L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 8:1-22
8 Meta Samwel xjaħ, hu għamel lit-tfal tiegħu mħallfin għal Iżrael.
2 L-ewwel tifel tiegħu kien jismu Ġoel u t-tieni Abija. Dawn kienu mħallfin f’Bir-xeba.
3 Imma t-tfal tiegħu ma mxewx fuq l-eżempju tiegħu. Huma pprovaw jakkwistaw il-flus b’mod diżonest, kienu jaċċettaw it-tixħim, u jgħawġu l-ġustizzja.
4 Maż-żmien, l-anzjani* kollha t’Iżrael inġabru flimkien u marru għand Samwel f’Rama.
5 Huma qalulu: “Ara, int xjaħt, imma t-tfal tiegħek mhux jimxu fuq l-eżempju tiegħek. Agħtina re biex jiġġudikana bħall-popli l-oħrajn kollha.”
6 Imma Samwel ma ħax pjaċir* meta qalu: “Agħtina re biex jiġġudikana.” Imbagħad hu talab lil Ġeħova,
7 u Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kulma jgħidulek; għax mhux lilek ċaħdu, imma lili ċaħdu milli mmexxi fuqhom.
8 Huma qed jagħmlu bħalma għamlu minn dakinhar li tellajthom mill-Eġittu sal-lum. Baqgħu jitilquni u jaqdu lil allat oħrajn, u hekk qed jagħmlu lilek.
9 Issa ismaʼ minnhom. Madankollu, għandek twissihom bis-serjetà; għidilhom dak li r-re se jkollu dritt jitlob minnhom.”
10 Għalhekk, Samwel qal il-kliem kollu taʼ Ġeħova lill-poplu li kien qed jitlob re mingħandu.
11 Hu qalilhom: “Ir-re li jmexxi fuqkom ikollu dritt li jitlob dan: Lis-subien tagħkom jiħodhom biex isuqu l-karrijiet tiegħu u biex jirkbu ż-żwiemel tiegħu, u xi wħud ikollhom jiġru quddiem il-karrijiet tiegħu.
12 Hu jinkariga għalih kapijiet fuq l-eluf u kapijiet fuq il-ħamsinijiet, u xi wħud jaħartulu, jaħsdulu, u jagħmlulu l-armi tal-gwerra u dak li hemm bżonn għall-karrijiet tiegħu.
13 Lill-bniet tagħkom jiħodhom biex jagħmlu l-fwieħa,* u biex ikunu koki u furnara.
14 Hu jiħdilkom l-aħjar għelieqi, dwieli, u siġar taż-żebbuġ, u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu.
15 Hu jieħu għaxra fil-100 miċ-ċereali* tal-għelieqi u mid-dwieli tagħkom, u jagħtih lill-uffiċjali tal-palazz u l-qaddejja tiegħu.
16 U jieħu l-qaddejja rġiel u nisa tagħkom, l-aqwa mrieħel tagħkom, u l-ħmir tagħkom, u jużahom għax-xogħol tiegħu.
17 Jieħu għaxra fil-100 mill-imrieħel tagħkom, u intom issiru l-qaddejja tiegħu.
18 Għad jiġi l-jum li tgergru minħabba r-re li għażiltu għalikom u titolbu lil Alla għall-għajnuna, imma Ġeħova ma jwiġibkomx.”
19 Madankollu, in-nies ma ridux jisimgħu minn Samwel. Huma qalu: “Le, aħna rridu re!
20 Imbagħad inkunu bħall-popli l-oħrajn kollha, u r-re tagħna jiġġudikana, imexxina, u jiġġieled il-battalji tagħna.”
21 Wara li Samwel semaʼ l-kliem kollu tal-poplu, reġaʼ qalu lil Ġeħova.
22 Ġeħova qal lil Samwel: “Ismaʼ minnhom, u agħtihom re.” Samwel imbagħad qal lill-irġiel t’Iżrael: “Kull wieħed minnkom għandu jmur lura lejn beltu.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “dan kien ħażin f’għajnejn Samwel.”
^ Jew “iħalltu l-ingwent.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.