It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 20:1-26
20 Issa kien hemm Benjamini li jaqlaʼ l-inkwiet jismu Xeba bin Bikri. Hu daqq il-qarn u qal: “M’għandniex x’naqsmu maʼ David, u m’għandna ebda wirt maʼ bin Ġesse. Iżrael, tlaqna nqimu lil allatna!”*
2 Minħabba f’hekk, l-irġiel kollha t’Iżrael ma baqgħux isegwu lil David biex isegwu lil Xeba bin Bikri. Imma l-irġiel taʼ Ġuda baqgħu mar-re tagħhom, mill-Ġordan sa Ġerusalemm.
3 Meta r-Re David wasal f’daru* f’Ġerusalemm, hu ħa l-għaxar konkubini li kien ħalla warajh biex jieħdu ħsieb id-dar u qegħedhom f’dar bl-għassa magħha. Hu baqaʼ jipprovdilhom l-ikel, imma ma kellux x’jaqsam magħhom. Huma baqgħu magħluqin sakemm mietu, jgħixu bħallikieku kienu romol, avolja r-raġel tagħhom kien ħaj.
4 Ir-re issa qal lil Għamasa: “Iġbor l-irġiel taʼ Ġuda għandi fi żmien tlett ijiem, u ejja int ukoll.”
5 Għalhekk, Għamasa mar jiġbor lill-irġiel taʼ Ġuda, imma wasal iktar tard miż-żmien li kien tah.
6 Imbagħad David qal lil Abisaj: “Xeba bin Bikri jistaʼ jagħmlilna iktar ħsara minn Absalom. Ħu s-suldati tiegħi u mur iġri warajh, li ma jmurx jidħol f’xi belt iffortifikata u jaħrab minna.”
7 Għalhekk, l-irġiel taʼ Ġowab, il-Keretin, il-Peletin, u l-irġiel b’saħħithom kollha marru warajh. Huma telqu minn Ġerusalemm biex jiġru wara Xeba bin Bikri.
8 Meta kienu qrib il-ġebla l-kbira taʼ Gibegħon, Għamasa mar jiltaqaʼ magħhom. Issa Ġowab kien liebes l-armatura tal-gwerra tiegħu, u kellu x-xabla marbuta f’postha maʼ qaddu. Meta mexa ’l quddiem, hu ħalla x-xabla taqaʼ.
9 Ġowab qal lil Għamasa: “Kollox sew ħija?” Imbagħad Ġowab b’idu l-leminija qabad id-daqna t’Għamasa bħallikieku kien se jbusu.
10 Għamasa ma qagħadx attent għax-xabla li kellu f’idu Ġowab u dan daħħalhielu f’żaqqu, u msarnu nxterdu mal-art. Ma kellux għalfejn jagħtih daqqa oħra, waħda kienet biżżejjed biex joqtlu. Imbagħad Ġowab u ħuh Abisaj marru jiġru wara Xeba bin Bikri.
11 Wieħed miż-żgħażagħ taʼ Ġowab qagħad ħdejn il-ġisem t’Għamasa u beda jgħid: “Kull min iżomm maʼ Ġowab u kull min jiddefendi lil David, ħa jsegwi lil Ġowab!”
12 Sadanittant, Għamasa kien mixħut fid-demm f’nofs it-triq. Meta ż-żagħżugħ ra li n-nies kollha kienu qed jieqfu, hu neħħa lil Għamasa mit-triq u qiegħdu fl-għalqa. Imbagħad tefaʼ libsa fuqu, għax ra li kulħadd kien qed jieqaf meta jasal ħdejh.
13 Meta neħħieh mit-triq, l-irġiel kollha segwew lil Ġowab ħalli jiġru wara Xeba bin Bikri.
14 Xeba għadda minn ġot-tribujiet kollha t’Iżrael lejn Abel taʼ Bet-magħka. Il-Bikrin inġabru flimkien u marru warajh ukoll fil-belt.
15 Ġowab u l-irġiel tiegħu* marru u daruh f’Abel taʼ Bet-magħka u tellgħu rampa biex jassedjaw il-belt, għax din kienet imdawra bir-rampa tagħha. U l-irġiel kollha taʼ maʼ Ġowab kienu qed idgħajfu s-sur minn taħt biex iwaqqgħuh.
16 U mara għaqlija bdiet tgħajjat minn fuq is-sur tal-belt: “Isimgħu rġiel, isimgħu! Jekk jogħġobkom, għidu lil Ġowab jiġi hawn ħalli nkellmu.”
17 Għalhekk, mar ħdejha, u qaltlu: “Int Ġowab?” Wiġibha: “Iva.” Għal dan qaltlu: “Ismaʼ dak li se ngħid jien, l-ilsira tiegħek.” Hu qalilha: “Tkellem.”
18 Kompliet tgħidlu: “Qabel dejjem kienu jgħidu, ‘Jekk xi ħadd irid isolvi problema, ħa jitlob parir fil-belt t’Abel,ʼ u l-problema żgur tissolva.
19 Jien nirrappreżenta lin-nies t’Iżrael li jġibu l-paċi u li huma leali. Int qed tipprova teqred belt li qisha omm f’Iżrael. Għala għandek teqred* il-wirt taʼ Ġeħova?”
20 Għal dan, Ġowab wieġeb: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi li neqirdu l-belt.
21 Mhux dak l-iskop tiegħi. Imma fil-belt tagħkom hemm raġel jismu Xeba bin Bikri, mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, li rribella* kontra r-Re David. Jekk tagħtuhuli, jien nirtira mill-belt.” Imbagħad il-mara qalet lil Ġowab: “Rasu tiġi mwaddba minn fuq is-sur!”
22 Minnufih il-mara għaqlija marret u kellmet lin-nies kollha, u dawn qatgħu ras Xeba bin Bikri u waddbuha lil Ġowab. B’hekk, hu daqq il-qarn, u telqu kollha mill-belt u marru lejn darhom. U Ġowab reġaʼ lura Ġerusalemm għand ir-re.
23 Issa Ġowab kien jieħu ħsieb l-armata kollha t’Iżrael. Benaja bin Ġeħojada kien fuq il-Keretin u l-Peletin.
24 Adoram kien fuq dawk li r-re kkmanda biex jaħdmu għalih. Ġeħosafat bin Aħilud kien ir-reġistratur.
25 Sewa kien is-segretarju. Sadok u Abjatar kienu qassisin.
26 U Ira l-Ġajiri wkoll sar kap taʼ pożizzjoni għolja* għal David.
Noti taʼ taħt
^ Jew forsi “fit-tinda tagħna.”
^ Jew “fil-palazz tiegħu.”
^ Letteralment “Huma.”
^ Letteralment “tiblaʼ.”
^ Letteralment “għolla idu.”
^ Letteralment “sar qassis.”