It-Tieni Ktieb tas-Slaten 17:1-41

  • Ħosegħa, re t’Iżrael (1-4)

  • Iżrael jingħeleb (5, 6)

  • Iżrael jiġi eżiljat minħabba l-apostasija (7-23)

  • Nies barranin jittieħdu fil-bliet tas-Samarija biex jgħixu hemm (24-26)

  • Ir-reliġjon imħallta tas-Samaritani (27-41)

17  Fit-12-il-sena tat-tmexxija tar-Re Aħaż taʼ Ġuda, Ħosegħa bin Elah sar re fuq Iżrael fis-Samarija u dam imexxi disaʼ snin.  Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, imma mhux daqs ir-rejiet t’Iżrael taʼ qablu.  Ir-Re Salmaneser tal-Assirja telaʼ kontrih, u Ħosegħa sar il-qaddej tiegħu u beda jagħtih it-taxxi.  Madankollu, ir-re tal-Assirja sar jaf li Ħosegħa kien qed jikkonfoffa kontrih billi bagħat messaġġiera għand ir-Re So tal-Eġittu u ma tahx it-taxxi bħalma għamel fis-snin taʼ qabel. Għalhekk, ir-re tal-Assirja qaflu u żammu marbut il-ħabs.  Ir-re tal-Assirja telaʼ kontra l-pajjiż kollu, u wasal is-Samarija u assedjaha għal tliet snin.  Ir-re tal-Assirja rebaħ is-Samarija fid-disaʼ sena tat-tmexxija taʼ Ħosegħa. Imbagħad ħa l-poplu t’Iżrael fl-eżilju fl-Assirja u ġegħelhom jgħixu f’Ħala u f’Ħabor ħdejn ix-Xmara Gożan u fil-bliet tal-Medin.  Dan ġara għax l-Iżraelin kienu dinbu kontra Ġeħova l-Alla tagħhom, li ħariġhom mill-art tal-Eġittu minn taħt idejn il-Fargħun ir-re tal-Eġittu. Huma qdew* allat oħrajn,  u mxew mad-drawwiet tal-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiemhom u mad-drawwiet li daħħlu r-rejiet t’Iżrael.  L-Iżraelin kienu qed jagħmlu affarijiet li ma kinux sewwa għal Ġeħova l-Alla tagħhom. Huma baqgħu jibnu postijiet għall-qima falza fil-bliet kollha tagħhom, minn torri tal-għassa sa belt iffortifikata.* 10  Huma poġġew pilastri sagri u arbli sagri* fuq kull għolja kbira u taħt kull siġra b’saħħitha. 11  U f’kull post għall-qima kienu joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji bħalma kienu jagħmlu l-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiemhom. Huma komplew jagħmlu affarijiet ħżiena biex joffendu lil Ġeħova. 12  Huma baqgħu jaqdu idoli moqżieża,* avolja Ġeħova kien qalilhom b’mod ċar biex ma jagħmlux hekk. 13  Ġeħova baqaʼ jwissi lil Iżrael u lil Ġuda permezz tal-profeti kollha tiegħu u l-viżjonarji* kollha, billi jgħidilhom: “Tibqgħux tagħmlu affarijiet ħżiena! Obdu l-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi, skont il-liġi kollha li kkmandajt lil missirijietkom u li bgħattilkom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti.” 14  Imma ma semgħux, u baqgħu rashom iebsa* bħal missirijiethom li ma wrewx fidi f’Ġeħova l-Alla tagħhom. 15  Huma baqgħu jinjoraw ir-regoli tiegħu, il-patt li kien għamel maʼ missirijiethom, u t-tfakkiriet li wissiehom bihom. Huma komplew iqimu idoli li ma jiswew għal xejn u saru ma jiswew għal xejn huma wkoll, għax imitaw lill-popli taʼ madwarhom li Ġeħova kien ikkmandahom biex ma jimitawx. 16  Huma telqu l-kmandamenti kollha taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom, u għamlu statwi taʼ żewġ barrin żgħar mill-metall* u arblu sagru,* u mielu quddiem l-istilel kollha u qdew lil Bagħal. 17  Huma wkoll ħarqu fin-nar* lit-tfal tagħhom subien u bniet, ipprattikaw it-teħbir u fittxew sinjali li bihom jaqraw il-futur, u baqgħu jagħmlu apposta* dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova biex joffenduh. 18  Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna għal Iżrael, tant li neħħiehom minn quddiem wiċċu. Ma ħalla lil ħadd ħlief lit-tribù taʼ Ġuda. 19  Lanqas in-nies taʼ Ġuda m’obdew il-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom, huma wkoll imxew mad-drawwiet li daħħlu l-Iżraelin. 20  Ġeħova ċaħad lill-Iżraelin kollha,* umiljahom, u tahom f’idejn dawk li ħatfuhom, sakemm keċċiehom minn quddiemu. 21  Hu neħħa lil Iżrael minn taħt it-tmexxija taʼ dar David, u huma għamlu re lil Ġerobogħam bin Nebat. Imma Ġerobogħam ġiegħel lill-Iżraelin jitbiegħdu minn Ġeħova u jagħmlu dnub kbir. 22  U l-Iżraelin għamlu l-istess dnubiet li kien għamel Ġerobogħam. Baqgħu jagħmluhom 23  sakemm Ġeħova neħħiehom minn quddiem wiċċu, bħalma kien qal permezz tal-qaddejja kollha tiegħu l-profeti. Għalhekk, l-Iżraelin ittieħdu minn arthom fl-eżilju fl-Assirja, u għadhom hemm sal-lum. 24  Imbagħad ir-re tal-Assirja ħa nies minn Babilonja, Kuta, Għawwa, Ħamat, u Sefarwajim biex jgħixu fil-bliet tas-Samarija minflok l-Iżraelin. Dawn ħadu f’idejhom is-Samarija u għexu fil-bliet tagħha. 25  Għall-ewwel li bdew jgħixu hemm, ma qimux lil* Ġeħova. Għalhekk, Ġeħova bagħat iljuni f’nofshom, u qatlu xi nies. 26  U lir-re tal-Assirja tawh l-aħbar: “Il-popli li ħadt fl-eżilju u li qegħedt fil-bliet tas-Samarija ma jafux ir-reliġjon* tal-Alla tal-pajjiż. Għalhekk hu qed jibgħat iljuni f’nofshom u qed joqtluhom, għax ħadd minnhom ma jaf ir-reliġjon tal-Alla tal-pajjiż.” 27  Għal dan, ir-re tal-Assirja kkmanda: “Ibagħtu lura wieħed mill-qassisin li ħadtu fl-eżilju biex jerġaʼ jmur jgħix hemm u jgħallimhom ir-reliġjon tal-Alla tal-pajjiż.” 28  Għalhekk, wieħed mill-qassisin li kienu ħadu fl-eżilju mis-Samarija reġaʼ mar jgħix f’Betel, u beda jgħallimhom kif għandhom iqimu lil Ġeħova. 29  Madankollu, kull poplu għamel alla* għalih, u qegħduhom fid-djar fil-postijiet għall-qima li kienu għamlu s-Samaritani. Kull poplu għamel hekk fil-bliet fejn kien qed jgħix. 30  Għalhekk in-nies taʼ Babilonja għamlu lil Sukkot-benot, in-nies taʼ Kut għamlu lil Nergal, in-nies taʼ Ħamat għamlu lil Asima, 31  u l-Għawwin għamlu lil Nibħaż u lil Tartak. Is-Sefarwajin kienu jaħarqu lit-tfal tagħhom fin-nar għal Adrammelek u Anammelek, l-allat taʼ Sefarwajim. 32  Għalkemm kienu jqimu lil Ġeħova, huma inkarigaw għalihom qassisin minn nieshom stess għall-postijiet għall-qima tal-allat, u dawn kienu jaqdu hemm. 33  B’hekk, qiemu lil Ġeħova imma qiemu wkoll lill-allat tagħhom skont id-drawwiet reliġjużi tal-pajjiż minn fejn kienu. 34  Sal-lum, għadhom jagħmlu skont ir-reliġjonijiet* li kellhom. Ħadd minnhom ma qiem lil Ġeħova u ħadd ma obda r-regoli, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, il-Liġi, u l-kmandamenti li Ġeħova ta lit-tfal taʼ Ġakobb, li biddillu ismu għal Iżrael. 35  Meta Ġeħova għamel patt magħhom, hu kkmandahom: “Tqimux allat oħrajn, tmilux quddiemhom, taqduhomx, u toffrulhomx sagrifiċċji. 36  Imma qimu lili, Ġeħova, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu b’qawwa kbira u b’id b’saħħitha. Quddiemi għandkom tmilu u lili għandkom toffru s-sagrifiċċji. 37  U għandkom tagħmlu ċert li dejjem tobdu r-regoli, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, il-Liġi, u l-kmandamenti li ktibtilkom, u tqimux allat oħrajn. 38  Tinsewx il-patt li għamilt magħkom, u tqimux allat oħrajn. 39  Imma qimu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, għax jien se neħliskom minn id l-għedewwa kollha tagħkom.” 40  Imma huma m’obdewx, u għamlu skont ir-reliġjonijiet* li kellhom. 41  Għalhekk dawn il-popli bdew iqimu lil Ġeħova, imma kienu jaqdu wkoll l-istatwi minquxin tagħhom. U t-tfal u n-neputijiet tagħhom baqgħu jagħmlu eżatt bħal missirijiethom sal-lum.

Noti taʼ taħt

Letteralment “beżgħu minn.”
Jiġifieri f’kull post, kemm jekk kienu jgħixu ftit jew ħafna nies.
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Jiġifieri dawk li jirċievu l-viżjonijiet.
Letteralment “webbsu għonqhom.”
Jew “għoġġiela minn metall imdewweb.”
Letteralment “għaddew min-nar.”
Letteralment “ibigħu lilhom infushom biex jagħmlu.”
Jew “lid-dixxendenti kollha t’Iżrael.”
Letteralment “ma beżgħux minn.” Din tapplika wkoll fil-versi simili fʼdan il-kapitlu.
Jew “id-drawwiet reliġjużi.”
Jew “allat.”
Jew “id-drawwiet reliġjużi.”
Jew “id-drawwiet reliġjużi.”