Eżekjel 39:1-29
39 “U min-naħa tiegħek, O bin il-bniedem, ipprofetizza kontra Gog,+ u għid, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara, jien kontrik, O Gog, il-kap ewlieni l-kbir taʼ Mesek+ u Tubal.+
2 U se ndawrek u mmexxik+ u ntellgħek mill-iktar partijiet imbegħdin tat-tramuntana+ u nġibek kontra l-muntanji taʼ Israel.
3 U ntajjarlek il-qaws tiegħek minn idek ix-xellugija, u l-vleġeġ tiegħek inwaqqagħhomlok minn idek il-leminija.
4 Fuq il-muntanji taʼ Israel taqaʼ,+ int u l-qtajjaʼ kollha tiegħek u l-popli li se jkunu miegħek. Se nagħtik bħala ikel lill-għasafar tal-priża, l-għasafar b’kull xorta taʼ ġwienaħ, u l-bhejjem salvaġġi tar-rabaʼ.”’+
5 “‘Fuq wiċċ ir-rabaʼ taqaʼ,+ għax jien tkellimt,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
6 “‘U nibgħat nar fuq Magog+ u fuq dawk li jgħammru fil-gżejjer fis-sigurtà;+ u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.
7 U ngħarraf l-isem qaddis tiegħi f’nofs il-poplu tiegħi Israel, u ma nħallix lill-isem qaddis tiegħi jitkasbar iktar;+ u l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova,+ il-Qaddis f’Israel.’+
8 “‘Ara! Dan jiġi u jseħħ,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova. ‘Dan hu l-jum li tkellimt dwaru.+
9 U dawk li jgħammru fil-bliet taʼ Israel se joħorġu u jaħarqu u jqabbdu n-nirien bl-armi u bit-tarki ż-żgħar u t-tarki l-kbar,—bil-qwas u bil-vleġeġ u bil-vireg u bil-lanez; u jdumu jqabbdu n-nirien+ bihom sebaʼ snin.
10 U ma jġorrux zkuk mill-għalqa, u lanqas ħatab għan-nar mill-foresti, għax bl-armi jqabbdu n-nirien.’
“‘U jieħdu bħala priża lil dawk li kienu ħadu lilhom bħala priża,+ u jisirqu lil dawk li kienu serquhom,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
11 “‘U jrid iseħħ dakinhar li nagħti lil Gog+ post hemmhekk, post taʼ dfin f’Israel, il-wied taʼ dawk li jkunu għaddejjin, lejn il-lvant tal-baħar, u se jimblokka lil dawk li jkunu għaddejjin minn hemmhekk. U hemmhekk se jkollhom jidfnu lil Gog u l-kotra kollha tiegħu, u jsejħulu l-Wied tal-Kotra taʼ Gog.*+
12 U dawk taʼ dar Israel ikollhom jidfnuhom sabiex inaddfu l-art, u jdumu sebaʼ xhur.+
13 U n-nies kollha tal-pajjiż se jkollhom jidfnu, u jsiru magħrufin minħabba dan dakinhar li nigglorifika lili nnifsi,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
14 “‘U se jintgħażlu xi rġiel li xogħolhom ikun li jduru mal-pajjiż kontinwament u, flimkien m’oħrajn li jduru mal-pajjiż, jidfnu lil dawk li jifdal fuq wiċċ l-art, sabiex inaddfuh. Jibqgħu jfittxu sakemm jintemmu s-sebaʼ xhur.
15 U jridu jduru mal-pajjiż, u jekk wieħed jara għadma taʼ bniedem iwaqqaf sinjal ħdejha, sakemm dawk li jidfnu jkunu difnuha fil-Wied tal-Kotra taʼ Gog.+
16 U anki l-isem tal-belt ikun Ħamona.* U se jkollhom inaddfu l-pajjiż.’+
17 “U lilek, O bin il-bniedem, hekk qallek il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Għid lill-għasafar b’kull xorta taʼ ġwienaħ u lill-bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ:+ “Inġabru flimkien u ejjew. Inġemgħu flimkien dawramejt mas-sagrifiċċju tiegħi, li qed nissagrifika għalikom, sagrifiċċju kbir fuq il-muntanji taʼ Israel.+ U intom se tieklu l-laħam u tixorbu d-demm.+
18 Tieklu l-laħam tas-setgħanin,+ u tixorbu d-demm tal-kapijiet ewlenin taʼ l-art, imtaten, ħrief,+ u bdabad, barrin żgħar,+ ilkoll annimali msemmnin tal-Basan.+
19 U intom żgur li tieklu xaħam sa ma tixbgħu+ u tixorbu demm sakemm tiskru, mis-sagrifiċċju li se nissagrifika għalikom.”’
20 “‘U intom tixbgħu fuq il-mejda tiegħi biż-żwiemel u s-sewwieqa tal-karrijiet, nies setgħanin u kull xorta taʼ gwerriera,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.+
21 “‘U jien se nuri l-glorja tiegħi fost il-ġnus; u l-ġnus kollha se jkollhom jaraw it-twettiq tal-ġudizzju tiegħi+ u l-qawwa taʼ idi kontrihom.+
22 U minn dakinhar ’il quddiem, dawk taʼ dar Israel se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova Alla tagħhom.+
23 U l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li kien minħabba l-iżball tagħhom li huma, dar Israel, marru fl-eżilju,+ minħabba l-fatt li huma aġixxew b’nuqqas taʼ fedeltà miegħi, u għalhekk jien ħbejt wiċċi minnhom+ u tajthom f’idejn l-avversarji tagħhom, u waqgħu bis-sejf, ilkoll kemm huma.+
24 Għamiltilhom skond in-nuqqas taʼ ndafa tagħhom u skond il-ksur tal-liġi tagħhom,+ u bqajt naħbi wiċċi minnhom.’
25 “Għaldaqstant, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Issa hu ż-żmien li nġib lura lill-imjassrin taʼ Ġakobb+ u li jkolli ħniena minn dar Israel kollha;+ u se nuri devozzjoni esklużiva lejn l-isem qaddis tiegħi.+
26 U huma jkunu ġarrew l-umiljazzjoni tagħhom+ u n-nuqqas taʼ fedeltà kollu li wrewni,+ meta jkunu qed jgħammru f’arthom fis-sigurtà,+ u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.+
27 Meta nġibhom lura mill-popli u niġborhom flimkien mill-pajjiżi taʼ l-għedewwa tagħhom,+ jien ukoll inqaddes lili nnifsi fosthom quddiem għajnejn ħafna ġnus.’+
28 “‘U huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova Alla tagħhom, meta nibgħathom fl-eżilju lejn il-ġnus u nġibhom lura flimkien f’arthom,+ u ma nħalli ’l ħadd minnhom jibqaʼ iktar hemmhekk.+
29 U jien ma naħbix iktar wiċċi minnhom,+ għax inferraʼ l-ispirtu tiegħi fuq dar Israel,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.”