L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 13:1-34
13 Kien hemm qaddej t’Alla li ħareġ minn Ġuda u mar Betel skont kif ikkmandah Ġeħova, waqt li Ġerobogħam kien ħdejn l-artal joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji.
2 Imbagħad bħalma kkmanda Ġeħova, ir-raġel għajjat kontra l-artal: “Artal, artal! Hekk jgħid Ġeħova, ‘Se jitwieled iben fid-dar taʼ David li jkun jismu Ġosija! Dan se jissagrifika fuqek lill-qassisin tal-postijiet għall-qima falza, li qed joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuqek, u jaħraq fuqek għadam tan-nies.’”
3 Dakinhar ta sinjal* u qal: “Dan hu s-sinjal* li Ġeħova ddikjara: L-artal se jinqasam, u l-irmied* li hemm fuqu jixxerred.”
4 Meta Ġerobogħam semaʼ dak li qal il-qaddej tal-Alla l-veru kontra l-artal f’Betel waqt li kien qed jagħmel offerti fuq l-artal, hu pponta subgħajh lejn ir-raġel u qal: “Aqbduh!” Minnufih idu pparalizzat,* u ma setax iċaqlaqha.
5 Imbagħad l-artal inqasam u l-irmied ixxerred minn fuqu, skont is-sinjal* li Ġeħova qal lill-qaddej tal-Alla l-veru.
6 Ir-re issa qal lill-qaddej tal-Alla l-veru: “Jekk jogħġbok, issupplika* għall-ħniena taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, u itlob għalija sabiex idi tfiq.” Għal dan, il-qaddej tal-Alla l-veru ssupplika għall-ħniena taʼ Ġeħova, u id ir-re fieqet.
7 Ir-re mbagħad qallu: “Ejja miegħi d-dar u kul xi ħaġa, u ħallini nagħtik rigal.”
8 Imma l-qaddej tal-Alla l-veru qal lir-re: “Lanqas jekk tagħtini nofs darek ma niġi miegħek u niekol il-ħobż u nixrob l-ilma f’dan il-post.
9 Għax hekk ikkmandani Ġeħova: ‘Tikolx ħobż u tixrobx ilma, u terġax lura mit-triq li għaddejt minnha.’”
10 Għalhekk telaq minn triq oħra, u ma reġax lura mit-triq li għadda biex imur Betel.
11 Kien hemm profeta mdaħħal fiż-żmien joqgħod Betel, u t-tfal tiegħu marru d-dar u rrakkontawlu kulma għamel dakinhar il-qaddej tal-Alla l-veru f’Betel u l-kliem li kien qal lir-re. Wara li rrakkontawlu dan,
12 hu staqsiehom: “Minn liema triq għadda?” U t-tfal tiegħu wrewh it-triq li qabad il-qaddej tal-Alla l-veru li kien ġie minn Ġuda.
13 Hu qal lit-tfal tiegħu: “Armawli l-ħmar.” Huma ramawlu l-ħmar, u hu rikeb fuqu.
14 Hu mar wara l-qaddej tal-Alla l-veru u sabu bilqiegħda taħt siġra kbira. Imbagħad qallu: “Int il-qaddej tal-Alla l-veru li ġie minn Ġuda?” Hu wieġbu: “Iva.”
15 Hu qallu: “Ejja miegħi d-dar u kul biċċa ħobż.”
16 Imma hu qal: “Ma nistax niġi lura miegħek jew naċċetta l-istedina tiegħek, u ma nistax niekol jew nixrob miegħek f’dan il-post.
17 Għax Ġeħova kkmandani, ‘Tikolx ħobż u tixrobx ilma hemmhekk. Terġax lura mit-triq li għaddejt minnha.’”
18 Għal dan qallu: “Jien ukoll profeta bħalek, u anġlu tani dan il-kmand mingħand Ġeħova, ‘Għidlu jiġi lura miegħek id-dar sabiex jiekol il-ħobż u jixrob l-ilma.’” (Hu qarraq bih.)
19 Għalhekk, mar lura miegħu d-dar sabiex jiekol u jixrob.
20 Waqt li kienu bilqiegħda mal-mejda, Ġeħova ta messaġġ lill-profeta mdaħħal fiż-żmien,
21 u dan għolla leħnu u qal lill-qaddej tal-Alla l-veru li kien ġie minn Ġuda, “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Talli rribellajt kontra l-kmand taʼ Ġeħova u m’obdejtx il-kmandament li tak Ġeħova l-Alla tiegħek,
22 imma mort lura sabiex tiekol il-ħobż u tixrob l-ilma fil-post li dwaru għedtlek: “Tikolx ħobż u tixrobx ilma,” il-katavru tiegħek ma jindifinx fil-qabar taʼ missirijietek.’”
23 Wara li l-qaddej tal-Alla l-veru kiel u xorob, il-profeta mdaħħal fiż-żmien ramalu l-ħmar.
24 Imbagħad telaq lejn triqtu, imma attakkah iljun fit-triq u qatlu. Il-katavru tiegħu kien mitfugħ fit-triq, u l-ħmar u l-iljun qagħdu ħdejh.
25 Għaddew xi nies minn hemm u raw il-katavru mitfugħ fit-triq u l-iljun ħdejh. Imbagħad daħlu fil-belt fejn kien jgħix il-profeta mdaħħal fiż-żmien u rrakkontaw dak li raw.
26 Meta l-profeta mdaħħal fiż-żmien semaʼ dwar dan, hu mill-ewwel qal: “Dak huwa l-qaddej tal-Alla l-veru li rribella kontra l-kmand taʼ Ġeħova; għalhekk Ġeħova tah lill-iljun sabiex iqattgħu u joqtlu, bħalma qallu Ġeħova.”
27 Imbagħad qal lit-tfal tiegħu: “Armawli l-ħmar.” U hekk għamlu.
28 Hu telaq għal triqtu u sab il-katavru mitfugħ fit-triq bil-ħmar u l-iljun ħdejh. L-iljun ma kielx il-katavru u lanqas qattaʼ l-ħmar.
29 Il-profeta refaʼ l-katavru tal-qaddej tal-Alla l-veru, qiegħdu fuq il-ħmar, u ħadu lura f’beltu biex jibkih u jidfnu.
30 Għalhekk, qiegħed il-katavru fil-qabar tiegħu stess, u qagħdu jibkuh u jgħidu: “Jaħasra ħija!”
31 Wara li difnu, hu qal lit-tfal tiegħu: “Meta mmut, idfnuni fejn hu midfun il-qaddej tal-Alla l-veru. Għadmi qegħduh ħdejn għadmu.
32 Għax żgur li se jseħħ il-messaġġ mingħand Ġeħova li hu għajjat kontra l-artal li hemm f’Betel u kontra d-djar għall-qima tal-allat fil-postijiet fl-għoli li qegħdin fil-bliet tas-Samarija.”
33 Anki wara li ġara dan, Ġerobogħam baqaʼ jagħmel dak li hu ħażin u jinkariga qassisin għall-postijiet għall-qima falza minn fost il-poplu kollu. U lil kull min kien jixtieq, kien jinkarigah bħala qassis* u jgħid: “Ħa jsir wieħed mill-qassisin tal-postijiet għall-qima.”
34 Dan id-dnub taʼ dar Ġerobogħam wassal biex daru tinqered għalkollox minn fuq wiċċ l-art.
Noti taʼ taħt
^ Jew “sinjal tal-għaġeb.”
^ Jew “is-sinjal tal-għaġeb.”
^ Jew “irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
^ Letteralment “nixfet.”
^ Jew “is-sinjal tal-għaġeb.”
^ Jiġifieri itlob bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “jimlielu idu.”