Eżodu 10:1-29

  • It-tmien kastig: il-ġurati (1-20)

  • Id-disaʼ kastig: id-dlam (21-29)

10  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun, għaliex jien ma ħallejtx lil qalbu u qalb il-qaddejja tiegħu jitqanqlu, sabiex nuri s-sinjali tiegħi quddiemu,  u sabiex int tkun tistaʼ tgħid lit-tfal u n-neputijiet tiegħek kemm jien aġixxejt bl-aħrax mal-Eġittu u liema sinjali għamilt fosthom. U intom żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova.”  Għalhekk, Mosè u Aron daħlu għand il-Fargħun u qalulu: “Hekk qal Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, ‘Kemm se ddum tirrifjuta li tissottometti ruħek lejja? Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni.  Għax jekk tibqaʼ ma tibgħathomx, għada nġib il-ġurati fit-territorju tiegħek.  U jiksu l-wiċċ tal-art u ma tkunx tistaʼ tara l-art. Huma jieklu dak li ma nqeridx mis-silġ u dak li tħalla għalikom, u jieklu s-siġar kollha li qed jikbru fl-għelieqi.  U jimlew id-djar tiegħek, id-djar tal-qaddejja tiegħek, u d-djar tal-Eġittu tant li tkun xi ħaġa li missirijietek u n-nanniet tiegħek qatt ma raw bħalha.’” Imbagħad dar u ħareġ mingħand il-Fargħun.  Imbagħad il-qaddejja tal-Fargħun qalulu: “Dan ir-raġel kemm se jdum jheddidna?* Ibgħat lin-nies sabiex jaqdu lil Ġeħova l-Alla tagħhom. Għadek ma rrealizzajtx li l-Eġittu nqered?”  Għalhekk, Mosè u Aron ittieħdu lura għand il-Fargħun, u dan qalilhom: “Morru, aqdu lil Ġeħova l-Alla tagħkom. Imma min se jmur?”  Wieġeb Mosè: “Se nieħdu magħna liż-żgħażagħ tagħna, lix-xjuħ tagħna, lit-tfal subien u bniet tagħna, lin-nagħaġ tagħna, u lill-baqar tagħna, għax irridu niltaqgħu ħalli nfaħħru lil Ġeħova.” 10  Hu qalilhom: “Intom veru taħsbu li jien se nibgħat lilkom u lit-tfal tagħkom? Kieku jiġri hekk, allura veru li Ġeħova jkun magħkom! Jidher ċar li bi ħsiebkom tagħmlu xi ħaġa ħażina. 11  Le! L-irġiel biss jistgħu jmorru u jaqdu lil Ġeħova, għax intom dan tlabtu.” U tkeċċew ’il barra minn quddiem il-Fargħun. 12  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Aqbad il-bastun u oħroġ idek lejn l-art tal-Eġittu biex jiġu l-ġurati fuq l-art tal-Eġittu u jieklu l-ħaxix kollu li tħalla mis-silġ.” 13  Mosè minnufih qabad il-bastun tiegħu u ħareġ idu lejn l-art tal-Eġittu, u Ġeħova qajjem riħ mil-Lvant biex jonfoħ fuq l-art dak il-jum u l-lejl kollu. Sebaħ filgħodu, u r-riħ mil-Lvant ġab il-ġurati. 14  U l-ġurati telgħu fuq l-art kollha tal-Eġittu u qagħdu fuq it-territorju kollu tal-pajjiż. Din kienet sitwazzjoni gravi. Qatt qabel ma kien hemm daqshekk ġurati, u qatt mhu se jerġaʼ jkun hemm daqshekk. 15  U ksew wiċċ l-art kollha, u l-art iddallmet bihom. Huma kielu l-ħaxix kollu tal-art u l-frott kollu tas-siġar li kien tħalla mis-silġ. Ma ħallewx werqa waħda fuq is-siġar jew fl-għelieqi tal-art kollha tal-Eġittu. 16  Għalhekk, il-Fargħun għajjat malajr lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Dnibt kontra Ġeħova l-Alla tagħkom u kontrikom. 17  Issa jekk jogħġobkom, aħfruli d-dnub tiegħi din id-darba biss u itolbu bil-ħniena lil Ġeħova l-Alla tagħkom sabiex ineħħi minn fuqi dan il-kastig li jġib il-mewt.” 18  Għalhekk, hu* ħareġ mingħand il-Fargħun u talab bil-ħniena lil Ġeħova. 19  Imbagħad Ġeħova dawwar ir-riħ f’wieħed qawwi ħafna mill-Punent, u dan ġarr il-ġurati u kaxkarhom għal ġol-Baħar l-Aħmar. Lanqas ġurat wieħed ma tħalla fit-territorju kollu tal-Eġittu. 20  Madankollu, Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu,* u dan ma bagħatx lill-Iżraelin. 21  Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: “Għolli l-bastun lejn is-sema, sabiex ikun hemm id-dlam fuq l-art tal-Eġittu, dlam tant kbir li jkun jistaʼ jinħass.” 22  Mosè minnufih għolla l-bastun lejn is-sema, u kien hemm dlam ċappa fuq l-art kollha tal-Eġittu għal tlett ijiem. 23  Ma kinux jaraw lil xulxin, u għal tlett ijiem ħadd minnhom ma qam minn fejn kien, imma l-Iżraelin kollha kellhom id-dawl fejn kienu jgħixu. 24  Imbagħad il-Fargħun għajjat lil Mosè u qallu: “Morru, aqdu lil Ġeħova. Jitħallew hawn biss in-nagħaġ u l-baqar tagħkom. Anki t-tfal tagħkom jistgħu jiġu magħkom.” 25  Imma Mosè qallu: “Int stess se tagħtina* sagrifiċċji u offerti tal-ħruq, u aħna noffruhom lil Ġeħova l-Alla tagħna. 26  Il-bhejjem tagħna jiġu magħna wkoll. Lanqas annimal* wieħed ma jibqaʼ, għaliex se nużaw xi ftit minnhom biex inqimu lil Ġeħova l-Alla tagħna. Meta naslu hemmhekk inkunu nafu x’se noffru fil-qima lil Ġeħova.” 27  Għalhekk, Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes rasu, u dan ma qabilx li jibgħathom. 28  Il-Fargħun qallu: “Itlaq minn quddiemi! Terġax tipprova tiġi għandi, għaliex dakinhar li tiġi, tmut.” 29  Għal dan, Mosè qallu: “Kif trid int. M’iniex se nerġaʼ nipprova niġi għandek.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “ikun taʼ nassa għalina.”
Milli jidher Mosè.
Letteralment “iwebbes qalbu.”
Jew “tippermetti li jkollna.”
Letteralment “difer.”