Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 2:1-47

  • Jitferraʼ l-ispirtu qaddis f’Pentekoste (1-13)

  • Il-prietka taʼ Pietru (14-36)

  • Il-folol jaċċettaw dak li jgħid Pietru (37-41)

    • Jitgħammdu 3,000 ruħ (41)

  • Sħubija Kristjana (42-47)

2  Matul il-festa taʼ Pentekoste, id-dixxipli kienu kollha fl-istess post.  Kif kienu bilqiegħda, f’daqqa waħda nstemaʼ ħoss mis-sema mad-dar kollha bħal dak taʼ riħ qawwi.  Huma raw fjammi tan-nar qishom ilsna li tqassmu u marru fuq kull persuna,  u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom. Imbagħad, ilkoll bdew jitkellmu b’lingwi* differenti, skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis.  Dak iż-żmien f’Ġerusalemm kien hemm Lhud minn mad-dinja kollha li jirrispettaw ħafna lil Alla.  Meta nstemaʼ dan il-ħoss, inġabret folla u baqgħet mistagħġba għax kull wieħed beda jismaʼ lid-dixxipli jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess.  Infatti huma baqgħu mbellhin għall-aħħar u qalu: “Dawn in-nies mhux kollha mill-Galilija?  Allura kif jistaʼ jkun li kull wieħed minna qed jismaʼ bil-lingwa tiegħu stess?*  In-nies li hawn huma Partin, Medin, Għelamin, mill-Mesopotamja, il-Lhudija, il-Kappadoċja, il-Pontu, il-provinċja tal-Asja, 10  il-Friġja, il-Pamfilja, l-Eġittu, ir-reġjuni tal-Libja li huma viċin Ċirene, kif ukoll uħud li ġew minn Ruma. Uħud minna huma Lhud u oħrajn jimxu mat-tagħlim tal-Lhud. 11  Hawn ukoll nies minn Kreta u l-Arabja. Aħna qed nisimgħuhom jitkellmu bil-lingwa tagħna dwar l-affarijiet tal-għaġeb t’Alla.” 12  Iva, kienu lkoll mistagħġbin u mħawdin u bdew jgħidu lil xulxin: “X’qed jiġri?” 13  Imma oħrajn bdew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt u jgħidu: “Dawn fis-sakra.” 14  Imma Pietru qam bilwieqfa mal-Ħdax u qalilhom b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija u taʼ Ġerusalemm kollha, isimgħu b’attenzjoni dak li se ngħidilkom. 15  Dawn in-nies mhumiex fis-sakra, bħalma qed taħsbu intom, għax għadu kmieni.* 16  Anzi, permezz tagħhom qed iseħħ dak li qal il-profeta Ġoel: 17  ‘Alla jgħid, “Fl-aħħar jiem se nitfaʼ ftit mill-ispirtu tiegħi fuq kull tip taʼ nies, u t-tfal tagħkom subien u bniet se jipprofetizzaw, l-irġiel żgħażagħ tagħkom se jaraw viżjonijiet, u l-irġiel xjuħ se jkollhom ħolm. 18  U f’dawk il-jiem se nitfaʼ ftit mill-ispirtu tiegħi anki fuq l-ilsiera rġiel u nisa tiegħi u huma jipprofetizzaw. 19  Jien se nagħmel affarijiet tal-għaġeb fis-sema u sinjali fuq l-art: demm, nar, u duħħan. 20  Qabel ma jiġi l-jum il-kbir u speċjali taʼ Ġeħova,* ix-xemx se tinbidel fi dlam u l-qamar f’demm. 21  U kull min jitlob lil* Ġeħova* għall-għajnuna billi juża ismu se jiġi salvat.”’ 22  “Nies t’Iżrael, isimgħu dan: Alla wriekom biċ-ċar li hu bagħat lil Ġesù n-Nazzarenu billi għamel mirakli u affarijiet tal-għaġeb fostkom permezz tiegħu, bħalma intom tafu sew. 23  Alla kien jaf minn qabel li hu kien se jiġi arrestat, u għalhekk dan kien skont dak li jrid hu. Intom tajtuh f’idejn nies ħżiena* biex isammruh maʼ zokk u qtiltuh. 24  Imma Alla rxoxtah billi ħelsu mill-mewt,* għax din ma kellhiex il-qawwa li żżommu. 25  Għax David qal dwaru, ‘Jien dejjem inżomm f’moħħi lil Ġeħova,* għax hu fuq il-lemin tiegħi ħalli qatt ma nħossni ansjuż. 26  Minħabba f’hekk, qalbi se tifraħ u se nitkellem b’ferħ kbir. Matul ħajti se nafda f’Alla, 27  għax int mhux se tħallini* fil-Qabar,* Alla tiegħi, u lanqas se tħalli l-ġisem tal-leali tiegħek jitħassar. 28  Int turini liema hi t-triq tal-ħajja. Li nkun miegħek jagħmilni ferħan ħafna.’ 29  “Aħwa, nistaʼ nkellimkom bil-libertà tal-kelma dwar il-kap tal-familja David, li miet, indifen, u l-qabar tiegħu għadu hawn sal-lum. 30  Peress li kien profeta u kien jaf li Alla ħaliflu li se jqiegħed wieħed mit-tfal* tiegħu fuq it-tron, 31  hu kien jaf minn qabel dwar l-irxoxt tal-Kristu. Ukoll qal li ma kienx se jitħalla fil-Qabar* u li ġismu ma kienx se jitħassar. 32  Alla rxoxta lil Ġesù, u aħna lkoll xhieda taʼ dan. 33  Għalhekk, peress li Ġesù telaʼ s-sema, qagħad fuq il-lemin t’Alla, u rċieva l-ispirtu qaddis li kien imwiegħed mingħand il-Missier, hu tana* l-ispirtu qaddis bħalma qed taraw u tisimgħu. 34  Għax David ma telax is-sema, imma hu stess qal, ‘Ġeħova* qal lill-Mulej tiegħi: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi 35  sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.”’ 36  Għalhekk, kunu ċerti nies kollha t’Iżrael li Alla għamel lil Ġesù kemm Mulej u kemm Kristu, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk.” 37  Meta semgħu dan, huma tgħidx kemm iddispjaċiehom u qalu lil Pietru u lill-bqija tal-appostli: “Aħwa, x’għandna nagħmlu?” 38  Pietru qalilhom: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu ħalli jinħafrulu d-dnubiet, u intom tirċievu r-rigal b’xejn tal-ispirtu qaddis. 39  Għax din il-wegħda hi għalikom, għat-tfal tagħkom, u għal dawk kollha li huma ’l bogħod, jiġifieri dawk kollha li l-Alla tagħna Ġeħova* għażel.” 40  Hu kompla jkellimhom, jagħtihom xhieda fid-dettall, u jħeġġiġhom: “Infirdu minn dawn in-nies ħżiena, ħalli ma tinqerdux magħhom.” 41  Għalhekk, dawk li aċċettaw mill-qalb dak li qal, tgħammdu. U dakinhar madwar 3,000 ruħ saru dixxipli. 42  Huma komplew jitgħallmu mingħand l-appostli, jiltaqgħu flimkien,* jieklu, u jitolbu. 43  L-appostli bdew jagħmlu ħafna affarijiet tal-għaġeb u mirakli, u meta n-nies* raw dan bdew jirrispettaw ħafna lil* Alla. 44  Dawk kollha li saru dixxipli nġabru flimkien u qasmu kulma kellhom bejniethom. 45  Huma kienu jbigħu l-affarijiet li kellhom u l-propjetà tagħhom u jqassmu l-flus maʼ kulħadd, skont il-bżonn taʼ kull wieħed. 46  Kuljum kienu jiltaqgħu t-tempju flimkien. Kienu jmorru fi djar differenti u jaqsmu l-ikel b’ferħ kbir u mill-qalb. 47  Huma kienu jfaħħru lil Alla, u n-nies kollha kienu jieħdu gost bihom. U fl-istess żmien, Ġeħova* kien qed iżid kuljum id-dixxipli li kienu se jiġu salvati.

Noti taʼ taħt

Jew “b’ilsna.”
Jew “tʼart twelidu?”
Letteralment “it-tielet siegħa,” jiġifieri d-disgħa taʼ filgħodu.
Jew “jgħajjat isem.”
Jew “li jiksru l-liġi.”
Letteralment “mill-uġigħ tal-mewt.” Jew forsi “mill-ħbula tal-mewt.”
Jew “tħalli lil ruħi.”
Jew “f’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “mid-dixxendenti.”
Jew “f’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “ferraʼ.”
Jew “jaqsmu l-affarijiet bejniethom.”
Jew “kull ruħ.”
Letteralment “jibżgħu minn.”