It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 10:1-19

  • Ir-rebħiet fuq Għammon u s-Sirja (1-19)

10  Iktar tard, ir-re tal-Għammonin miet, u ibnu Ħanun sar re minfloku.  U David qal: “Jien se nuri mħabba u lealtà* maʼ Ħanun bin Naħas, bħalma wera missieru miegħi.” Għalhekk, David bagħat il-qaddejja tiegħu fl-art tal-Għammonin biex ifarrġuh minħabba li miet missieru. Imma meta l-qaddejja taʼ David daħlu fl-art,  il-kapijiet tal-Għammonin qalu lil sidhom Ħanun: “Taħseb li David bagħathom biex jonora lil missierek? Hu bagħathom biex jara x’fiha l-belt u jitkixxef dwarha ħalli jirbaħha.”  Għalhekk, Ħanun qabad il-qaddejja taʼ David, qaxxrilhom nofs id-daqna, qattgħalhom ilbieshom minn qaddhom ’l isfel, u bagħathom.  Meta David semaʼ b’dan, minnufih bagħat xi rġiel biex jiltaqgħu magħhom, għaliex ġew umiljati ħafna. Ir-re qalilhom: “Oqogħdu f’Ġeriko sakemm tikbrilkom id-daqna, imbagħad erġgħu lura.”  Maż-żmien, l-Għammonin raw li David kien sar jobgħodhom, għalhekk krew 20,000 suldat Sirjan taʼ Bet-reħob u Soba, lir-re taʼ Magħka b’1,000 raġel miegħu, u lil 12,000 raġel minn Istob.*  Meta David semaʼ b’dan, bagħat lil Ġowab u l-armata kollha, inkluż l-aqwa gwerriera tiegħu.  U l-Għammonin ħarġu u tqassmu għall-battalja fid-daħla taʼ bieb il-belt, waqt li s-Sirjani taʼ Soba u taʼ Reħob, u Istob* u Magħka kienu għalihom waħedhom fil-kampanja.  Meta Ġowab ra li l-għedewwa kienu sejrin kontrih minn quddiem u minn wara, hu għażel xi wħud mill-aqwa suldati t’Iżrael u qassamhom għall-battalja biex jiltaqgħu mas-Sirjani. 10  Il-bqija tas-suldati ħalliehom f’idejn ħuh Abisaj, sabiex iqassamhom għall-battalja u jiltaqgħu mal-Għammonin. 11  Imbagħad qallu: “Jekk is-Sirjani jkunu b’saħħithom wisq għalija, int trid tiġi tgħinni; imma jekk l-Għammonin ikunu b’saħħithom wisq għalik, niġi jien ngħinek. 12  Ejja nkunu sodi u kuraġġużi għall-poplu tagħna u għall-bliet tal-Alla tagħna, imbagħad Ġeħova jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh.” 13  Imbagħad Ġowab u l-irġiel tiegħu resqu lejn is-Sirjani għall-battalja, u dawn ħarbu minn quddiemhom. 14  Meta l-Għammonin raw li s-Sirjani kienu ħarbu, huma ħarbu minn Abisaj u daħlu fil-belt. Imbagħad Ġowab telaq minn ħdejn l-Għammonin u wasal Ġerusalemm. 15  Meta s-Sirjani raw li Iżrael kien rebħilhom, reġgħu nġabru flimkien. 16  Għalhekk, Ħadadgħeżer bagħat għas-Sirjani fir-reġjun tax-Xmara,* u mbagħad waslu Ħelam. Sobak il-kap tal-armata taʼ Ħadadgħeżer kien qed imexxihom. 17  Meta lil David waslitlu l-aħbar, hu minnufih ġabar lil Iżrael kollu, qasam il-Ġordan, u wasal Ħelam. Imbagħad is-Sirjani tqassmu għall-battalja biex jiltaqgħu maʼ David u ġġieldu kontrih. 18  Imma s-Sirjani ħarbu mill-Iżraelin. Mis-Sirjani, David qatel 700 sewwieq tal-karrijiet u 40,000 rikkieb taż-żwiemel, u qatel lil Sobak il-kap tal-armata tagħhom. 19  Meta r-rejiet kollha li kienu taħt it-tmexxija taʼ Ħadadgħeżer raw li Iżrael rebħilhom, huma mill-ewwel għamlu paċi mal-Iżraelin u bdew jagħmlu dak li jgħidulhom. Is-Sirjani beżgħu jerġgħu jgħinu l-Għammonin.

Noti taʼ taħt

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “raġel taʼ Tob.”
Jew “l-irġiel taʼ Tob.”
Jiġifieri l-Ewfrat.