It-Tieni Ktieb tas-Slaten 15:1-38
15 Fis-27 sena tat-tmexxija tar-Re Ġerobogħam* t’Iżrael, Għażarija* bin ir-Re Amażija taʼ Ġuda sar re.
2 Hu kellu 16-il sena meta sar re, u mexxa 52 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġekolija minn Ġerusalemm.
3 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru Amażija.
4 Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx, u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm.
5 Ġeħova kkastiga lir-re bil-ġdiem u baqaʼ bil-ġdiem sakemm miet. Hu għex f’dar oħra, waqt li ibnu Ġotam kien jieħu ħsieb il-palazz u jiġġudika lin-nies tal-pajjiż.
6 Il-bqija tal-istorja t’Għażarija u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda.
7 Imbagħad Għażarija miet u difnuh maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. U ibnu Ġotam sar re minfloku.
8 Fit-38 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Żakkarija bin Ġerobogħam sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa sitt xhur.
9 Hu għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kienu għamlu missirijietu. Hu baqaʼ jagħmel id-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
10 Imbagħad Sallum bin Ġabes ikkonfoffa kontrih u qatlu f’Iblegħam. Wara sar re minfloku.
11 Il-bqija tal-istorja taʼ Żakkarija hi miktuba fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
12 B’hekk sar dak li Ġeħova qal lil Ġeħu: “It-tfal tiegħek joqogħdu fuq it-tron t’Iżrael sar-rabaʼ ġenerazzjoni.” U hekk ġara.
13 Sallum bin Ġabes sar re fid-39 sena tat-tmexxija tar-Re Użżija taʼ Ġuda, u dam imexxi xahar fis-Samarija.
14 Imbagħad Menaħem bin Gadi telaʼ minn Tirsa għas-Samarija u qatel lil Sallum bin Ġabes hemm. Wara sar re minfloku.
15 Il-bqija tal-istorja taʼ Sallum u l-konfoffa li kien għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
16 Kien dak iż-żmien li Menaħem ħareġ minn Tirsa biex jattakka lil Tifsa u t-territorju tagħha, għax ma fetħulux il-bibien tagħha. Hu qeridha, u n-nisa tqal tagħha ċarrtilhom żaqqhom.
17 Fid-39 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Menaħem bin Gadi sar re fuq Iżrael u mexxa għaxar snin fis-Samarija.
18 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Tul ħajtu baqaʼ jagħmel id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
19 Ir-Re Pul tal-Assirja daħal fil-pajjiż, u Menaħem tah 1,000 talent* fidda sabiex jgħinu jkollu iktar kontroll fuq is-saltna.
20 Menaħem ħa l-fidda għar-re tal-Assirja mingħand l-irġiel importanti u sinjuri t’Iżrael. Dawn kellhom jagħtu 50 xekel* fidda kull wieħed. Imbagħad ir-re tal-Assirja mar lura, u ma baqax fil-pajjiż.
21 Il-bqija tal-istorja taʼ Menaħem u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
22 Imbagħad Menaħem miet u ibnu Pekaħija sar re minfloku.
23 Fil-50 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Pekaħija bin Menaħem sar re fuq Iżrael fis-Samarija u dam imexxi sentejn.
24 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
25 Imbagħad l-ajjutant tiegħu, Pekaħ bin Remalija, ikkonfoffa kontrih u qatlu fis-Samarija fit-torri ffortifikat tal-palazz tar-re m’Argob u Arje. Hu kellu 50 raġel minn Gilegħad miegħu. Wara li qatlu, hu sar re minfloku.
26 Il-bqija tal-istorja taʼ Pekaħija u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
27 Fit-52 sena tat-tmexxija tar-Re Għażarija taʼ Ġuda, Pekaħ bin Remalija sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa 20 sena.
28 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel.
29 Fi żmien ir-Re Pekaħ t’Iżrael, ir-Re Tiglat-pileser tal-Assirja daħal f’Iżrael u rebaħ lil Ijon, Abel-bet-magħka, Ġanogħa, Kedes, Ħasor, u Gilegħad. Hu rebaħ ukoll il-Galilija, jiġifieri l-art kollha taʼ Naftali. Hu ħa n-nies t’hemm fl-eżilju lejn l-Assirja.
30 Imbagħad Ħosegħa bin Elah ikkonfoffa kontra Pekaħ bin Remalija u qatlu. Hu sar re minfloku fl-20 sena tat-tmexxija taʼ Ġotam bin Użżija.
31 Il-bqija tal-istorja taʼ Pekaħ u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.
32 Fit-tieni sena tat-tmexxija taʼ Pekaħ bin Remalija r-re t’Iżrael, Ġotam bin ir-Re Użżija taʼ Ġuda sar re.
33 Hu kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġerusa bint Sadok.
34 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamel missieru Użżija.
35 Madankollu, il-postijiet fl-għoli għall-qima falza ma tneħħewx u n-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji hemm. Kien hu li bena l-bieb taʼ fuq tad-dar taʼ Ġeħova.
36 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġotam u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda.
37 Dak iż-żmien Ġeħova bagħat kontra Ġuda lil Resin ir-re tas-Sirja u lil Pekaħ bin Remalija.
38 Imbagħad Ġotam miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David l-antenat tiegħu. U ibnu Aħaż sar re minfloku.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri Ġerobogħam II.
^ Ifisser “Ġeħova Għen.” Fit-2Slt 15:13; 2Kro 26:1-23; Is 6:1; u Żak 14:5 jissejjaħ Użżija.