It-Tieni Ittra lill-Korintin 3:1-18
3 Għandna għalfejn nerġgħu nintroduċu lilna nfusna? Jew, bħal xi nies oħrajn, għandna bżonn ittri taʼ rakkomandazzjoni* għalikom jew mingħandkom?
2 Intom stess l-ittra tagħna, miktuba f’qalbna. Din hi magħrufa u tinqara mill-bnedmin kollha.
3 Għax jidher ċar li intom ittra taʼ Kristu miktuba mingħandna bħala l-qaddejja t’Alla. Aħna ma ktibnihiex bil-linka imma bl-ispirtu tal-Alla l-ħaj, u mhux fuq twavel tal-ġebel imma fuq il-qlub.*
4 Permezz tal-Kristu, aħna għandna fiduċja li sirna qaddejja kkwalifikati quddiem Alla.
5 Mhux qed ngħidu li aħna kkwalifikati bis-saħħa tagħna stess, imma hu Alla li jikkwalifikana għal dan ix-xogħol.
6 Hu l-wieħed li jikkwalifikana bħala qaddejja taʼ patt ġdid, mhux qaddejja taʼ Liġi miktuba, imma tal-ispirtu; għax il-Liġi miktuba tikkundanna għall-mewt, imma l-ispirtu jagħti l-ħajja.
7 Barra minn hekk, il-Liġi li ġġib il-mewt u li tnaqqxet fil-ġebel ingħatat bi glorja kbira, tant li l-Iżraelin ma setgħux iħarsu lejn wiċċ Mosè minħabba r-raġġi tal-glorja taʼ wiċċu, glorja li kienet se tispiċċa.
8 Allura m’għandux l-ispirtu jingħata b’iktar glorja?
9 Għax jekk il-Liġi li tikkundanna n-nies għall-mewt għandha l-glorja, kemm iktar għandu glorja x-xogħol li jwassal għall-ġustizzja!
10 Fil-fatt, anki dak li darba kellu l-glorja tneżżaʼ mill-glorja minħabba xi ħaġa li għandha iktar glorja.
11 Għax jekk dak li kellu jispiċċa ngħata bi glorja, il-glorja taʼ dak li jibqaʼ hi ħafna ikbar!
12 Peress li għandna tama bħal din, qed nitkellmu bil-libertà kollha.
13 M’aħniex nagħmlu bħal Mosè, li poġġa velu fuq wiċċu biex l-Iżraelin ma jħarsux lejn il-glorja tal-Liġi li kellha tispiċċa.
14 Imma huma ma setgħux jifhmu. Għax sal-lum moħħhom għadu mgħotti bħallikieku b’velu meta jinqara l-patt il-qadim. Dan il-velu jistaʼ jitneħħa biss permezz taʼ Kristu.
15 Fil-fatt, qalbhom għadha mgħottija b’velu sal-lum, u b’hekk ma jifhmux meta jinqara dak li kiteb Mosè.
16 Imma meta xi ħadd idur lejn Ġeħova,* il-velu jitneħħa.
17 Issa Ġeħova* hu Persuna Spirtu, u min għandu l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova,* għandu l-libertà.
18 Ilkoll kemm aħna, li wiċċna m’għadux mgħotti b’velu, nirriflettu bħall-mirja l-glorja taʼ Ġeħova.* Aħna qed ninbidlu biex insiru bħalu u biex nirriflettu iktar u iktar il-glorja tiegħu, eżatt bħalma jrid hu, Ġeħova* l-Persuna Spirtu.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “li jitkellmu tajjeb dwarna.”
^ Letteralment “fuq twavel tal-laħam, fil-qlub.”
^ Jew forsi “bħalma jrid l-ispirtu ta’ Ġeħova.”