It-Tieni Ktieb tas-Slaten 25:1-30
25 Fid-disaʼ sena tat-tmexxija taʼ Sedekija, fl-għaxar jum tal-għaxar xahar, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja mar kontra Ġerusalemm bl-armata kollha tiegħu. Hu kkampja biex jattakkaha u bena ħajt tal-assedju mad-dawra tagħha kollha,
2 u l-belt damet assedjata sal-11-il sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija.
3 Fid-disaʼ jum tar-rabaʼ xahar, il-ġuħ kien kbir fil-belt u ma kienx hemm ikel għan-nies tal-pajjiż.
4 Il-Kaldin għamlu fetħa fis-sur tal-belt, u s-suldati kollha ħarbu billejl mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan li hemm ħdejn il-ġnien tar-re, waqt li l-Kaldin kienu qed idawru l-belt. Ir-re telaq mit-triq li tagħti għall-Għaraba.
5 Imma l-armata tal-Kaldin marret għal wara r-re, u laħquh fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko, u s-suldati kollha li kellu miegħu telquh.
6 Imbagħad qabdu lir-re u ħaduh għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla, u qatgħulu s-sentenza.
7 Huma qatlu lit-tfal taʼ Sedekija quddiem għajnejh stess. Imbagħad Nebukadnessar għamieh, rabtu bi ktajjen tar-ram, u ħadu f’Babilonja.
8 Fis-sebaʼ jum tal-ħames xahar, jiġifieri fid-19-il sena tat-tmexxija tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, Nebużaradan ġie Ġerusalemm. Hu kien il-kap tal-gwardji u l-qaddej tar-re.
9 Hu ħaraq id-dar taʼ Ġeħova, il-palazz tar-re, id-djar kollha taʼ Ġerusalemm, u d-dar taʼ kull raġel importanti.
10 U l-armata kollha tal-Kaldin li kienet mal-kap tal-gwardji waqqgħu s-swar taʼ madwar Ġerusalemm.
11 Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħa fl-eżilju lin-nies li kien għad fadal fil-belt, lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u lill-bqija tan-nies.
12 Imma l-kap tal-gwardji ħalla ftit mill-iktar foqra tal-pajjiż biex jieħdu ħsieb id-dwieli u jaħdmu l-għelieqi.
13 U l-Kaldin kissru biċċiet il-kolonni tar-ram tad-dar taʼ Ġeħova. Kissru wkoll il-karrijiet u l-vaska kbira tar-ram li ssemmiet Baħar li kienu fid-dar taʼ Ġeħova, u ħadu r-ram Babilonja.
14 Ħadu wkoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, it-tazzi, u l-għodod kollha tar-ram li kienu jintużaw fit-tempju.
15 Il-kap tal-gwardji ħa r-reċipjenti għall-ġamar u l-iskutelli li kienu tad-deheb pur u tal-fidda pura.
16 Tant intuża ram meta Salamun għamel iż-żewġ kolonni, il-Baħar, u l-karrijiet għad-dar taʼ Ġeħova li kien impossibbli biex jiġi kkalkulat kemm jiżen.
17 Kull kolonna kienet twila 18-il kubitu,* u l-parti mżejna taʼ fuqha kienet tar-ram u għolja tliet kubiti, u x-xibka u r-rummien mad-dawra tal-parti mżejna kienu kollha tar-ram. It-tieni kolonna kienet bħalha.
18 Il-kap tal-gwardji ħa wkoll lil Seraja l-qassis il-kbir, lil Sofonija l-qassis li jgħin lill-qassis il-kbir, u lit-tliet għassiesa tal-bibien.
19 U mill-belt ħa uffiċjal tal-palazz li kien fuq is-suldati, ħamest irġiel li kienu jagħtu l-pariri lir-re, is-segretarju tal-kap tal-armata li kien jagħżel is-suldati għall-armata, u 60 raġel min-nies komuni tal-pajjiż.
20 Imbagħad, Nebużaradan ħadhom għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla.
21 U r-re taʼ Babilonja qatilhom f’Ribla fl-art taʼ Ħamat. B’hekk, in-nies taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju.
22 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja inkariga lil Gedalija, bin Aħikam u n-neputi taʼ Safan, fuq in-nies li ħalla warajh fl-art taʼ Ġuda.
23 Meta l-kapijiet kollha tal-armata u s-suldati tagħhom semgħu li r-re taʼ Babilonja kien inkariga lil Gedalija, huma minnufih marru għand Gedalija f’Mispa. Dawn il-kapijiet kienu Ismagħel bin Netanija, Ġoħanan bin Kareja, Seraja bin Tanħumet in-Netofati, u Ġagħżanija bin il-Magħkati.
24 Imbagħad Gedalija ħalef lilhom u lis-suldati tagħhom: “Tibżgħux tkunu l-qaddejja tal-Kaldin. Għixu fil-pajjiż u aqdu lir-re taʼ Babilonja, u tmorru tajjeb.”
25 Fis-sebaʼ xahar, Ismagħel bin Netanija u n-neputi taʼ Elisama, li kien mil-linja tar-re, mar m’għaxar suldati u qatel lil Gedalija u lil-Lhud u l-Kaldin li kienu miegħu f’Mispa.
26 Imbagħad in-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir, inkluż il-kapijiet tal-armata marru l-Eġittu, għax beżgħu mill-Kaldin.
27 U fis-37 sena tal-eżilju tar-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda, fis-27 jum tat-12-il xahar, ir-Re Evil-merodak taʼ Babilonja ħeles* lir-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda mill-ħabs. Dan għamlu fis-sena li sar re.
28 Hu kellmu b’qalb tajba u għolla t-tron tiegħu ’l fuq mit-tronijiet tar-rejiet l-oħra li kienu miegħu f’Babilonja.
29 Għalhekk, Ġeħojakin neħħa l-ħwejjeġ tal-ħabs, libes ħwejjeġ ġodda, u kiel b’mod regulari mal-mejda tar-re ħajtu kollha.
30 Ir-re baqaʼ jagħtih porzjon taʼ ikel jum wara l-ieħor tul ħajtu kollha.