It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 17:1-29

  • Ħusaj ifixkel il-parir t’Aħitofel (1-14)

  • David jiġi mwissi u jaħrab minn Absalom (15-29)

    • Il-provvedimenti taʼ Barżillaj u oħrajn (27-29)

17  Imbagħad Aħitofel qal lil Absalom: “Jekk jogħġbok, ħa nagħżel 12,000 raġel u mmur niġri wara David dan il-lejl.  Jien nasal ħdejh meta jkun għajjien u bla saħħa,* u nġiegħlu jippanikja. In-nies kollha taʼ miegħu jaħarbu, u noqtol biss lir-re.  Imbagħad inġib il-poplu kollu lura għandek. Jekk ir-raġel li qed tfittex ikun mejjet, in-nies kollha tiegħu jiġu għandek u jkun hemm il-paċi.”  U dan deher tajjeb f’għajnejn Absalom u l-anzjani* kollha t’Iżrael.  Madankollu, Absalom qal: “Jekk jogħġobkom, għajtu wkoll lil Ħusaj l-Arki ħalli nisimgħu x’għandu x’jgħid.”  Għalhekk, Ħusaj daħal għand Absalom. Imbagħad Absalom qallu bil-parir t’Aħitofel, u staqsieh: “Għandna nisimgħu minnu? Jekk le, għidilna int x’nagħmlu.”  U Ħusaj qallu: “Il-parir t’Aħitofel mhux tajjeb din id-darba!”  Ħusaj kompla: “Int taf tajjeb li missierek u l-irġiel tiegħu huma b’saħħithom, u huma ddisprati,* bħal orsa li tilfet il-frieħ tagħha fl-għelieqi. Iktar minn hekk, missierek gwerrier u mhux se jqattaʼ l-lejl man-nies.  Bħalissa qed jistaħba f’xi għar* jew f’xi post ieħor; u jekk jattakka hu l-ewwel, min jismaʼ b’dan jgħid, ‘In-nies li qed isegwu lil Absalom ġew megħlubin!’ 10  Anki r-raġel kuraġġuż li għandu qalb taʼ ljun żgur li jibżaʼ u jiddgħajjef, għax Iżrael kollu jaf li missierek hu bniedem b’saħħtu u li l-irġiel li qegħdin miegħu huma kuraġġużi. 11  Jien nagħti dan il-parir: Ħa jinġabru ħdejk l-Iżraelin kollha, minn Dan sa Bir-xeba, li huma daqs ir-ramel li hemm ħdejn il-baħar, u int tmexxihom għall-battalja. 12  Aħna nattakkawh ikun fejn ikun, u nintefgħu fuqu bħalma n-nida taqaʼ fuq l-art; u ħadd minnhom ma jsalva, la hu u lanqas l-irġiel li qegħdin miegħu. 13  Jekk jidħol jistaħba f’xi belt, immorru mal-Iżraelin kollha u neqirdu dik il-belt u nkaxkruha bil-ħbula lejn il-wied. Lanqas ċagħqa ma jifdal fiha.” 14  Imbagħad Absalom u l-irġiel kollha t’Iżrael qalu: “Il-parir taʼ Ħusaj l-Arki hu aħjar minn dak t’Aħitofel!” Kien Ġeħova li ġegħelhom* ma jaċċettawx il-parir tajjeb t’Aħitofel, sabiex Ġeħova jġib diżastru fuq Absalom. 15  Iktar tard, Ħusaj qal lill-qassisin Sadok u Abjatar x’kien il-parir li ta Aħitofel lil Absalom u lill-anzjani t’Iżrael, u x’kien il-parir li tahom hu. 16  U qal, “Issa ibagħtu wissu malajr lir-Re David: ‘Illejla toqgħodx fl-ilmijiet baxxi* tad-deżert, imma qis li taqsam għan-naħa l-oħra, inkella tinqered* int u n-nies kollha li qegħdin miegħek.’” 17  Ġonatan u Aħimgħas kienu qed joqogħdu barra l-belt, f’Għajn-rogel, sabiex ma jarahom ħadd. Għalhekk, marret qaddejja u tathom l-aħbar, u huma marru jgħidu lir-Re David dwar dan. 18  Madankollu, rahom żagħżugħ u qal lil Absalom. Għalhekk, Ġonatan u Aħimgħas telqu bil-ħeffa u marru d-dar taʼ raġel f’Baħurim li kellu bir fil-bitħa tiegħu. Huma niżlu fih, 19  u mart ir-raġel poġġiet biċċa drapp fuq wiċċ il-bir u xeħtet fuqha ċereali mfarrkin. U ħadd ma nduna b’dan. 20  Il-qaddejja t’Absalom marru għand il-mara f’darha u staqsewha: “Fejn huma Aħimgħas u Ġonatan?” Hi wiġbithom: “Għaddew minn hawnhekk u marru lejn ix-xmara.” Imbagħad fittxewhom u ma sabuhomx, għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm. 21  Wara li dawn telqu, l-irġiel ħarġu mill-bir u marru jinformaw lir-Re David dwar il-parir t’Aħitofel kontrih, u qalu: “Qumu u aqsmu x-xmara malajr.” 22  Minnufih, David u n-nies kollha li kienu miegħu qasmu l-Ġordan. Sakemm sebaħ kollha kienu qasmu l-Ġordan. 23  Meta Aħitofel ra li ma kinux għamlu skont il-parir tiegħu, hu rama ħmar u mar id-dar fil-belt fejn kien joqgħod. Wara li ta l-aħħar istruzzjonijiet lin-nies taʼ daru, mar jitgħallaq. B’hekk miet u ndifen fejn indifnu missirijietu. 24  Sadanittant, David mar Maħanajm, u Absalom qasam il-Ġordan mal-irġiel kollha t’Iżrael. 25  Absalom poġġa lil Għamasa kap tal-armata minflok Ġowab. Għamasa kien bin Itra l-Iżraeli u Abigajl. Abigajl kienet bint Naħas u oħt Seruja, omm Ġowab. 26  Iżrael u Absalom ikkampjaw fl-art taʼ Gilegħad. 27  Malli David wasal Maħanajm, Sobi bin Naħas minn Rabba tal-Għammonin, Makir bin Għammijel minn Lo-debar, u Barżillaj il-Gilegħadi minn Rogelim 28  ħadu sodod, skutelli, borom tal-fuħħar, qamħ, xgħir, dqiq, ċereali inkaljati, ful, għads, ċereali mnixxfin, 29  għasel, butir, nagħaġ, u ġobon.* Dan kollu ħaduh lil David u lin-nies li kienu miegħu, għax qalu: “In-nies huma bil-ġuħ, għajjenin, u bil-għatx fid-deżert.”

Noti taʼ taħt

Jew “idejh it-tnejn ikunu dgħajfin.”
Jew “u ruħhom kollha mrar.”
Jew “ħofra; irdum.”
Jew “li kkmanda biex.”
Jew forsi “fil-pjanuri.”
Letteralment “tinbelaʼ.”
Letteralment “baqta tal-baqar,” jiġifieri ġobon magħmul minn ħalib qares.