L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 6:1-21

  • Il-Filistin jagħtu lura l-Arka lil Iżrael (1-21)

6  L-Arka taʼ Ġeħova damet sebaʼ xhur fit-territorju tal-Filistin.  Il-Filistin għajtu lill-qassisin u lis-sħaħar u staqsewhom: “X’nagħmlu biha l-Arka taʼ Ġeħova? Għidulna kif għandna nibagħtuha lura f’postha.”  Wiġbuhom: “Jekk tibagħtu l-Arka taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael, tibagħtuhiex mingħajr offerta. Agħmlu ċert li tagħtuh offerta għall-ħtija. B’hekk biss tfiqu u ssiru tafu għala għadu qed jikkastigakom.”  Allura staqsewhom: “X’offerta għall-ħtija għandna nibagħtulu?” Wiġbuhom: “Ibagħtu ħames murliti tad-deheb u ħames ġrieden tad-deheb, skont kemm hemm mexxejja tal-Filistin, għax intom u l-mexxejja tagħkom ġejtu kkastigati bl-istess mod.  Agħmlu forom tal-murliti u tal-ġrieden li qed jeqirdu l-art, u onoraw lill-Alla t’Iżrael. Forsi ma jibqax jikkastiga lilkom, lill-alla tagħkom, u lil artkom.  Għala qed twebbsu raskom* bħalma webbsuha l-Eġizzjani u l-Fargħun? Meta Hu ttrattahom bl-aħrax, kellhom jibagħtu lill-Iżraelin, u dawn telqu.  Issa ppreparaw karru ġdid u żewġ baqriet li għandhom il-frieħ u li qatt ma tpoġġa madmad fuqhom. Imbagħad orbtu l-baqar mal-karru, imma l-frieħ tagħhom ħuduhom lura fl-istalla, ’il bogħod minnhom.  Poġġu l-Arka taʼ Ġeħova fuq il-karru, u f’kaxxa ħdejha poġġu l-oġġetti tad-deheb li se tibagħtulu bħala offerta għall-ħtija. Imbagħad ibagħtu l-baqar  u araw fejn imorru: Jekk jitilgħu mit-triq li tagħti għat-territorju tagħha, għal Bet-xemex, ikun hu li għamlilna din il-ħsara kbira. Jekk le, inkunu nafu li mhux hu għamel dan, imma ġara b’kumbinazzjoni.” 10  L-irġiel hekk għamlu. Ħadu żewġ baqriet li kellhom il-frieħ u rabtuhom mal-karru, u l-frieħ tagħhom għalquhom fl-istalla. 11  Imbagħad poġġew l-Arka taʼ Ġeħova fuq il-karru, kif ukoll il-kaxxa bil-forom tal-murliti tagħhom u bil-ġrieden tad-deheb. 12  U l-baqar marru dritt fit-triq lejn Bet-xemex. Baqgħu fit-triq prinċipali, jgħajtu huma u sejrin. Huma la daru lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. Sadanittant, il-mexxejja tal-Filistin imxew warajhom sal-fruntiera taʼ Bet-xemex. 13  In-nies taʼ Bet-xemex kienu qed jaħsdu l-qamħ fil-pjanura tal-wied.* Meta raw l-Arka, tgħidx kemm ferħu. 14  Il-karru waqaf fl-għalqa taʼ Ġożwè l-Bet-xemi ħdejn ġebla kbira. Għalhekk, huma qattgħu l-injam tal-karru, u offrew il-baqar bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova. 15  Il-Leviti niżżlu l-Arka taʼ Ġeħova u l-kaxxa li kien hemm magħha, li kien fiha l-oġġetti tad-deheb, u qegħduhom fuq il-ġebla l-kbira. L-irġiel taʼ Bet-xemex għamlu offerti tal-ħruq u dakinhar offrew sagrifiċċji lil Ġeħova. 16  Meta l-ħames mexxejja tal-Filistin rawha, marru lura lejn Għekron dakinhar stess. 17  Il-murliti tad-deheb li l-Filistin bagħtu bħala offerta għall-ħtija lil Ġeħova kienu dawn: waħda għal Asdod, waħda għal Gaża, waħda għal Askelon, waħda għal Gat, u waħda għal Għekron. 18  U l-ġrieden tad-deheb kienu skont l-ammont tal-bliet kollha tal-Filistin li kienu tal-ħames mexxejja, kemm il-bliet iffortifikati u kif ukoll l-irħula fil-kampanja. U l-ġebla l-kbira li fuqha tpoġġiet l-Arka taʼ Ġeħova hi xhieda sa dan il-jum fl-għalqa taʼ Ġożwè l-Bet-xemi. 19  Imma Alla qatel l-irġiel taʼ Bet-xemex, għaliex dawn kienu ħarsu lejn l-Arka taʼ Ġeħova. Hu qatel 50,070* minn fost il-poplu, u l-poplu kien imdejjaq ħafna għaliex Ġeħova kien qatel ħafna minnhom. 20  Għalhekk, l-irġiel taʼ Bet-xemex staqsew: “Min għandu l-ħila jieqaf quddiem Ġeħova, dan l-Alla qaddis? Għand min se jmur Alla meta jitlaqna?” 21  Allura bagħtu xi messaġġiera lin-nies taʼ Kirjat-ġegħarim, u qalulhom: “Il-Filistin bagħtu lura l-Arka taʼ Ġeħova. Inżlu u tellgħuha magħkom.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “twebbsu qalbkom.”
Jew “fil-pjanura l-baxxa.”
Letteralment “70 raġel, 50,000 raġel.”