It-Tieni Kronaki 17:1-19

  • Ġeħosafat, re taʼ Ġuda (1-6)

  • Kampanja taʼ tagħlim (7-9)

  • Il-qawwa militari taʼ Ġeħosafat (10-19)

17  U ibnu Ġeħosafat sar re minfloku u saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fuq Iżrael.  Hu qiegħed qawwiet militari fil-bliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda u qiegħed gruppi taʼ suldati fl-art taʼ Ġuda u fil-bliet t’Efrajm li missieru Asa kien ħa taħt idejh.  Ġeħova kompla jkun maʼ Ġeħosafat, għaliex dan għamel bħall-antenat tiegħu David u ma fittixx lill-Bagħalim.  Hu fittex lill-Alla taʼ missieru u għex fi qbil* mal-kmandamenti tiegħu u mhux skont id-drawwiet t’Iżrael.  Ġeħova baqaʼ jsaħħaħlu s-saltna. Ġuda kollu baqaʼ jagħti r-rigali lil Ġeħosafat, u hu kellu ħafna ġid u glorja.  Hu sar kuraġġuż u mexa fit-triqat taʼ Ġeħova, u saħansitra neħħa l-postijiet għall-qima u l-arbli sagri* minn Ġuda.  Fit-tielet sena tat-tmexxija tiegħu, hu bagħat għall-uffiċjali tiegħu Ben-ħajl, Għobadija, Żakkarija, Netanel, u Mikaja, biex jgħallmu fil-bliet taʼ Ġuda.  Magħhom kien hemm il-Leviti: Semajja, Netanija, Żebadija, Għasael, Semiramot, Ġeħonatan, Adonija, Tobijah, u Tob-adonija, flimkien mal-qassisin Elisama u Ġeħoram.  Huma daru l-bliet kollha taʼ Ġuda jgħallmu fost il-poplu bil-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova. 10  U Ġeħova ġiegħel lis-saltniet kollha tal-artijiet taʼ madwar Ġuda jibżgħu minnu, għalhekk ma ġġildux kontra Ġeħosafat. 11  Il-Filistin taw rigali u flus lil Ġeħosafat bħala taxxa. L-Għarab tawh 7,700 muntun u 7,700 bodbod mill-imrieħel tagħhom. 12  Ġeħosafat kompla jissaħħaħ, u baqaʼ jibni postijiet iffortifikati u bliet għall-imħażen f’Ġuda. 13  Hu għamel proġetti kbar fil-bliet taʼ Ġuda, u f’Ġerusalemm kellu gwerriera b’saħħithom. 14  Dawn kienu fi gruppi skont dar missirijiethom. Minn Ġuda kien hemm il-kapijiet tal-eluf, l-ewwel wieħed kien Għadnah u 300,000 gwerrier b’saħħtu miegħu. 15  U taħt id-direzzjoni t’Għadnah kien hemm il-kap Ġeħoħanan u 280,000 miegħu, 16  u kif ukoll Amasija bin Żikri, li offra biex jaqdi fis-servizz taʼ Ġeħova, u 200,000 gwerrier b’saħħtu miegħu. 17  Minn Benjamin kien hemm Eljada, gwerrier b’saħħtu. U miegħu kien hemm 200,000 raġel armat bil-qaws u bit-tarka. 18  Taħt id-direzzjoni t’Eljada kien hemm Ġeħożabad. U miegħu kien hemm 180,000 raġel armat għall-gwerra. 19  Dawn kienu jaqdu lir-re apparti dawk li r-re poġġa fil-bliet iffortifikati f’Ġuda kollu.

Noti taʼ taħt

Letteralment “mexa.”