It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 16:1-23

  • Siba jimmalafama lil Mefiboset (1-4)

  • Simgħi jisħet lil David (5-14)

  • Absalom jilqaʼ lil Ħusaj (15-19)

  • Il-parir t’Aħitofel (20-23)

16  Meta David kien għadda ftit ’l hemm mill-quċċata tal-muntanja, kien hemm Siba l-qaddej taʼ Mefiboset biex jiltaqaʼ miegħu b’żewġt iħmir, u fuqhom kien hemm 200 ħobża, 100 ċappa żbib, 100 ċappa frott tas-sajf,* u ġarra kbira nbid.  Imbagħad ir-re qal lil Siba: “Għala ġibt dawn l-affarijiet?” Siba wieġbu: “Re, il-ħmir huma biex jirkbu fuqhom in-nies taʼ darek, il-ħobż u l-frott tas-sajf biex jikluhom iż-żgħażagħ, u l-inbid biex jixorbuh dawk li jkunu għajjenin fid-deżert.”  Ir-re issa qallu: “Fejn hu Mefiboset in-neputi taʼ* sidek?” Siba wieġbu: “Hu qiegħed f’Ġerusalemm, għax qal li llum l-Iżraelin se jagħmluh re bħal nannuh.’”  Imbagħad ir-re qal lil Siba: “Kulma għandu Mefiboset hu tiegħek.” Siba wieġbu: “Ħallini mmil quddiemek. Jalla nsib il-ħniena f’għajnejk, sidi r-re.”  Meta r-Re David wasal Baħurim, Simgħi bin Gera, mill-familja taʼ dar Sawl, ħareġ u beda jisħtu waqt li jersaq lejh.  Hu beda jwaddab il-ġebel lir-Re David, lill-qaddejja kollha tiegħu, u lin-nies u l-irġiel setgħanin kollha li kienu fuq il-lemin u x-xellug tiegħu.  Waqt li seħtu qal: “Itlaq ’l hemm, itlaq ’l hemm, ja bniedem ħati taʼ qtil!* Int m’int tajjeb għal xejn!  Ġeħova pattihielek talli qtilt lil dawk taʼ dar Sawl, u mexxejt minfloku. Għalhekk Ġeħova ta s-saltna lil ibnek Absalom. Dan il-gwaj ġie fuqek għax int qattiel!”  Imbagħad Abisaj bin Seruja qal lir-re: “Dan il-kelb mejjet għala għandu jisħtek, sidi r-re? Jekk jogħġbok, ħallini mmur naqtagħlu rasu barra.” 10  Imma r-re qallu: “Għala għandkom tinvolvu ruħkom f’dan, tfal taʼ Seruja? Ħallih jisħet. Jekk Ġeħova qallu jisħitni, min għandu d-dritt jistaqsi għala qed jagħmel hekk?” 11  Imbagħad David qal lil Abisaj u lill-qaddejja kollha tiegħu: “Ibni stess, li hu demmi, qed jipprova joqtolni, mela kemm iktar dan il-Benjamini! Ħalluh jisħet, għax Ġeħova hekk qallu! 12  Forsi Ġeħova jara t-tbatija tiegħi, u Ġeħova jagħtini barkiet minflok is-saħtiet li qaluli llum.” 13  U David u l-irġiel tiegħu baqgħu sejrin fit-triq, waqt li Simgħi kien miexi mal-ġenb tal-muntanja bi drittu, jisħtu u jwaddab il-ġebel u ħafna trab. 14  Sa fl-aħħar, ir-re u n-nies kollha li kienu miegħu waslu fejn riedu jmorru. Huma kienu għajjenin u straħu. 15  Sadanittant, Absalom u l-irġiel kollha t’Iżrael waslu Ġerusalemm, u Aħitofel kien miegħu. 16  Meta Ħusaj l-Arki, il-ħabib taʼ* David, mar għand Absalom, Ħusaj qallu: “Ħa tkun imbierek re! Ħa tkun imbierek re!” 17  U Absalom qallu: “Din hi l-lealtà* li għandek lejn sieħbek? Għala ma mortx maʼ sieħbek?” 18  Għalhekk, Ħusaj qal lil Absalom: “Le, jien nappoġġa lil dak li ġie magħżul minn Ġeħova, minn dan il-poplu, u mill-irġiel kollha t’Iżrael. Miegħu noqgħod. 19  U nerġaʼ ngħid, Lil min għandi naqdi? Mhux lil ibnu? Bħalma qdejt lil missierek, se naqdi lilek.” 20  Absalom imbagħad qal lil Aħitofel: “Agħtini parir. X’għandna nagħmlu?” 21  U Aħitofel qallu: “Ħa jkollok x’taqsam mal-konkubini taʼ missierek li ħalla warajh biex jieħdu ħsieb id-dar.* Imbagħad Iżrael kollu jismaʼ li int ġegħelt lil missierek jobogħdok, u dawk li jappoġġawk jissaħħu.” 22  Għalhekk ramaw tinda għal Absalom fuq il-bejt, u Absalom kellu x’jaqsam mal-konkubini taʼ missieru quddiem għajnejn Iżrael kollu. 23  F’dak iż-żmien, il-pariri t’Aħitofel kienu kkunsidrati bħala* l-kelma tal-Alla l-veru. Hekk kienu jitqiesu l-pariri kollha t’Aħitofel, kemm minn David u kemm minn Absalom.

Noti taʼ taħt

Speċjalment tin u forsi anki tamal.
Letteralment “bin.”
Jew “ħati tad-demm.”
Jew “il-ħabib li kien jiftaħ qalbu miegħu.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-palazz.”
Jew “kienu bħallikieku xi ħadd kien qed jistaqsi x’inhi.”