Ħosea 9:1-17
9 “Tifraħx Iżrael,Tifraħx bħan-nies l-oħra.
Għax int tbegħedt minn Alla tiegħek billi għamilt il-prostituzzjoni.*
Int ħadt pjaċir bil-ħlas li qlajt mill-prostituzzjoni f’kull post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.*
2 Imma l-postijiet fejn jiġu sseparati ċ-ċereali u jintgħasar l-inbid mhux se jitimgħukom,U mhux se jkollkom inbid ġdid.
3 Il-poplu t’Iżrael mhux se jkompli jgħix fil-pajjiż taʼ Ġeħova;Minflok, Efrajm se jmur lura l-Eġittu,U fl-Assirja se jiekol dak li mhux nadif.
4 L-Iżraelin mhux se jkomplu jferrgħu l-offerti tal-inbid lil Ġeħova;Is-sagrifiċċji tagħhom mhux se jogħġbuh.
Huma bħall-ħobż li n-nies jieklu meta xi ħadd imut;Kull min jiekol minnu jniġġes lilu nnifsu.
Għax il-ħobż tagħhom hu għalihom biss;Mhux se jidħol fid-dar taʼ Ġeħova.
5 X’se tagħmlu meta jasal iż-żmien li tinġabru flimkien?
X’se tagħmlu fiż-żmien meta tiċċelebraw il-festi ddedikati lil Ġeħova?
6 Għax huma se jkollhom jaħarbu minħabba l-qerda.
Fl-Eġittu se jiġbruhom flimkien, u f’Memfi se jidfnuhom.
Il-ħurrieq se jitlaʼ u jgħatti l-affarijiet prezzjużi tagħhom tal-fidda,U fit-tined tagħhom se jikber l-għollieq.
7 Se jiġi żmien fejn se jkollhom jagħtu kont,Se jiġi żmien fejn se jkollhom ipattu għal dak li għamlu,U Iżrael se jkun jaf.
Il-profeta tagħhom se jkun iblah, u dak li jgħid li hu ispirat minn Alla se jiġġennen;Għax l-iżbalji tagħkom huma ħafna, u anki l-mibegħda kontrikom.”
8 L-għassies t’Efrajm kien m’Alla tiegħi.
Imma issa t-triqat kollha tal-profeta tiegħu huma bħal nases taʼ nassab;Hemm il-mibegħda fid-dar tal-Alla tiegħu.
9 L-Iżraelin huma involuti sew fl-affarijiet li se jġibu l-ħsara,Bħalma kienu żmien twil ilu n-nies taʼ Gibegħa.
Hu se jiftakar l-iżball tagħhom u jikkastigahom għal dnubiethom.
10 “Jien sibt lil Iżrael bħal għeneb fid-deżert.
Jien rajt lil missirijietkom bħall-ewwel tin li sar f’siġra tat-tin.
Imma huma marru għand Bagħal taʼ Pegħor;Huma ddedikaw lilhom infushom lill-ħaġa tal-mistħija,*U saru moqżieża bħall-alla li jqimu.
11 L-affarijiet li huma taʼ valur għal Efrajm taru bħal għasfur;L-ebda mara mhu se twelled, tkun tqila, jew toħroġ tqila.
12 Anki jekk irabbu t-tfal,Jien se niħodhomlhom sakemm ma jibqaʼ ħadd;Iva, ħażin għalihom meta nitlaqhom!
13 Efrajm għalija kien bħal Tir, għax kien f’art mill-isbaħ b’ħaxix aħdar;Imma issa Efrajm għandu jieħu t-tfal tiegħu għall-qatla.”
14 Ġeħova, agħtihom dak li ħaqqhom;Ħa jkorru n-nisa tqal u ma jkollhomx ħalib f’sidirhom.
15 “L-affarijiet ħżiena kollha tagħhom għamluhom f’Gilgal, u għalhekk sirt nobgħodhom hemm.
Jien se nkeċċihom mid-dar tiegħi minħabba l-ħażen li għamlu.
Mhux se nibqaʼ nħobbhom;Il-kapijiet* kollha tagħhom huma rashom iebsa.
16 Efrajm se jinqered.
L-għeruq tagħhom se jinxfu, u mhux se jagħtu frott.
Anki jekk iwelldu, jien noqtol lit-tfal għeżież tagħhom.”
17 L-Alla tiegħi se jwarrabhom,Għax huma ma semgħux minnu,U se jsiru maħrubin fost il-popli.
Noti taʼ taħt
^ Jew “l-immoralità.”
^ Jew “qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “lill-alla tal-mistħija.”
^ Jew “Il-prinċpijiet.”