It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 23:1-39

  • L-aħħar kliem taʼ David (1-7)

  • L-affarijiet kbar li għamlu l-gwerriera b’saħħithom taʼ David (8-39)

23  Dan hu l-aħħar kliem taʼ David: “Il-kelma tiegħi, David bin Ġesse,Ir-raġel li ġie gglorifikat,Il-magħżul* tal-Alla taʼ Ġakobb,Il-kantant maħbub tal-għanjiet t’Iżrael.   L-ispirtu taʼ Ġeħova tkellem permezz tiegħi;Kelmtu kienet fuq ilsieni.   L-Alla t’Iżrael tkellem;Il-Blata t’Iżrael qalli: ‘Meta min imexxi fuq il-bnedmin ikun ġust,Imexxi b’rispett kbir* għal Alla,   It-tmexxija tiegħu tkun bħad-dawl taʼ filgħodu meta tiddi x-xemx,Għodwa mingħajr sħab. Hi bħad-dija wara x-xita,Li tnibbet il-ħaxix mill-art.’   Mhux hekk hi dari quddiem Alla? Għax hu għamel patt miegħi għal dejjem,Ippreparat b’kull dettall u garantit. Għax dan ifisser is-salvazzjoni u l-għaxqa tiegħi. Huwa għalhekk li hu jġiegħlu jikber.   Imma rġiel li mhuma tajbin għal xejn jintremew ilkoll bħal għollieq,Għax ma jistax jinqabad bl-idejn.   Meta raġel imissu,Għandu jkun armat bis-sħiħ bil-ħadid u b’lanza,U għandu jiġi maħruq għalkollox fejn ikun.”  Dawn huma l-ismijiet tal-gwerriera b’saħħithom taʼ David: Ġoseb-bassebet it-Taħkemoni, il-kap tat-tlieta. Darba minnhom, hu qatel 800 bil-lanza tiegħu f’darba.  Warajh kien hemm Elegħażar bin Dodo u n-neputi t’Aħoħi. Hu kien fost it-tliet gwerriera b’saħħithom li kienu maʼ David meta sfidaw lill-Filistin. Huma nġabru hemm għall-battalja, u meta s-suldati t’Iżrael irtiraw, 10  hu baqaʼ hemm u kompla joqtol lill-Filistin sakemm idu għejiet, imma x-xabla ma telaqhiex. B’hekk, Ġeħova ġab rebħa* kbira dakinhar. Is-suldati marru lura warajh biex ineżżgħu l-maqtulin. 11  U warajh kien hemm Sammah bin Agi l-Ħagħrari. Darba, il-Filistin inġabru flimkien f’Leħi, fejn kien hemm għalqa mimlija għads; u s-suldati ħarbu minħabba l-Filistin. 12  Imma hu qagħad f’nofs l-għalqa u ddefendieha u baqaʼ joqtol lill-Filistin. B’hekk Ġeħova ġab rebħa* kbira. 13  Darba minnhom, tlett irġiel mit-30 kap niżlu ħdejn David fl-għar t’Għadullam matul il-ħsad, u kien hemm grupp* Filistin ikkampjati f’Wied* ir-Refajin. 14  Dak iż-żmien, David kien fil-post taʼ protezzjoni, u kien hemm għassa tal-Filistin f’Betlem. 15  Imbagħad David qal: “Kemm nixtieq nixrob l-ilma mill-ġiebja li hemm ħdejn il-bieb taʼ Betlem!” 16  Għal dan, it-tliet gwerriera b’saħħithom daħlu fejn kien hemm il-kampijiet tal-Filistin, iġġieldu magħhom, tellgħu l-ilma mill-ġiebja taʼ ħdejn il-bieb taʼ Betlem, u ħaduh lil David. Imma hu ma riedx jixorbu u ferrgħu quddiem Ġeħova. 17  Hu qal: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi li nagħmel dan Ġeħova! Għandi jien nixrob id-demm tal-irġiel li marru jissograw ħajjithom?” Għalhekk ma riedx jixorbu. Dawn huma l-affarijiet li għamlu t-tliet gwerriera b’saħħithom. 18  Abisaj ħu Ġowab u bin Seruja kien il-kap taʼ tlieta oħra. Darba, hu qatel 300 bil-lanza tiegħu, u kellu reputazzjoni bħat-tliet gwerriera b’saħħithom. 19  Għalkemm kien l-aħjar mit-tlieta l-oħra u kien il-kap tagħhom, hu ma laħaqx il-grad tal-ewwel tlieta. 20  Benaja bin Ġeħojada kien raġel kuraġġuż* li għamel ħafna affarijiet kbar f’Kabsil. Hu qatel iż-żewġt itfal t’Arjel taʼ Mowab, u niżel f’ħofra f’ġurnata bil-borra u qatel iljun. 21  Hu qatel ukoll raġel Eġizzjan li kien taʼ kobor straordinarju. Għalkemm l-Eġizzjan kellu lanza f’idu, hu mar għalih b’bastun, ħataflu l-lanza, u qatlu biha stess. 22  Dawn kienu l-affarijiet li għamel Benaja bin Ġeħojada. Hu kellu reputazzjoni bħat-tliet gwerriera b’saħħithom. 23  Għalkemm kien saħansitra aħjar mit-30, ma laħaqx il-grad tat-tliet gwerriera b’saħħithom. Madankollu, David inkarigah fuq il-gwardja persunali tiegħu. 24  Fost it-30* suldat kuraġġuż kien hemm: Għasael ħu Ġowab, Elħanan bin Dodo minn Betlem, 25  Sammah il-Ħarodi, Elika l-Ħarodi, 26  Ħeleż il-Palti, Ira bin Ikkes it-Tekogħi, 27  Abi-għeżer l-Għanatoti, Mebunnaj il-Ħusati, 28  Żalmon l-Aħoħi, Maħaraj in-Netofati, 29  Ħeleb bin Bagħnah in-Netofati, Ittaj bin Ribaj minn Gibegħa tal-Benjamini, 30  Benaja l-Piratoni, Ħiddaj mill-widien taʼ Gagħas, 31  Abi-għalbon l-Għarbati, Għażmawet il-Bar-ħumi, 32  Eljaħba s-Sagħlboni, it-tfal taʼ Ġasen, Ġonatan, 33  Sammah il-Ħagħrari, Aħijam bin Sarar il-Ħagħrari, 34  Elifelet bin Aħasbaj bin il-Magħkati, Eligħam bin Aħitofel il-Giloni, 35  Ħesro l-Karmeli, Pagħraj l-Arbi, 36  Igal bin Natan minn Soba, Bani l-Gadi, 37  Selek l-Għammoni, Naħaraj il-Biroti, dak li kien iġorr l-armi taʼ Ġowab bin Seruja, 38  Ira l-Itri, Gareb l-Itri, 39  u Urija l-Ħitti—b’kollox 37.

Noti taʼ taħt

Letteralment “Il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “bil-biżaʼ.”
Jew “salvazzjoni.”
Jew “salvazzjoni.”
Jew “raħal bit-tined.”
Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Letteralment “kien bin raġel qalbieni.”
It-terminu “30” jista’ ma jkunx speċifiku, peress li jissemmew iktar minn 30 isem.