L-Ewwel Kronaki 26:1-32
26 It-taqsimiet tal-għassiesa tal-bibien kienu hekk: Mill-Koraħin, Meselemija bin Kore, li jiġi minn Asaf.
2 U Meselemija kellu lil Żakkarija l-ewwel imwieled, Ġedjagħel it-tieni, Żebadija t-tielet, Ġatnijel ir-rabaʼ,
3 Għelam il-ħames, Ġeħoħanan is-sitta, u Eligħeħo-għenaj is-sebaʼ.
4 U Għobed-edom kellu lil Semajja l-ewwel imwieled, Ġeħożabad it-tieni, Ġowaħ it-tielet, Sakar ir-rabaʼ, Netanel il-ħames,
5 Għammijel is-sitta, Issakar is-sebaʼ, u Pegħulletaj it-tmienja, għax Alla kien bierku.
6 U ibnu Semajja kellu tfal kapaċi u b’saħħithom li saru kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier.
7 It-tfal taʼ Semajja kienu Għotni, Refael, Għobed, u Elżabad. Eliħu u Semakija, il-qraba t’Elżabad, ukoll kienu rġiel kapaċi.
8 Dawn kollha kienu mit-tfal t’Għobed-edom. Huma, it-tfal tagħhom, u ħuthom kienu rġiel kapaċi li jikkwalifikaw għas-servizz. Dawn kienu 62 membru tal-familja t’Għobed-edom.
9 U Meselemija kellu tfal u aħwa, 18-il raġel kapaċi.
10 U Ħosa mit-tfal taʼ Merari kellu t-tfal. Għalkemm Simri ma kienx l-ewwel imwieled, hu kien il-kap għax għamlu missieru.
11 Ħilkija kien it-tieni, Tebalija t-tielet, u Żakkarija r-rabaʼ. It-tfal u l-aħwa kollha taʼ Ħosa kienu 13.
12 Minn dawn it-taqsimiet tal-għassiesa tal-bibien, kemm il-kapijiet u kemm ħuthom kellhom ix-xogħol tagħhom biex jaqdu fid-dar taʼ Ġeħova.
13 Għalhekk, tefgħu x-xorti għaż-żgħir l-istess bħalma għamlu għall-kbir skont il-familji tagħhom min-naħa tal-missier biex jaraw liema bieb se jkollhom.
14 Imbagħad ix-xorti għan-naħa tal-Lvant telgħet għal Selemija. U x-xorti għan-naħa tat-Tramuntana telgħet għal ibnu Żakkarija, li kien għaqli f’li jagħti l-pariri.
15 Għobed-edom kellu n-naħa tan-Nofsinhar, u t-tfal tiegħu kellhom jieħdu ħsieb l-imħażen.
16 Suffim u Ħosa kellhom in-naħa tal-Punent ħdejn Bieb Salleket fit-triq prinċipali għat-telgħa, grupp t’għassiesa ħdejn grupp t’għassiesa.
17 Kull ġurnata kien hemm sitt Leviti fin-naħa tal-Lvant, erbgħa fin-naħa tat-Tramuntana, u erbgħa fin-naħa tan-Nofsinhar. Fl-imħażen kienu jkunu tnejn tnejn
18 u fid-dar tal-kolonni fin-naħa tal-Punent kien hemm erbgħa fit-triq prinċipali u tnejn fid-dar tal-kolonni.
19 Dawn kienu t-taqsimiet tal-għassiesa tal-bibien taʼ dawk li jiġu minn Koraħ u Merari.
20 Inkwantu għal-Leviti, Aħija kien jieħu ħsieb il-post fejn iżommu t-teżori tad-dar tal-Alla l-veru u l-post fejn iżommu l-affarijiet li tqaddsu.*
21 Minn dawk li jiġu minn* Lagħdan, jiġifieri mit-tfal tal-Gersonin minn Lagħdan kien hemm Ġeħijeli, li kien wieħed mill-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier,
22 u t-tfal tiegħu Żetam u Ġoel. Dawn kienu jieħdu ħsieb il-postijiet kollha fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova.
23 Mill-Għamramin, l-Isħarin, il-Ħebronin, u l-Użżijelin
24 kien hemm Sebugħel bin Gersom bin Mosè. Hu kien mexxej li jieħu ħsieb l-imħażen.
25 Ħutu, li kienu jiġu minn Eligħeżer, kienu Reħabija, Ġesagħija, Ġoram, Żikri, u Selomot.
26 Selomot u ħutu kienu jieħdu ħsieb il-postijiet kollha fejn iżommu l-affarijiet li tqaddsu. Dawn kienu qaddsuhom ir-Re David, il-kapijiet taʼ dar il-missirijiet, il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet, u l-kapijiet tal-armata.
27 Huma qabdu ftit mill-affarijiet li kienu ħadu mill-gwerer u qaddsuhom biex jintużaw għall-manutenzjoni tad-dar taʼ Ġeħova.
28 Kienu jieħdu ħsieb ukoll kulma kienu qaddsu Samwel il-profeta,* Sawl bin Kis, Abner bin Ner, u Ġowab bin Seruja. Kulma kien jitqaddes kienu jieħdu ħsiebu Selomit u ħutu.
29 Mill-Isħarin kien hemm Kenanija u t-tfal tiegħu li kellhom inkarigi ’l barra mid-dar t’Alla bħala uffiċjali u bħala mħallfin fuq Iżrael.
30 Mill-Ħebronin kien hemm Ħasabija u ħutu, 1,700 raġel kapaċi. Dawn kienu fuq l-amministrazzjoni t’Iżrael fir-reġjun fil-Punent tal-Ġordan għax-xogħol kollu taʼ Ġeħova u għas-servizz tar-re.
31 Minn fost dawk li jiġu mill-familja taʼ Ħebron, Ġerijah kien il-kap. Fl-40 sena tat-tmexxija taʼ David, saret tfittxija u fosthom sabu rġiel b’saħħithom u kapaċi f’Ġagħżer taʼ Gilegħad.
32 U ħutu kienu 2,700 raġel kapaċi, kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier. Għalhekk, ir-Re David inkarigahom fuq ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse biex jieħdu ħsieb kulma kellu x’jaqsam mal-Alla l-veru u r-re.
Noti taʼ taħt
^ Jew “l-affarijiet iddedikati.”
^ Letteralment “Mit-tfal taʼ.” Bl-Ebrajk “tfal” tista’ tfisser “tfal,” “neputijiet,” jew “dixxendenti.”
^ Letteralment “il-veġġent.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.