L-Ewwel Ittra lill-Korintin 8:1-13
8 Issa se nikteb dwar l-ikel li jiġi offrut lill-idoli. Kollha għandna għarfien dwar dan. L-għarfien waħdu jagħmilna kburin, imma l-imħabba tinkuraġġixxi* lil oħrajn.
2 Jekk xi ħadd jaħseb li jaf it-tweġibiet kollha, fir-realtà mhux jifhem il-kwistjoni kif suppost.
3 Imma jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.
4 Dwar li wieħed jiekol ikel offrut lill-idoli, nafu li idolu fir-realtà mhuwiex alla u li hemm Alla wieħed biss.
5 Hemm ħafna li jgħidulhom allat, kemm fis-sema u kemm fuq l-art, u hemm ħafna li n-nies jikkunsidrawhom “allat” u “mulejiet.”
6 Għalina hemm Alla wieħed, il-Missier. Kollox mingħandu ġie, u aħna ngħixu għalih. U għalina hemm Mulej wieħed, Ġesù Kristu. Kollox ġie permezz tiegħu, u aħna ngħixu grazzi għalih.
7 Imma mhux kulħadd jifhmu dan. Xi wħud qabel kienu jqimu lill-idoli. Allura meta jieklu ikel li kien offrut lil idolu, huma jqisuh li għandu x’jaqsam mal-idolu. Imbagħad tniggiżhom il-kuxjenza għax hi dgħajfa.
8 Imma l-ikel mhux se jressaqna eqreb lejn Alla. Nieklu jew ma niklux mhux se nkunu aħjar jew agħar.
9 Oqogħdu attenti li d-dritt li għandkom biex tagħżlu ma jfixkilx b’xi mod lil dawk li huma dgħajfin.*
10 Għalkemm intom tafu li l-idoli mhuma xejn, xi ħadd b’kuxjenza dgħajfa jistaʼ jarak tiekol f’tempju taʼ idolu. Dan jistaʼ jwasslu biex jiekol ikel offrut lill-idoli, u b’hekk imur kontra l-kuxjenza tiegħu stess.
11 Minkejja li taf li tistaʼ tiekol dan l-ikel, int tkun qed teqred il-fidi taʼ min hu dgħajjef. Ftakar li dan hu ħuk u li Kristu miet għalih.
12 Meta tidneb kontra ħutek b’dan il-mod u tweġġaʼ l-kuxjenza dgħajfa tagħhom, tkun qed tidneb kontra Kristu.
13 Għalhekk, jekk l-ikel li niekol ifixkel lil ħija, qatt mhu se nerġaʼ niekol laħam. Jien ma rrid nagħmel xejn li jdgħajjef il-fidi taʼ ħija.