L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 20:1-43

  • Is-Sirjani jagħmlu gwerra kontra Aħab (1-12)

  • Aħab jirbaħ lis-Sirjani (13-34)

  • Profezija kontra Aħab (35-43)

20  Issa r-Re Ben-ħadad tas-Sirja ġabar l-armata kollha tiegħu kif ukoll 32 re u ż-żwiemel u l-karrijiet tagħhom. Hu telaʼ u assedja l-belt tas-Samarija u ġġieled kontriha.  Wara bagħat messaġġiera fil-belt għand ir-Re Aħab t’Iżrael u qallu: “Hekk jgħid Ben-ħadad,  ‘Il-fidda u d-deheb tiegħek huma tiegħi, u anki l-isbaħ nisa u tfal tiegħek.’”  Għal dan ir-re t’Iżrael wieġeb: “Kif tgħid int, sidi r-re; jien tiegħek flimkien maʼ dak kollu li għandi.”  Iktar tard il-messaġġiera reġgħu marru għandu u qalu: “Hekk jgħid Ben-ħadad, ‘Jien bgħatt dan il-messaġġ: “Int se tagħtini l-fidda, id-deheb, in-nisa, u t-tfal tiegħek.”  Imma għada madwar dan il-ħin jien se nibgħat il-qaddejja tiegħi għandek, u huma jfittxu sew fid-dar tiegħek u fid-djar tal-qaddejja tiegħek u jaħtfu u jieħdu dak kollu li hu prezzjuż għalik.’”  Għalhekk, ir-re t’Iżrael għajjat lill-anzjani* kollha tal-pajjiż u qalilhom: “Jekk jogħġobkom, kunu afu li dan ir-raġel irid jaqlaʼ l-inkwiet, għax hu diġà talabni n-nisa, it-tfal, il-fidda, u d-deheb tiegħi, u jien aċċettajt.”  Imbagħad l-anzjani kollha u l-poplu kollu qalulu: “Tobdihx, u taċċettax.”  Għalhekk, lill-messaġġiera taʼ Ben-ħadad qalilhom: “Għidu lil sidi r-re, ‘Dak kollu li tlabtni l-ewwel darba se nagħmlu, imma dan ma nistax nagħmlu.’” U l-messaġġiera marru u wasslulu r-risposta. 10  Issa Ben-ħadad bagħatlu dan il-messaġġ: “Jalla l-allat jikkastigawni bl-aħrax jekk ma neqridx is-Samarija u jekk ikun fadal biżżejjed trab biex nagħti ponn lil kull suldat mill-armata kbira tiegħi!” 11  Ir-re t’Iżrael wieġeb: “Għidulu, ‘Toqgħodx tiftaħar qabel ma tibda l-gwerra bħallikieku diġà rbaħtha.’” 12  Meta semaʼ din it-tweġiba, Ben-ħadad u r-rejiet kienu qed jixorbu fit-tined* tagħhom. Minnufih hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Kunu lesti biex tattakkaw!” Għalhekk, lestew ruħhom biex jattakkaw il-belt. 13  Imma profeta mar ħdejn ir-Re Aħab t’Iżrael u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Rajtha din l-armata kbira? Jien illum se nagħtiha f’idejk, u mbagħad int tkun taf li jien Ġeħova.’” 14  Aħab staqsa: “Permezz taʼ min se jagħmel dan?” Wieġbu: “Hekk qal Ġeħova, ‘Permezz tal-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi tal-artijiet.’”* Allura staqsa: “Min se jibda l-battalja?” Hu wieġbu: “Int!” 15  Imbagħad Aħab għadd il-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi tal-artijiet, u kienu 232. Wara għadd is-suldati Iżraelin kollha, u kienu 7,000. 16  Huma ħarġu f’nofsinhar meta Ben-ħadad kien qed jixrob u jisker fit-tined* mat-32 re li kienu qed jgħinuh. 17  Meta l-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi ħarġu mill-belt, Ben-ħadad bagħat xi nies jaraw x’inhu jiġri. Huma qalulu: “Ħarġu xi rġiel mis-Samarija.” 18  U qalilhom: “Aqbduhom ħajjin, kemm jekk ħarġu għall-paċi u kemm jekk għall-battalja.” 19  Imma meta l-qaddejja żgħażagħ tal-gvernaturi u l-armati li kienu warajhom ħarġu mill-belt, 20  huma qatlu lill-għedewwa tagħhom. Imbagħad is-Sirjani ħarbu u l-Iżraelin ġrew warajhom. Imma r-Re Ben-ħadad tas-Sirja ħarab fuq żiemel flimkien maʼ xi rikkieba taż-żwiemel. 21  U r-re t’Iżrael ħareġ u baqaʼ jegħleb l-għedewwa li kienu fuq iż-żwiemel u l-karrijiet, u ġab telfa* kbira fuq is-Sirjani. 22  Iktar tard, il-profeta mar ħdejn ir-re t’Iżrael u qallu: “Mur, saħħaħ id-difiża tiegħek, u kkunsidra x’għandek tagħmel, għax fil-bidu tas-sena d-dieħla* r-re tas-Sirja jerġaʼ jitlaʼ kontrik.” 23  Il-qaddejja tar-re tas-Sirja qalulu: “L-Alla tagħhom hu l-Alla tal-muntanji. Għalhekk rebħulna. Imma jekk niġġieldu magħhom fuq art ċatta, nirbħu aħna. 24  Ukoll, neħħi r-rejiet u qiegħed gvernaturi minflokhom. 25  Imbagħad iġbor* armata daqs l-armata li kellek, bl-istess ammont taʼ żwiemel u karrijiet tal-gwerra. Ejja niġġildulhom fuq art ċatta u żgur nirbħulhom.” Hu semaʼ mill-parir li tawh. 26  Fil-bidu tas-sena,* Ben-ħadad ġabar is-Sirjani u telaʼ Afek biex jiġġieled kontra Iżrael. 27  Anki l-Iżraelin inġabru u ħadu provvisti tal-ikel, u ħarġu jiġġieldu kontrihom. Meta l-Iżraelin ikkampjaw quddiemhom, kienu bħal żewġ imrieħel żgħar tal-mogħoż, waqt li s-Sirjani mlew l-art kollha. 28  Imbagħad il-qaddej tal-Alla l-veru mar ħdejn ir-re t’Iżrael u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Talli s-Sirjani qalu: “Ġeħova hu l-Alla tal-muntanji, u mhuwiex l-Alla tal-pjanuri,” se nagħti din l-armata kbira f’idejk, u intom żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova.’” 29  Huma baqgħu kkampjati faċċata taʼ xulxin għal sebat ijiem, u fis-sebaʼ jum bdiet il-battalja. L-Iżraelin għelbu* 100,000 suldat Sirjan f’jum wieħed. 30  U l-kumplament ħarbu lejn Afek, fil-belt. Imma s-sur waqaʼ fuq is-27,000 raġel li kien baqaʼ. Ben-ħadad ħarab ukoll, daħal fil-belt, u staħba f’kamra taʼ ġewwa taʼ dar. 31  Għalhekk, il-qaddejja tiegħu qalulu: “Aħna smajna li r-rejiet taʼ dar Iżrael juru ħniena.* Jekk jogħġbok, ħallina nilbsu l-ixkora maʼ ġenbejna u nagħmlu l-ħbula maʼ rasna u mmorru għand ir-re t’Iżrael, forsi ma joqtlokx.” 32  Għalhekk, libsu l-ixkora maʼ ġenbejhom u għamlu l-ħbula maʼ rashom. Imbagħad daħlu għand ir-re t’Iżrael u qalulu: “Il-qaddej tiegħek Ben-ħadad jgħid, ‘Jekk jogħġbok toqtolnix.’” Wiġibhom: “Għadu ħaj? Dak ħija.” 33  L-irġiel ħadu dan bħala sinjal tajjeb u ħatfuh fil-kelma u qalulu: “Ben-ħadad huwa ħuk.” U qalilhom: “Morru ġibuh.” Imbagħad Ben-ħadad mar għandu, u Aħab tellgħu fuq il-karru tiegħu. 34  Imbagħad Ben-ħadad qallu: “Il-bliet li ħa missieri mingħand missierek nagħtihomlok lura, u agħżel it-toroq li trid f’Damasku biex tinnegozja fihom, bħalma għamel missieri fis-Samarija.” Aħab wieġbu: “B’dan il-ftehim* inħallik tmur.” Għaldaqstant għamel ftehim miegħu u ħallieh imur. 35  Bħalma kkmandah Ġeħova, wieħed mit-tfal tal-profeti* qal lil dak li kien miegħu: “Sawwatni jekk jogħġbok.” Imma r-raġel ma riedx. 36  Għalhekk hu qallu: “Talli ma smajtx minn leħen Ġeħova, malli titlaq minn ħdejja se joqtlok iljun.” Wara li telaq minn ħdejh, sabu ljun u qatlu. 37  Hu sab raġel ieħor u qallu: “Sawwatni jekk jogħġbok.” Għalhekk, ir-raġel sawtu u weġġgħu serjament. 38  Imbagħad il-profeta telaq u qagħad jistenna lir-re fit-triq, u għamel faxxa fuq għajnejh biex ma jintgħarafx. 39  Meta r-re kien għaddej minn hemm, hu għajjat lir-re u qallu: “Jien, il-qaddej tiegħek, ħriġt fl-eqqel tal-battalja, u wieħed mis-suldati ġabli raġel u qalli, ‘Oqgħod għassa miegħu. Jekk jaħrab, ikollok tħallas b’ħajtek stess, inkella jkollok tħallas talent* fidda.’ 40  U waqt li jien kont imħabbat, dak ħarab.” Għal dan, ir-re t’Iżrael qallu: “Dak hu l-kastig tiegħek. Int stess għedt hekk.” 41  Imbagħad neħħa l-faxxa malajr minn fuq għajnejh, u r-re t’Iżrael induna li kien wieħed mill-profeti. 42  Hu qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Talli tlaqt minn taħt idejk ir-raġel li jien għedt li għandu jinqered, ħajtek trid tħallas għal ħajtu, u l-ħajja tal-poplu tiegħek għall-poplu tiegħu.’” 43  Imbagħad ir-re t’Iżrael telaq lejn il-palazz tiegħu fis-Samarija bin-nervi u mdejjaq.

Noti taʼ taħt

Jew “fl-għerejjex.”
Letteralment “fil-provinċji.”
Jew “fl-għerejjex.”
Jew “qatla.”
Jiġifieri fir-rebbiegħa li ġejja.
Letteralment “għodd.”
Jiġifieri fir-rebbiegħa.
Jew “qatlu.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-patt.”
Milli jidher “tfal tal-profeti” tirreferi għal grupp taʼ profeti li rċivew tagħlim speċjali flimkien jew li qdew flimkien.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.