L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 14:1-52
14 Darba minnhom Ġonatan bin Sawl qal lill-qaddej li kien iġorrlu l-armi: “Ejja naqsmu n-naħa l-oħra fejn hemm l-għassa tal-Filistin.” Imma lil missieru ma qallux b’dan.
2 Sawl kien ikkampjat fit-truf taʼ Gibegħa taħt is-siġra tar-rummien f’Migron, u miegħu kien hemm madwar 600 raġel.
3 (U f’dak iż-żmien Aħija kien qed iġorr l-efod.* Hu kien bin Aħitub ħu Ikabod, bin Fineħas, bin Għeli l-qassis taʼ Ġeħova f’Silo.) U n-nies ma kinux jafu li Ġonatan kien telaq.
4 Issa kien hemm blata qisha sinna fuq naħa u blata qisha sinna fuq in-naħa l-oħra tal-passaġġ li Ġonatan kien qed jipprova jaqsam biex imur ħdejn l-għassa tal-Filistin. Blata minnhom kien jisimha Boses u l-oħra Sene.
5 Blata waħda kienet wieqfa bħal pilastru fit-Tramuntana faċċata taʼ Mikmax, u l-oħra kienet fin-Nofsinhar faċċata taʼ Geba.
6 Għalhekk, Ġonatan qal lil dak li kien iġorrlu l-armi: “Ejja ħa naqsmu lejn l-għassa taʼ dawn l-irġiel mhux ċirkonċiżi. Forsi Ġeħova jgħinna, għax xejn ma jistaʼ jfixkel lil Ġeħova milli jsalvana b’ħafna jew bi ftit.”
7 Dak li kien iġorrlu l-armi qallu: “Agħmel kulma tixtieq qalbek. Mur fejn tixtieq. Jien niġi miegħek tmur fejn tmur.”
8 Imbagħad Ġonatan qallu: “Ejja naqsmu lejn dawn l-irġiel u nuruhom li qegħdin hawn.
9 Jekk jgħidulna, ‘Ieqfu hemm sakemm niġu ħdejkom!’ nieqfu fejn inkunu u ma nitilgħux ħdejhom.
10 Imma jekk jgħidu, ‘Itilgħu ħdejna!’ nitilgħu, għax dan ikun sinjal li Ġeħova se jagħtihom f’idejna.”
11 Imbagħad it-tnejn li huma ħallew lill-għassa tal-Filistin jarawhom. Il-Filistin qalu: “Ara! Il-Lhud ħerġin mill-ħofor fejn kienu moħbijin.”
12 Għalhekk, l-irġiel tal-għassa qalu lil Ġonatan u lil dak li kien iġorrlu l-armi: “Itilgħu ħdejna, ħa tieħdu li ħaqqkom!” Minnufih Ġonatan qal lil dak li kien iġorrlu l-armi: “Ejja warajja, għax Ġeħova se jagħtihom f’idejn Iżrael.”
13 U Ġonatan telaʼ mal-irdum billi uża jdejh u saqajh, u dak li kien iġorrlu l-armi kien warajh. U Ġonatan beda jattakka lill-Filistin, u dak li kien iġorrlu l-armi beda joqtolhom warajh.
14 Fl-ewwel attakk li għamlu Ġonatan u dak li kien iġorrlu l-armi qatlu madwar 20 raġel f’distanza żgħira.*
15 Imbagħad dawk li kienu fil-kampijiet u n-nies kollha li kienu fl-għassa bdew jibżgħu, u anki t-tliet gruppi li ħarġu jattakkaw kienu mwerwrin. L-art bdiet titheżżeż, u Alla ġiegħel lill-Filistin jippanikjaw.
16 L-għassiesa taʼ Sawl f’Gibegħa taʼ Benjamin raw li l-konfużjoni kienet qed tinfirex maʼ kullimkien.
17 Sawl qal lin-nies li kienu miegħu: “Jekk jogħġobkom, għoddu lin-nies u araw min telaq minn magħna.” Meta għoddewhom sabu li Ġonatan u dak li kien iġorrlu l-armi ma kinux hemm.
18 Sawl issa qal lil Aħija: “Ġib l-Arka tal-Alla l-veru qrib!” (Għax l-arka tal-Alla l-veru kienet mal-Iżraelin dak iż-żmien.*)
19 U waqt li Sawl kien qed jitkellem mal-qassis, il-konfużjoni fil-kampijiet tal-Filistin kienet qed tiżdied ħafna. Imbagħad Sawl qal lill-qassis: “Ieqaf minn dak li qed tagħmel.”*
20 Għalhekk, Sawl u n-nies kollha taʼ miegħu nġabru u marru fil-battalja. Hemm sabu lill-Filistin jattakkaw lil xulxin bix-xabla, u l-konfużjoni kienet kbira ħafna.
21 Ukoll, il-Lhud li qabel kienu żammew mal-Filistin u li kienu telgħu magħhom fil-kampijiet bdew imorru man-naħa tal-Iżraelin li kienu mmexxijin minn Sawl u Ġonatan.
22 L-irġiel kollha t’Iżrael li kienu moħbijin fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm semgħu li l-Filistin kienu ħarbu, u huma wkoll telqu jiġru warajhom fil-battalja.
23 Għalhekk, Ġeħova salva lil Iżrael dakinhar, u l-battalja baqgħet għaddejja sa Bet-awen.
24 Imma dakinhar l-irġiel t’Iżrael kienu għajjenin, għax Sawl ġiegħel lis-suldati jaħilfu u qal: “Misħut ir-raġel li jiekol xi ikel* qabel filgħaxija u sakemm inkun ivvendikajt ruħi mill-għedewwa tiegħi!” Allura ħadd ma kiel xejn.
25 U s-suldati kollha daħlu fil-foresta, u mal-art kien hemm l-għasel.
26 Meta daħlu fil-foresta, huma raw l-għasel iqattar, imma ħadd ma daqu, għax kienu qed jibżgħu minħabba l-ħalfa.
27 Imma Ġonatan ma kienx semaʼ lil missieru meta ġiegħel lin-nies jaħilfu, għalhekk bill ix-xifer tal-bastun tiegħu fix-xehda tal-għasel. Meta kiel, reġaʼ ħa s-saħħa.*
28 Imbagħad wieħed mis-suldati qal: “Missierek ġiegħel lin-nies jaħilfu u qalilhom, ‘Misħut ir-raġel li jiekol illum!’ Huwa għalhekk li s-suldati huma tant għajjenin.”
29 Madankollu Ġonatan qal: “Missieri ġiegħel lin-nies ibatu.* Araw kif erġajt ħadt is-saħħa għax doqt ftit għasel.
30 Kemm kien ikun aħjar li kieku llum is-suldati kielu mill-annimali li ħadu mingħand l-għedewwa tagħhom! Għax kieku l-qatla tal-Filistin kienet tkun saħansitra akbar.”
31 Dakinhar, baqgħu joqtlu lill-Filistin minn Mikmax s’Ajjalon, u n-nies għejew ħafna.
32 Għalhekk, bdew jaħtfu b’regħba l-affarijiet li ħadu mingħand l-għedewwa, u ħadu nagħaġ, baqar, u barrin żgħar* u qatluhom hemm, u kielu l-laħam bid-demm.
33 U lil Sawl intqallu: “Ara, in-nies qed jidinbu kontra Ġeħova għax qed jieklu l-laħam bid-demm.” Hu qal: “Huma m’aġixxewx b’lealtà. Gerbu malajr ġebla kbira lejja.”
34 Imbagħad Sawl qal: “Għaddu minn qalb in-nies u għidulhom, ‘Kull wieħed minnkom għandu jġib il-barri u n-nagħġa tiegħu u joqtolhom hawn u mbagħad jikolhom. Tidinbux kontra Ġeħova billi tieklu l-laħam bid-demm.’” Għalhekk dak il-lejl, kull wieħed minnhom ħa l-barri tiegħu u qatlu hemmhekk.
35 U Sawl bena artal lil Ġeħova. Dan kien l-ewwel artal li bena lil Ġeħova.
36 Iktar tard Sawl qal: “Ejja nattakkaw lill-Filistin billejl u nisirqu dak li għandhom sa ma jisbaħ. Ma nħallu lil ħadd ħaj.” U huma qalulu: “Agħmel kulma jidher li hu tajjeb f’għajnejk.” Imbagħad il-qassis qallu: “Ejja nersqu lejn l-Alla l-veru f’dan il-post.”
37 U Sawl staqsa lil Alla: “Għandi nattakka lill-Filistin? Se tgħinna nirbħulhom?” Imma Alla ma wiġbux dakinhar.
38 Għalhekk Sawl qal: “Ejjew hawnhekk intom il-kapijiet kollha tal-poplu u araw xi dnub sar illum.
39 Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj, li ħeles lil Iżrael, li anki jekk ikun ibni Ġonatan li għamel dan, hu għandu jmut.” Imma ħadd mill-poplu ma wieġbu.
40 Imbagħad qal lil Iżrael kollu: “Intom oqogħdu fuq naħa, u jien u ibni Ġonatan noqogħdu fuq in-naħa l-oħra.” U l-poplu qal lil Sawl: “Agħmel kulma jidher li hu tajjeb f’għajnejk.”
41 Imbagħad Sawl qal lil Ġeħova: “Alla t’Iżrael, wieġeb permezz tat-Tummim!” Imbagħad intgħażlu Ġonatan u Sawl, u n-nies kienu bla ħtija.
42 Sawl issa qal: “Itfgħu x-xorti biex tagħżlu bejni u bejn ibni Ġonatan.” U ntgħażel Ġonatan.
43 Imbagħad Sawl qal lil Ġonatan: “Għidli, x’għamilt?” Għalhekk Ġonatan wieġbu: “Jien doqt ftit għasel b’tarf il-bastun li għandi f’idi. Hawn jien! Lest biex immut!”
44 U Sawl qal: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk int ma tmutx, Ġonatan.”
45 Imma s-suldati qalu lil Sawl: “Għandu jmut Ġonatan, il-wieħed li ġab din ir-rebħa* kbira f’Iżrael? Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna! Naħilfu b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li lanqas xagħra waħda minn rasu ma taqaʼ fl-art, għax kien bl-għajnuna t’Alla dak li għamel illum.” B’hekk, is-suldati ħelsu* lil Ġonatan, u dan ma mietx.
46 Għalhekk, Sawl ma baqax jiġri wara l-Filistin, u l-Filistin marru fit-territorju tagħhom.
47 Ir-Re Sawl sar b’saħħtu f’Iżrael u ġġieled kontra l-għedewwa kollha tiegħu minn kull naħa, kontra l-Mowabin, l-Għammonin, l-Edomin, ir-rejiet taʼ Soba, u l-Filistin. Kull fejn mar, kien jirbħilhom.
48 Hu ġġieled b’kuraġġ u għeleb lill-Għamalekin u ħeles lill-Iżraelin minn id l-għedewwa tagħhom.
49 It-tfal taʼ Sawl kienu Ġonatan, Iswi, u Malki-sugħa. U hu kellu żewġt ibniet, il-kbira kien jisimha Merab u ż-żgħira Mikal.
50 Il-mara taʼ Sawl kienet Aħinogħam bint Aħimgħas. Il-kap tal-armata tiegħu kien Abner bin Ner, iz-ziju taʼ Sawl.
51 Missier Sawl kien Kis. U Ner bin Abijel kien missier Abner.
52 Kien hemm gwerra ħarxa kontra l-Filistin kemm dam ħaj Sawl. Meta Sawl kien jara xi raġel b’saħħtu jew kuraġġuż, kien jieħdu għall-armata tiegħu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “f’distanza taʼ nofs għalqa li żewġ barrin jistgħu jaħartu f’ġurnata.”
^ Letteralment “dakinhar.”
^ Letteralment “Neħħi idek.”
^ Letteralment “ħobż.”
^ Letteralment “għajnejh xegħlu.”
^ Jew “għamel il-ħsara lill-pajjiż.”
^ Jew “għoġġiela.”
^ Jew “is-salvazzjoni.”
^ Letteralment “fdew.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.