Eżodu 28:1-43
28 “U minn fost l-Iżraelin għandek iġġib lil ħuk Aron, flimkien mat-tfal tiegħu, sabiex jaqdi bħala qassis għalija, Aron flimkien mat-tfal tiegħu Nadab u Abiħu, Elegħażar u Itamar.
2 Agħmel ħwejjeġ qaddisa għal ħuk Aron biex ikunu taʼ glorja u ġmiel għalih.
3 Għandek tkellem lil dawk kollha li huma tas-sengħa,* lil dawk li tajthom l-għerf,* u huma jagħmlu l-ħwejjeġ t’Aron sabiex ikun iddedikat lili* u jaqdi bħala qassis għalija.
4 “Dawn huma l-ħwejjeġ li jridu jagħmlu: pettoral,* efod,* libsa bla kmiem, libsa twila ċċangjata, turban, u terħa. Iridu jagħmlu dawn il-ħwejjeġ qaddisa għal ħuk Aron u għat-tfal tiegħu, sabiex hu jaqdi bħala qassis għalija.
5 Il-ħaddiema tas-sengħa jużaw id-deheb, il-ħajt blu, is-suf vjola, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għażel fin.
6 “L-efod iridu jagħmluh mid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Dan irid ikun irrakkmat.
7 Irid ikollu biċċtejn għal fuq l-ispallejn biex jorbtu l-parti taʼ quddiem maʼ taʼ wara minn fuq.
8 Iċ-ċinturin minsuġ, li hu mqabbad mal-efod biex iżommu f’postu, irid ikun tal-istess materjal: deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin.
9 “Ħu żewġ ħaġriet tal-oniċi u naqqax fuqhom l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael,
10 sitt ismijiet fuq ħaġra u s-sitt ismijiet li jibqaʼ fuq il-ħaġra l-oħra, skont l-ordni taʼ meta twieldu.
11 Wieħed li jnaqqax il-ħaġar għandu jnaqqax l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael fuq iż-żewġ ħaġriet bħalma kieku jnaqqax siġill. Imbagħad trid tagħmel deheb mad-dawra tagħhom biex iżommhom f’posthom.
12 U tqiegħed iż-żewġ ħaġriet fuq il-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod bħala ħaġar taʼ tifkira għat-tfal t’Iżrael, u Aron irid iġorr l-ismijiet tagħhom quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, fuq iż-żewġ biċċiet taʼ fuq spallejh bħala tifkira.
13 Agħmel deheb mad-dawra tal-ħaġar biex iżommu f’postu,
14 u waħħal miegħu żewġ ħbula magħmulin minn ħajt tad-deheb pur.
15 “Trid tqabbad wieħed li jirrakkma biex jagħmel il-pettoral tal-ġudizzju. Dan irid ikun bħall-efod, magħmul mid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin.
16 Għandu jkun kwadru meta jkun mitwi fi tnejn, twil xiber* u wiesaʼ xiber.
17 U trid twaħħal miegħu ħaġar prezzjuż, u jkun hemm erbaʼ ringieli taʼ ħaġar prezzjuż. L-ewwel ringiela jkun fiha rubin, topazju, u żmerald.
18 It-tieni ringiela turkina, żaffir, u djaspru.
19 It-tielet ringiela lesem,* agata, u ametist.
20 Ir-rabaʼ ringiela krisolitu, oniċi, u ġada. Dawn għandu jkollhom deheb mad-dawra tagħhom biex iżommhom f’posthom.
21 Ikun hemm ħaġra prezzjuża għal kull wieħed mit-tfal t’Iżrael. Kull ħaġra prezzjuża tiġi mnaqqxa, bħalma jiġi mnaqqax siġill, b’isem taʼ wieħed mit-12-il tribù.
22 “Fuq il-pettoral agħmel ħbula magħmulin minn ħajt tad-deheb pur.
23 U agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb għall-pettoral u qabbadhom maż-żewġt itruf tal-pettoral.
24 U għaddi ż-żewġ ħbula tad-deheb miż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral.
25 Trid tgħaddi ż-żewġt itruf taż-żewġ ħbula miż-żewġ dwawar, u tqabbadhom mal-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod, fuq in-naħa taʼ quddiem.
26 Agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb u qabbadhom maż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa taʼ ġewwa li tmiss mal-efod.
27 U agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb oħra fuq in-naħa taʼ quddiem tal-efod, taħt iż-żewġ biċċiet taʼ fuq l-ispallejn, viċin taʼ fejn jintrabat, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ tal-efod.
28 Il-pettoral irid jinżamm f’postu b’lazz blu li jorbot il-ħoloq tiegħu mal-ħoloq tal-efod. Dan se jżomm il-pettoral f’postu fuq l-efod, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ.
29 “Aron irid iġorr l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael fuq il-pettoral tal-ġudizzju fuq sidru* meta jidħol fil-Qaddis bħala tifkira dejjiema quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
30 Int tqiegħed l-Urim u t-Tummim* fil-pettoral tal-ġudizzju, u jkunu fuq sider* Aron meta jidħol quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Aron irid iġorr dawn l-affarijiet fuq sidru* quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, il-ħin kollu biex jagħmel ġudizzji għall-Iżraelin.
31 “Il-libsa bla kmiem li tintlibes taħt l-efod trid tagħmilha kollha tal-ħajt blu.
32 U jkollha fetħa fejn tidħol ir-ras fin-nofs tagħha. Il-fetħa għandu jkollha bordura minsuġa mad-dawra kollha minn xi ħadd li jinseġ bin-newl. Għandha tkun bħall-fetħa taʼ kurazza sabiex ma titqattax.
33 Agħmel rummien tal-ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat madwar il-keffa kollha, u bejniethom agħmel qniepen żgħar tad-deheb.
34 Għandek tagħmel qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena, qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena madwar il-keffa kollha tal-libsa bla kmiem.
35 U għandu jilbisha Aron sabiex jaqdi bħala qassis, u l-ħoss li tagħmel irid jinstemaʼ meta jidħol fis-santwarju quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, u meta joħroġ, għax inkella jmut.
36 “Agħmel strixxa tleqq tad-deheb pur u naqqax fuqha bħalma wieħed inaqqax fuq siġill: ‘Il-qdusija hi taʼ Ġeħova.’
37 Orbotha mat-turban b’lazz blu. Din għandha tibqaʼ fuq in-naħa taʼ quddiem tat-turban.
38 Din tkun fuq moħħ Aron, u Aron irid iġorr ir-responsabbiltà meta xi ħadd jiżbalja kontra l-affarijiet qaddisin, li l-Iżraelin iqaddsu meta joffruhom bħala rigali qaddisin. Trid tkun dejjem fuq moħħu, sabiex jiksbu l-approvazzjoni quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
39 “Inseġ il-libsa twila ċċangjata tal-għażel fin, agħmel turban tal-għażel fin, u agħmel terħa minsuġa.
40 “Tagħmel ukoll ilbiesi twal, trieħi, u traban* għat-tfal t’Aron, għall-glorja u l-ġmiel.
41 Libbes lil ħuk Aron u lit-tfal tiegħu flimkien, idlikhom,* inkarigahom,* u ddedikahom lili,* u huma jaqdu bħala qassisin għalija.
42 Agħmlilhom ukoll qliezet qosra* tal-għażel biex jgħattu l-partijiet privati tagħhom. Għandhom ikunu minn ġenbejhom sa koxxtejhom.
43 Aron u t-tfal tiegħu jridu jilbsuhom meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jersqu lejn l-artal biex jaqdu fil-post qaddis, sabiex ma jġibux ħtija fuqhom u jmutu. Din hi liġi għal dejjem għalih u għat-tfal tiegħu warajh.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “għorrief f’qalbhom.”
^ Letteralment “l-ispirtu tal-għerf.”
^ Jew “ikun qaddis.”
^ Ħaġra prezzjuża mhix identifikata li tistaʼ tkun ambra, ġjaċint, opal, jew tormalina.
^ Letteralment “qalbu.”
^ Letteralment “qalb.”
^ Letteralment “qalbu.”
^ Dawn it-traban kienu magħmulin mid-drapp u kienu jkunu mdawrin maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellhom forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.
^ Letteralment “imlielhom idhom.”
^ Jew “agħmilhom qaddisin.”
^ Jew “qliezet taʼ taħt.”