Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 25:1-27

  • Pawlu jgħaddi ġuri quddiem Festu (1-12)

    • “Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!” (11)

  • Festu jitkellem mar-Re Agrippa (13-22)

  • Pawlu jidher quddiem Agrippa (23-27)

25  Tlett ijiem wara li Festu wasal fil-provinċja u ħa t-tmexxija, telaʼ Ġerusalemm minn Ċesarija.  Il-qassisin u l-irġiel importanti tal-Lhud taw xi informazzjoni lil Festu kontra Pawlu. Għalhekk, bdew jitolbuh bil-ħniena  biex jagħmlilhom pjaċir u jġibilhom lil Pawlu Ġerusalemm. Imma huma kienu qed jippjanaw li jattakkaw lil Pawlu u joqtluh fit-triq.  Imma Festu wieġeb li Pawlu kellu jinżamm Ċesarija u li hu stess dalwaqt kien se jmur hemm.  Hu qalilhom: “Jekk dan ir-raġel vera għamel xi ħaġa ħażina, ħa jiġu miegħi l-irġiel taʼ pożizzjoni għolja minn fostkom u jakkużawh.”  Għalhekk, wara li qattaʼ xi tmint ijiem jew għaxra magħhom, hu niżel Ċesarija, u l-għada qagħad bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju u kkmanda biex iġibulu lil Pawlu.  Meta wasal, il-Lhud li kienu ġew minn Ġerusalemm qagħdu madwaru u bdew jakkużawh b’ħafna affarijiet serji li ma setgħux jagħtu prova tagħhom.  Imma Pawlu ddefenda ruħu billi qal: “Jien m’għamilt xejn ħażin, la kontra l-Liġi tal-Lhud, la kontra t-tempju, u lanqas kontra Ċesari.”  Peress li Festu ried jingħoġob mil-Lhud, qal lil Pawlu: “Trid titlaʼ Ġerusalemm u tiġi ġġudikat quddiemi hemm?” 10  Imma Pawlu qallu: “Jien qiegħed quddiem it-tron tal-ġudizzju taʼ Ċesari fejn suppost għandi niġi ġġudikat. Bħalma qed tara, jien m’għamiltilhom xejn ħażin lil-Lhud. 11  Jekk jien vera bniedem ħażin u għamilt xi ħaġa li għaliha jistħoqqli mmut, mhux se noqgħod nitlob li ma ninqatilx. Imma jekk dak li qed jakkużawni bih mhux veru, ħadd m’għandu d-dritt li jagħtini f’idejhom biex jagħmlilhom pjaċir. Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!” 12  Wara li Festu tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri, qal: “La trid tidher quddiem Ċesari, nibagħtek hemm.” 13  Xi ġranet wara, ir-Re Agrippa u Berniċe marru Ċesarija biex jagħmlu żjara uffiċjali lil Festu. 14  Peress li qattgħu xi ġranet hemm, Festu tkellem mar-re dwar il-każ taʼ Pawlu u qallu: “Hemm wieħed li tħalla l-ħabs minn Feliċ, 15  u meta kont Ġerusalemm il-qassisin importanti u l-anzjani* tal-Lhud akkużawh u riduni nikkundannah. 16  Imma jien għedtilhom li mhux skont il-proċedura Rumana li nagħti lil xi ħadd f’idejhom bħala pjaċir qabel ma jiltaqaʼ maʼ dawk li akkużawh u jkollu ċ-ċans jiddefendi lilu nnifsu. 17  Għalhekk meta ġew, jien ma tliftx ħin, imma l-għada qgħadt bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju u kkmandajt biex iġibuh quddiemi. 18  Meta dehru quddiemi, akkużawh b’ħafna affarijiet, imma m’akkużawh bl-ebda ħaġa ħażina li immaġinajt li għamel. 19  Huma sempliċement kellhom xi argumenti miegħu dwar il-mod kif iqimu lill-alla* tagħhom u dwar raġel jismu Ġesù li hu mejjet, imma li Pawlu baqaʼ jgħid li hu ħaj. 20  Peress li ma kontx naf x’se nagħmel dwar l-argument, staqsejtu jekk riedx imur Ġerusalemm u jiġi ġġudikat hemm. 21  Imma meta Pawlu talab biex jinżamm arrestat sakemm jieħu deċiżjoni l-Awgustu,* jien ikkmandajt li jinżamm sakemm nibagħtu għand Ċesari.” 22  Imbagħad Agrippa qal lil Festu: “Nixtieq nisimgħu lil dan ir-raġel.” Festu qallu: “Għada tisimgħu.” 23  Għalhekk, l-għada, Agrippa u Berniċe marru b’ħafna ċerimonji biex juru kemm huma importanti. Huma daħlu l-qorti flimkien mal-kmandanti militari u l-irġiel importanti tal-belt. Imbagħad Festu ta kmand u ġabu lil Pawlu. 24  Festu qal: “Re Agrippa u kull min qiegħed hawn, dan hu r-raġel li l-Lhud kollha taʼ Ġerusalemm u t’hawnhekk ġew jakkużawh quddiemi u bdew jgħajtu li m’għandux jibqaʼ ħaj. 25  Imma jien indunajt li ma kien għamel xejn li għalih jistħoqqlu l-mewt. Allura, meta talab biex jidher quddiem l-Awgustu, iddeċidejt li nibagħtu. 26  Imma m’hemm xejn fiċ-ċert li nistaʼ nikteb dwaru lil Sidi. Għalhekk ġibtu quddiemkom, l-iktar biex jidher quddiemek Re Agrippa, ħalli wara li jiġi interrogat, forsi jkolli xi ħaġa x’nikteb. 27  Għax għalija ma jagħmilx sens li nibgħat ħabsi Ruma mingħajr ma nsemmi x’inhuma l-akkużi kontrih.”

Noti taʼ taħt

Jew “dwar ir-reliġjon.”
Titlu għall-imperatur Ruman.