kif qed jara?”
20 Il-ġenituri tiegħu wieġbu: “Iva, dan it-tifel tagħna u twieled ma jarax.
21 Imma ma nafux kif issa qed jara u min fejqu. Għandu l-età tiegħu. Staqsu lilu u jgħidilkom.”
22 Il-ġenituri tiegħu qalu dan għax bdew jibżgħu mill-mexxejja Lhud. Għax il-Lhud kienu diġà ftiehmu li jekk xi ħadd jgħid li Ġesù hu Kristu jiġi mkeċċi mis-sinagoga.
23 Huwa għalhekk li l-ġenituri tiegħu qalu: “Għandu l-età tiegħu. Staqsu lilu.”
24 Għalhekk, reġgħu għajtu lir-raġel li ma kienx jara u qalulu: “Onora lil Alla billi tgħid il-verità. Aħna nafu li dan ir-raġel hu midneb.”
25 Hu wieġeb: “Jekk hux midneb, ma nafx. Li naf hu li ma kontx nara u issa qed nara.”
26 Imbagħad qalulu: “X’għamillek? Kif fejqek?”
27 Hu wiġibhom: “Diġà għedtilkom imma ma tajtux kas. Għala tridu terġgħu tisimgħuni? Jaqaw anki intom tridu ssiru dixxipli tiegħu?”
28 Għal dan għajruh u qalulu: “Int dixxiplu taʼ dak ir-raġel, imma aħna dixxipli taʼ Mosè.
29 Aħna nafu li Alla kellem lil Mosè, imma ma nafux min bagħat lil dan ir-raġel.”
30 Ir-raġel wiġibhom: “Qed tiskantawni li ma tafux min bagħtu minkejja li fejjaqni.
31 Aħna nafu li Alla ma jismax lil dawk li jidinbu, imma jismaʼ lil min għandu rispett kbir lejh* u jagħmel dak li jrid hu.
32 Qatt ma smajna li xi ħadd fejjaq lil wieħed li twieled ma jarax.
33 Kieku dan ir-raġel ma bagħtux Alla, ma kien ikun jistaʼ jagħmel xejn.”
34 Wiġbuh: “Int twilidt kollok dnubiet, u issa ġej tgħallem lilna?” U tefgħuh ’il barra!
35 Ġesù semaʼ li kienu keċċewh u xħin sabu staqsieh: “Int qed turi fidi f’Bin il-bniedem?”
36 Ir-raġel wieġbu: “Sinjur, min hu ħalli nuri fidi fih?”
37 Ġesù qallu: “Int rajtu. Fil-fatt, hu jien li qed nitkellem miegħek.”
38 Dan qallu: “Iva, għandi fidi fik, Mulej.” Imbagħad miel quddiemu.
39 Wara, Ġesù qal: “Jien ġejt f’din id-dinja ħalli din tkun tistaʼ tiġi ġġudikata u dawk li ma jarawx, jibdew jaraw, u dawk li jaraw, ma jibqgħux jaraw.”
40 Meta l-Fariżej li kienu hemm semgħu dan, qalulu: “Ma tridx tgħid li aħna ma narawx ukoll, hux?”
41 Ġesù qalilhom: “Li kieku ma tarawx, ma tkunux ħatjin tad-dnub. Imma la qed tgħidu li taraw, id-dnub tagħkom mhux se jinħafer.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “Għalliem.”
^ Jiġifieri pool.
^ Jew “raġel li jagħmel id-dnub.”
^ Letteralment “jibżaʼ minn Alla.”