Ħosea 1:1-11
1 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova ta lil Ħosea* bin Begħeri fi żmien Użżija, Ġotam, Aħaż, u Ħeżekija, rejiet taʼ Ġuda, u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas, ir-re t’Iżrael.
2 Meta Ġeħova beda jgħid il-messaġġ tiegħu permezz taʼ Ħosea, Ġeħova qal lil Ħosea: “Mur, iżżewweġ mara li se tagħmel adulterju* u int se jkollok tfal mir-relazzjonijiet adulteri tagħha, għax hu minħabba l-adulterju li l-pajjiż waqaf għalkollox milli jaqdi lil Ġeħova.”
3 Għalhekk hu mar u żżewweġ lil Gomer bint Diblajm, u hi ħarġet tqila u wilditlu tifel.
4 Imbagħad Ġeħova qallu: “Semmih Ġeżragħel,* għax fi ftit żmien ieħor jien se nitlob kont mill-familja taʼ Ġeħu għall-qtil kollu li sar f’Ġeżragħel, u se nġib fi tmiemha s-saltna t’Iżrael.
5 Dakinhar se nkisser il-qaws t’Iżrael fil-Wied* taʼ Ġeżragħel.”
6 Hi reġgħet ħarġet tqila u kellha tifla. U Alla qallu: “Semmiha Lo-ruħama,* għax jien mhux se nibqaʼ nuri ħniena man-nies* t’Iżrael u żgur se nkeċċihom.
7 Imma se nuri ħniena man-nies* taʼ Ġuda, u jien, Ġeħova Alla tagħhom, se nsalvahom. Mhux se nsalvahom permezz tal-qaws, tax-xabla, tal-gwerra, taż-żwiemel, jew tar-rikkieba taż-żwiemel.”
8 Wara li qatgħet il-ħalib lil Lo-ruħama, hi ħarġet tqila u kellha tifel.
9 Imbagħad Alla qallu: “Semmih Lo-għammi,* għax intom m’intomx il-poplu tiegħi u jien mhux se nibqaʼ l-Alla tagħkom.
10 “U l-ammont tan-nies* t’Iżrael se jkun daqs ir-ramel tal-baħar li la jistaʼ jitkejjel u lanqas jingħadd. U fil-post fejn għedtilhom, ‘Intom m’intomx il-poplu tiegħi,’ jien se ngħidilhom, ‘Intom it-tfal tal-Alla l-ħaj.’
11 U n-nies taʼ Ġuda u t’Iżrael se jingħaqdu flimkien u se jagħżlu għalihom mexxej wieħed u joħorġu barra mill-pajjiż. Dan se jkun jum importanti għal Ġeżragħel.
Noti taʼ taħt
^ Forma mqassra tal-isem Ħosajja li jfisser “Salvat minn Jah; Jah Salva.”
^ Jew “prostituta; immorali.”
^ Ifisser “Alla Se Jiżraʼ Żerriegħa.”
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
^ Ifisser “Ma Ntwerietx Ħniena.”
^ Letteralment “mad-dar.”
^ Letteralment “mad-dar.”
^ Ifisser “Mhux il-Poplu Tiegħi.”
^ Letteralment “tat-tfal.”