L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 6:1-38

  • Salamun jibni t-tempju (1-38)

    • Il-kamra taʼ ġewwa nett (19-22)

    • Il-kerubini (23-28)

    • It-tinqix, il-bibien, u l-bitħa taʼ ġewwa (29-36)

    • Jitlesta t-tempju f’madwar sebaʼ snin (37, 38)

6  Salamun beda jibni d-dar taʼ Ġeħova* erbaʼ snin wara li sar re fuq l-Iżraelin,* fix-xahar taʼ Żiw,* jiġifieri t-tieni xahar. Dan kien 480 sena wara li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu.  Id-dar li r-Re Salamun bena għal Ġeħova kienet twila 60 kubitu,* wiesgħa 20 kubitu, u għolja 30 kubitu.  L-intrata quddiem it-tempju* kienet twila* 20 kubitu, daqs il-wisaʼ tad-dar.* Il-fond tagħha kien għaxar kubiti mill-faċċata tad-dar.  Għad-dar, hu għamel twieqi b’fetħa li tidjieq.  Iżjed minn hekk, tellaʼ bini mal-ġenb tal-ħajt tad-dar. Dan kien madwar il-ħitan tad-dar, tat-tempju,* u tal-kamra taʼ ġewwa nett. U hu għamel kmamar fil-ġnub mad-dawra kollha.  L-ewwel sular tal-kmamar tal-ġenb kien wiesaʼ ħames kubiti, it-tieni sular kien wiesaʼ sitt kubiti, u t-tielet sular kien wiesaʼ sebaʼ kubiti. Hu għamel il-ħitan mad-dawra kollha tad-dar b’tali mod li t-travi kellhom fejn iserrħu mingħajr ma jkollhom għalfejn iħaffru l-ħitan.  Id-dar inbniet bil-ġebel tal-barriera li kien diġà ġie ppreparat sabiex ma jinstemaʼ l-ebda ħoss taʼ martell, mannara, jew għodda tal-ħadid fid-dar waqt li kienet qed tinbena.  Id-daħla għall-kamra tal-ġenb t’isfel kienet fuq il-lemin tad-dar, u kellha garigor li jwassal għat-tieni u t-tielet sular.  Hu kompla jibni d-dar u lestieha, u saqqafha bit-travi u b’ringieli tat-twavel taċ-ċedru. 10  Il-kmamar tal-ġenb li bena madwar id-dar kollha kienu għoljin ħames kubiti u kienu mqabbdin mad-dar bl-injam taċ-ċedru. 11  Sadanittant, Ġeħova qal lil Salamun: 12  “Jekk timxi mal-liġijiet tiegħi, tagħmel skont il-ġudizzji tiegħi, u tobdi l-kmandamenti kollha tiegħi u tgħix fi qbil magħhom, jien ukoll nagħmel dak li wegħedt lil missierek David rigward id-dar li qed tibni. 13  U ngħix fost l-Iżraelin, u ma nitlaqx lill-poplu tiegħi Iżrael.” 14  Salamun kompla jibni d-dar u lestieha. 15  Hu kesa n-naħa taʼ ġewwa tal-ħitan tad-dar bi twavel taċ-ċedru mill-art sat-travi tas-saqaf, u kesa l-art bi twavel tal-ġnibru. 16  Hu pprepara parti t’20 kubitu fuq in-naħa taʼ wara tad-dar għall-kamra taʼ ġewwa nett u ksieha bi twavel taċ-ċedru mill-art sas-saqaf. Din il-kamra kienet l-Iktar Qaddis. 17  Fil-parti taʼ quddiem tad-dar hemm il-Qaddis, kamra t’40 kubitu. 18  L-injam taċ-ċedru fin-naħa taʼ ġewwa tad-dar kellu mnaqqax fuqu frott tond żgħir u fjuri qed jiftħu. Il-ġebel ma kienx jidher għax kien miksi kollu bl-injam taċ-ċedru. 19  U pprepara l-kamra taʼ ġewwa nett fid-dar biex iqiegħed l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. 20  Il-kamra taʼ ġewwa nett kienet twila 20 kubitu, wiesgħa 20 kubitu, u għolja 20 kubitu. Hu ksieha bid-deheb pur, u l-artal ksieh bl-injam taċ-ċedru. 21  Salamun kesa d-dar minn ġewwa bid-deheb pur, u għamel ktajjen tad-deheb imdendlin quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett li kienet miksija bid-deheb. 22  Hu kesa d-dar kollha kemm hi bid-deheb, kif ukoll l-artal kollu li kien viċin il-kamra taʼ ġewwa nett. 23  Fil-kamra taʼ ġewwa nett għamel żewġ kerubini mill-injam tal-arżnu,* kull wieħed għoli għaxar kubiti. 24  Kull ġewnaħ tal-kerubin kien ħames kubiti. Mit-tarf taʼ ġewnaħ sat-tarf tal-ġewnaħ l-ieħor kien hemm għaxar kubiti. 25  Anki t-tieni kerubin kien għaxar kubiti. Iż-żewġ kerubini kienu tal-istess daqs u forma. 26  L-għoli taʼ kerubin wieħed kien għaxar kubiti, u hekk ukoll kien l-ieħor. 27  Imbagħad poġġa l-kerubini fil-kamra taʼ ġewwa nett.* Il-ġwienaħ tagħhom kienu miftuħin. B’hekk, il-ġewnaħ taʼ wieħed kien jasal sal-ħajt u l-ġewnaħ tal-ieħor kien jasal sal-ħajt l-ieħor, u ġwinħajhom l-oħra kienu lejn nofs id-dar, imissu maʼ xulxin. 28  Hu kesa l-kerubini bid-deheb. 29  Hu naqqax kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu fuq il-ħitan kollha tal-kamra taʼ ġewwa u taʼ barra tad-dar. 30  U l-art tal-kamra taʼ ġewwa nett u taʼ barra tad-dar ksieha bid-deheb. 31  Għad-daħla tal-kamra taʼ ġewwa nett għamel bibien mill-injam tal-arżnu, pilastri tal-ġnub, u koxox tal-bibien, bħala l-ħames parti.* 32  Iż-żewġ bibien kienu mill-injam tal-arżnu, u naqqax fihom kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu, u ksiehom bid-deheb; u xerred id-deheb fuq il-kerubini u s-siġar tal-palm minquxin. 33  U l-koxox tal-bieb mill-injam tal-arżnu għad-daħla tat-tempju,* ir-rabaʼ parti,* għamilhom bl-istess mod. 34  Hu għamel żewġ bibien tal-injam tal-ġnibru. Kull bieb kellu żewġ bibien jintlewew fi tnejn. 35  Hu naqqax kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu, u ksiehom bil-folji tad-deheb. 36  Hu bena l-ħajt tal-bitħa taʼ ġewwa bi tliet filati ġebel maqtugħ bl-għodda u filata travi taċ-ċedru. 37  Fir-rabaʼ sena, fix-xahar taʼ Żiw,* il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova kien lest. 38  U fil-11-il sena, fix-xahar taʼ Bul,* jiġifieri t-tmien xahar, id-dar tlestiet bid-dettalji kollha tagħha u skont il-pjanta. Salamun dam jibniha sebaʼ snin.

Noti taʼ taħt

Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Letteralment “it-tempju tad-dar.”
Jew “wiesgħa.”
Jew “20 kubitu tul il-wisaʼ tad-dar.”
Hawn qed jirreferi għall-Qaddis.
Letteralment “injam taż-żejt,” forsi Żnuber.
Jiġifieri l-Iktar Qaddis.
Jistaʼ jkun qed tirreferi għall-bini tal-koxox tal-bibien jew għad-daqs tal-bibien.
Hawn qed jirreferi għall-Qaddis.
Jistaʼ jkun qed tirreferi għall-bini tal-koxox tal-bibien jew għad-daqs tal-bibien.