It-Tieni Ktieb tas-Slaten 12:1-21

  • Ġeħogħas, re taʼ Ġuda (1-3)

  • Ġeħogħas isewwi t-tempju (4-16)

  • Attakk mis-Sirjani (17, 18)

  • Jinqatel Ġeħogħas (19-21)

12  Fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ġeħu, Ġeħogħas sar re u mexxa 40 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Sibjah minn Bir-xeba.  Ġeħogħas għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova matul il-jiem kollha li kien iggwidat minn Ġeħojada l-qassis.  Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm.  Ġeħogħas qal lill-qassisin: “Ħudu l-flus kollha għall-offerti qaddisin li n-nies jagħtu fid-dar taʼ Ġeħova, jiġifieri t-taxxa li għandu jħallas kulħadd, il-flus li jingħataw min-nies li jkunu għamlu xi wegħdi, u l-flus kollha li kull wieħed jagħti minn qalbu fid-dar taʼ Ġeħova.  Il-qassisin jiħduhom personalment mingħand dawk li jagħtuhom* u jużawhom biex isewwu kull fejn hemm xi ħsara* fid-dar.”  Sat-23 sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħogħas, il-qassisin kienu għadhom ma sewwewx il-ħsara fid-dar.  Għalhekk, ir-Re Ġeħogħas għajjat lil Ġeħojada l-qassis u lill-qassisin l-oħrajn u qalilhom: “Għala m’intomx issewwu l-ħsara fid-dar? Tiħdux iktar flus mingħand dawk li jagħtu, sakemm ma jintużawx biex tissewwa d-dar.”  Għaldaqstant, il-qassisin qablu li ma jiħdux iktar flus mingħand in-nies u ma jkunux responsabbli biex isewwu d-dar.  Ġeħojada l-qassis imbagħad ħa kaxxa u għamel toqba fl-għatu u qegħedha ħdejn l-artal fuq il-lemin fid-daħla tad-dar taʼ Ġeħova. Il-qassisin li kienu jaqdu bħala għassiesa tal-bibien kienu jqiegħdu fiha l-flus kollha li n-nies kienu jagħtu fid-dar taʼ Ġeħova. 10  Meta kienu jaraw li hemm ħafna flus fil-kaxxa, is-segretarju tar-re u l-qassis il-kbir kienu jitilgħu, jiġbru* l-flus li n-nies ikunu taw fid-dar taʼ Ġeħova, u jgħodduhom. 11  Huma kienu jagħtu dawn il-flus lil dawk inkarigati biex jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad, dawn kienu jħallsu lill-mastrudaxxi u lill-bennejja li kienu qed jaħdmu fid-dar taʼ Ġeħova, 12  kif ukoll lill-ħaddiema fil-ġebel u lil dawk li jaqtgħu l-ġebel. Ukoll, kienu jixtru l-injam u l-ġebel maqtugħ bl-għodda ħalli jsewwu l-ħsara fid-dar taʼ Ġeħova u kienu jużaw il-flus għall-ispejjeż kollha l-oħra biex tissewwa d-dar. 13  Imma bil-flus li n-nies kienu qed jagħtu fid-dar taʼ Ġeħova ma saret ebda bieqja tal-fidda, għodda li jittrimmjaw u jitfu l-ftila biha, skutella, trumbetta, u oġġett tad-deheb jew tal-fidda għad-dar taʼ Ġeħova. 14  Huma kienu jagħtuhom biss lil dawk li kienu jagħmlu x-xogħol, u bihom sewwew id-dar taʼ Ġeħova. 15  Dawk li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol ma kinux jitolbu kont mill-irġiel li kienu jagħtuhom il-flus għax kienu taʼ min jafdahom. 16  Imma l-flus tal-offerti għall-ħtija u l-flus tal-offerti għad-dnub ma kinux jiħduhom fid-dar taʼ Ġeħova. Dawn kienu għall-qassisin. 17  Kien f’dak iż-żmien li Ħażagħel ir-re tas-Sirja telaʼ jiġġieled kontra Gat u ħadha taħt idejh. Wara ddeċieda li jattakka lil* Ġerusalemm. 18  Għal dan, ir-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda ħa l-offerti qaddisin kollha li kienu qaddsu missirijietu Ġeħosafat, Ġeħoram, u Aħażija, ir-rejiet taʼ Ġuda. Ħa wkoll l-offerti li kien qaddes hu u d-deheb kollu li kien hemm fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova u fil-palazz tar-re, u bagħathom lil Ħażagħel ir-re tas-Sirja. B’hekk dan irtira minn Ġerusalemm. 19  Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 20  Madankollu, il-qaddejja tiegħu kkonfoffaw kontrih u qatluh fid-dar tal-Għolja,* fit-triq li tinżel lejn Silla. 21  Kienu l-qaddejja tiegħu Ġożakar bin Simegħat u Ġeħożabad bin Somer li attakkawh u qatluh. Hu ġie midfun maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David, u ibnu Amażija sar re minfloku.

Noti taʼ taħt

Jew “jafuhom.”
Jew “xaqq.”
Jew “jitfgħu f’basktijiet.” Letteralment “jorbtu.”
Letteralment “Ħażagħel dawwar wiċċu biex imur kontra.”
Jew “f’Bet-millo.”