L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 18:1-30

  • Il-ħbiberija taʼ David u Ġonatan (1-4)

  • Sawl jgħir għar-rebħiet taʼ David (5-9)

  • Sawl jipprova joqtol lil David (10-19)

  • David jiżżewweġ lil Mikal bint Sawl (20-30)

18  Meta Ġonatan sema’ lil David ikellem lil Sawl, hu u David saru ħbieb kbar,* u beda jħobbu bħalu nnifsu.  Minn dakinhar, Sawl żamm lil David miegħu u ma ħalliehx imur lura lejn dar missieru.  U Ġonatan u David għamlu patt, għaliex kien iħobbu bħalu nnifsu.  Ġonatan neħħa l-libsa bla kmiem li kellu fuqu u taha lil David. Tah ukoll l-armatura, ix-xabla, il-qaws, u ċ-ċinturin tiegħu.  David beda joħroġ għall-gwerra u jkollu suċċess* kull fejn kien jibagħtu Sawl. B’hekk, Sawl qiegħdu fuq il-gwerriera, u dan għoġob lin-nies u l-qaddejja taʼ Sawl kollha.  Meta David u suldati oħrajn kienu jaslu lura wara li joqtlu lill-Filistin, in-nisa kienu joħorġu mill-bliet kollha t’Iżrael jiżfnu u jkantaw biex jiltaqgħu mar-Re Sawl. B’ferħ, huma kienu jdoqqu t-tanburlini u l-istrumenti taʼ tliet kordi,  jiċċelebraw, u jkantaw: “Sawl qatel eluf,U David għaxriet t’eluf.”  Sawl beda jirrabja ħafna, u dak li qalu m’għoġbux, għax qal: “Lil David tawh il-krettu li qatel għaxriet t’eluf, imma lili eluf. Is-saltna biss jonqoshom jagħtuh!”  Minn dakinhar, Sawl baqaʼ jissuspetta f’David. 10  L-għada, Alla ppermetta li Sawl ikollu ħsibijiet koroh,* u għalhekk beda jaġixxi b’mod stramb* ġod-dar. David kien qed idoqq l-arpa bħas-soltu u Sawl kellu lanza f’idu. 11  Hu waddabha u qal bejnu u bejn ruħu: ‘Se nsammar lil David mal-ħajt!’ Imma David ħarab minnu darbtejn. 12  Imbagħad Sawl beżaʼ minn David għaliex Ġeħova kien miegħu, imma lilu kien telqu. 13  Għalhekk, Sawl ma ridux jibqaʼ iktar miegħu u għamlu kap t’elf, u David kien imexxi l-armata għall-battalja.* 14  David baqaʼ jkollu suċċess* f’kulma jagħmel, u Ġeħova kien miegħu. 15  U meta Sawl ra li qed ikollu ħafna suċċess, beda jibżaʼ minnu. 16  Imma Iżrael u Ġuda kollha kienu jħobbu lil David, għaliex hu kien imexxihom fil-battalji. 17  Iktar tard, Sawl qal lil David: “Se nagħtik lil binti l-kbira Merab biex tiżżewwiġha. Imma int trid tkompli taqdini b’kuraġġ u tiġġieled il-gwerer taʼ Ġeħova.” Għax Sawl qal bejnu u bejn ruħu: “Ħa joqtluh il-Filistin, ħalli ma jkollix għalfejn noqtlu jien.” 18  U David qal lil Sawl: “Jien min jien u min huma l-familja taʼ missieri f’Iżrael, sabiex niżżewweġ lil bintek?” 19  Għalkemm Sawl qal dan, hu kien diġà żewweġ lil bintu Merab lil Għadrijel il-Meħolati, qabel ma wasal iż-żmien biex iżewwiġha lil David. 20  Issa Mikal, bint Sawl, kienet tħobbu lil David, u meta lil Sawl marru jgħidulu b’dan, hu ħa gost. 21  Għalhekk Sawl qal: “Nagħtihielu biex tkun nassa għalih, sabiex il-Filistin joqtluh.” Imbagħad reġaʼ qal lil David: “Int se tiżżewweġ lil binti* llum.” 22  Iktar minn hekk, Sawl ikkmanda lill-qaddejja tiegħu: “Kellmu lil David bil-moħbi u għidulu, ‘Ir-re kuntent bik, u l-qaddejja kollha tiegħu jħobbuk. Mela żżewweġ lil bint ir-re.’” 23  Meta l-qaddejja taʼ Sawl qalu dan lil David, hu qal: “Jaqaw hi xi ħaġa żgħira għalikom li niżżewweġ lil bint ir-re, meta ma jien xejn u fqir?” 24  Imbagħad il-qaddejja taʼ Sawl qalulu x’qal David. 25  Għal dan Sawl qal: “Hekk għidulu lil David, ‘Ir-re ma jrid ebda prezz tal-għarusa ħlief li toqtol 100 Filisti u ġġib prova* taʼ dan, biex jivvendika ruħu mill-għedewwa tiegħu.’” Għax Sawl kien qed jippjana biex David jinqatel mill-Filistin. 26  Għalhekk, il-qaddejja tiegħu wasslu dan il-kliem lil David, u David kien grat li setaʼ jiżżewweġ lil bint ir-re. U qabel m’għadda ż-żmien biex jagħmel dan, 27  David u l-irġiel tiegħu marru u qatlu 200 Filisti, u David ħa l-prova* taʼ dan lir-re biex jiżżewweġ lil bintu. Għalhekk, Sawl żewwiġlu lil bintu Mikal. 28  Sawl irrealizza li Ġeħova kien maʼ David u li bintu Mikal kienet tħobbu. 29  B’hekk, Sawl beda jibżaʼ iktar minn David, u sar għadu tiegħu għall-bqija taʼ ħajtu. 30  Kull darba li l-kapijiet tal-Filistin kienu joħorġu għall-gwerra, David kien ikollu iktar suċċess* mill-qaddejja kollha taʼ Sawl u sar stmat ħafna.

Noti taʼ taħt

Jew “ruħ Ġonatan intrabtet maʼ ruħ David.”
Jew “aġixxa b’għaqal.”
Letteralment “spirtu ħażin.”
Jew “aġixxa bħal profeta.” Din l-espressjoni tistaʼ tirreferi għall-mod stramb kif il-profeti kultant kienu jesprimu ruħhom jew jaġixxu.
Letteralment “u hu ħareġ u daħal quddiem il-poplu.”
Jew “jaġixxi b’għaqal.”
Jew “titħallat b’rabta taż-żwieġ miegħi.”
Letteralment “il-ġilda tal-organu sesswali tal-Filistin.”
Letteralment “il-ġilda tal-organu sesswali tal-Filistin.”
Jew “aġixxa b’iktar għaqal.”