Eżodu 39:1-43
39 Mill-ħajt blu, is-suf vjola, u l-ħajt aħmar jgħajjat, huma għamlu ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod biex il-qassisin jaqdu bihom fil-post qaddis. Għamlu l-ħwejjeġ qaddisa għal Aron, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
2 Hu għamel l-efod* mid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin.
3 Huma ħadmu pjanċi tad-deheb u għamluhom folji rqaq, u hu qatagħhom fi ħjut biex jirrakkmahom mal-ħajt blu, is-suf vjola, u l-ħajt aħmar jgħajjat, u għamel l-efod bihom.
4 Huma għamlu biċċtejn għal fuq l-ispallejn biex jorbtu l-parti taʼ quddiem maʼ taʼ wara minn fuq.
5 U ċ-ċinturin minsuġ li ġie mqabbad mal-efod biex iżommu f’postu kien tal-istess materjal: deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
6 Imbagħad għamlu deheb mad-dawra tal-ħaġar tal-oniċi biex iżommhom f’posthom, u naqqxu l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael fuqhom bħalma kieku jnaqqxu siġill.
7 Hu qegħedhom fuq il-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod bħala ħaġar taʼ tifkira għat-tfal t’Iżrael, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
8 Imbagħad irrakkma l-pettoral* bis-sengħa, bħalma rrakkma l-efod: bid-deheb, ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin.
9 Meta l-pettoral kien ikun mitwi fi tnejn, dan kien ikun kwadru, u t-tul u l-wisaʼ tiegħu kienu daqs xiber taʼ id.*
10 U waħħlu miegħu erbaʼ ringieli taʼ ħaġar prezzjuż. L-ewwel ringiela kien fiha rubin, topazju, u żmerald.
11 It-tieni ringiela kien fiha turkina, żaffir, u djaspru.
12 It-tielet ringiela kien fiha lesem,* agata, u ametist.
13 U r-rabaʼ ringiela kien fiha krisolitu, oniċi, u ġada. Dawn kellhom deheb mad-dawra tagħhom biex iżommhom f’posthom.
14 Kien hemm ħaġra prezzjuża għal kull wieħed mit-tfal t’Iżrael. Kull ħaġra prezzjuża ġiet imnaqqxa, bħalma jiġi mnaqqax siġill, b’isem taʼ wieħed mit-12-il tribù.
15 Fuq il-pettoral għamlu ħbula magħmulin minn ħajt tad-deheb pur.
16 U għamlu żewġ dwawar tad-deheb u żewġ ħolqiet tad-deheb u qabbdu ż-żewġ ħolqiet maż-żewġt itruf tal-pettoral.
17 Wara dan, għaddew iż-żewġ ħbula tad-deheb miż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral.
18 U għaddew iż-żewġt itruf taż-żewġ ħbula miż-żewġ dwawar, u qabbduhom mal-biċċiet taʼ fuq l-ispallejn tal-efod, fuq in-naħa taʼ quddiem.
19 Imbagħad għamlu żewġ ħolqiet tad-deheb u qabbduhom maż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa taʼ ġewwa li tmiss mal-efod.
20 Imbagħad għamlu żewġ ħolqiet tad-deheb oħra fuq in-naħa taʼ quddiem tal-efod, taħt iż-żewġ biċċiet taʼ fuq l-ispallejn, viċin taʼ fejn jintrabat, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ tal-efod.
21 Fl-aħħar, rabtu l-pettoral b’lazz blu li jorbot il-ħoloq tiegħu mal-ħoloq tal-efod. Dan iżomm il-pettoral f’postu fuq l-efod, ’il fuq miċ-ċinturin minsuġ, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
22 Imbagħad għamel il-libsa bla kmiem li tintlibes taħt l-efod, minsuġa minn wieħed tas-sengħa, kollha kemm hi tal-ħajt blu.
23 Il-fetħa fejn tidħol ir-ras kienet fin-nofs tal-libsa, bħall-fetħa taʼ kurazza. Il-fetħa kellha bordura mad-dawra kollha sabiex ma titqattax.
24 Imbagħad mal-keffa tal-libsa bla kmiem għamlu rummien tal-ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat mibrumin kollha flimkien.
25 U għamlu qniepen żgħar tad-deheb pur u poġġewhom bejn ir-rummien mad-dawra kollha tal-keffa tal-libsa bla kmiem;
26 qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena, qanpiena żgħira tad-deheb u rummiena madwar il-keffa kollha tal-libsa bla kmiem, li kienet tintuża biex jaqdi biha l-qassis, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
27 U għamlu l-ilbiesi twal tal-għażel fin, maħdumin minn xi ħadd li jinseġ bin-newl, għal Aron u għat-tfal tiegħu,
28 it-turban tal-għażel fin u t-traban* tal-għażel fin tat-tfal t’Aron, il-qliezet qosra* tal-għażel fin,
29 u t-terħa tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat minsuġin kollha flimkien, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
30 Fl-aħħar, għamlu l-istrixxa tleqq, jiġifieri s-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,* mid-deheb pur u naqqxu fuqha bħalma wieħed inaqqax siġill: “Il-qdusija hi taʼ Ġeħova.”
31 Huma rabtu magħha lazz tal-ħajt blu biex ipoġġuha fuq it-turban, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
32 Għalhekk, tlesta x-xogħol kollu tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, u l-Iżraelin għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Għamlu preċiż hekk.
33 Imbagħad ħadu għand Mosè l-partijiet kollha tat-tabernaklu: it-tinda u l-għodod kollha tagħha, il-ganċijiet, il-frejms magħmulin mit-twavel, il-lasti, u l-kolonni u l-pedestalli tagħhom b’toqba fihom;
34 il-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u l-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien biex jgħattuh, u l-purtiera li tifred;
35 l-arka tat-Testimonjanza, il-lasti tagħha, u l-għatu;
36 il-mejda, l-għodod kollha tagħha, u l-ħobż tal-preżenza;
37 il-gandlier tad-deheb pur, il-lampi tiegħu li qegħdin f’ringiela, l-għodod kollha tiegħu, u ż-żejt għad-dawl;
38 l-artal tad-deheb, iż-żejt tad-dlik, l-inċens ifuħ, u l-purtiera għad-daħla tat-tinda;
39 l-artal tar-ram, il-gradilja tiegħu tar-ram, il-lasti tiegħu, l-għodod kollha tiegħu, u l-vaska u l-bażi tagħha;
40 il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-pilastri tagħha bil-pedestalli b’toqba fihom, il-purtiera għad-daħla tal-bitħa, il-ħbula u l-imsiemer tat-tined tagħha, u l-għodod kollha għas-servizz tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa;
41 il-ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod biex jaqdu bihom fis-santwarju, il-ħwejjeġ qaddisa għal Aron il-qassis, u l-ħwejjeġ għat-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin.
42 L-Iżraelin għamlu x-xogħol kollu skont kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
43 Meta Mosè eżamina x-xogħol kollu tagħhom, hu ra li kienu għamluh bħalma kien ikkmanda Ġeħova. B’hekk Mosè berikhom.
Noti taʼ taħt
^ Ħaġra prezzjuża mhix identifikata li tistaʼ tkun ambra, ġjaċint, opal, jew tormalina.
^ Dawn it-traban kienu magħmulin mid-drapp u kienu jkunu mdawrin maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellhom forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.
^ Jew “qliezet taʼ taħt.”
^ Jew “il-kuruna qaddisa.”