Dewteronomju 1:1-46
1 Dan hu l-kliem li Mosè qal lil Iżrael kollu fir-reġjun tal-Ġordan fid-deżert, fil-pjanuri tad-deżert quddiem Suf, u bejn il-Faran, Tofel, Laban, Ħaserot, u Diżaħab.
2 Hemm 11-il jum mixi minn Ħoreb sa Kades-barnegħa mit-triq li tagħti għall-Muntanja Segħir.
3 Fis-sena 40 mindu l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu, fl-ewwel jum tal-11-il xahar, Mosè qal lill-Iżraelin* kulma Ġeħova kien ikkmandah jgħidilhom.
4 Dan kien wara li rebaħ lil Siħon ir-re tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon, u lil Għog ir-re tal-Basan, li kien jgħix f’Għastarot, f’Edrej.
5 Fir-reġjun tal-Ġordan fl-art taʼ Mowab, Mosè beda jispjega din il-Liġi u qal:
6 “Ġeħova l-Alla tagħna qalilna f’Ħoreb, ‘Ilkom biżżejjed f’dan ir-reġjun muntanjuż.
7 Morru fir-reġjun muntanjuż tal-Amurrin u fir-reġjuni taʼ ħdejh: fl-Għaraba, fir-reġjun muntanjuż, fis-Sefela, fin-Negeb, u fir-reġjun tal-kosta tal-baħar. Morru fl-art tal-Kangħanin. Morru sal-Libanu* u l-Ewfrat, ix-xmara l-kbira.
8 Qegħedt l-art quddiemkom. Idħlu u ħudu l-art li Ġeħova ħalef li jagħtiha lil missirijietkom, lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, u lid-dixxendenti tagħhom.’*
9 “Dik il-ħabta jien għedtilkom, ‘Ma nistax immexxikom waħdi.
10 Ġeħova l-Alla tagħkom żiedkom ħafna, u intom illum sirtu daqs l-istilel tas-sema.
11 Jalla Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, iżidkom elf darba iktar milli intom, u jalla jberikkom bħalma wegħedkom.
12 Kif nistaʼ nġorr waħdi l-piż, it-tagħbija, u l-argumenti tagħkom?
13 Agħżlu rġiel għorrief, għaqlin, u bl-esperjenza mit-tribujiet tagħkom, u jien ninkarigahom kapijiet fuqkom.’
14 Intom wiġibtuni, ‘Dak li għedtilna nagħmlu hu tajjeb.’
15 Għalhekk, jien ħadt il-kapijiet tat-tribujiet tagħkom, irġiel għorrief u bl-esperjenza, u inkarigajthom bħala kapijiet fuqkom, kapijiet tal-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, kapijiet tal-għaxriet, u uffiċjali tat-tribujiet tagħkom.
16 “Għal dik il-ħabta jien tajt lill-imħallfin tagħkom dawn l-istruzzjonijiet: ‘Meta wħud mill-poplu jiġu għandkom b’xi każ, tridu tiġġudikaw b’ġustizzja, kemm jekk ikun bejn żewġ Iżraelin u kemm jekk ikun bejn Iżraeli u resident barrani.
17 Turux preferenzi meta tiġġudikaw. Għandkom tisimgħu lill-fqir l-istess bħas-sinjur. Tibżgħux minn xi bniedem, għax il-ġudizzju hu t’Alla. Jekk xi każ ikun diffiċli wisq għalikom, għandkom tippreżentawh lili u nisimgħu jien.’
18 Għal dik il-ħabta jien tajtkom istruzzjonijiet dwar kulma għandkom tagħmlu.
19 “Imbagħad, bħalma kien ikkmandana Ġeħova l-Alla tagħna, aħna tlaqna minn Ħoreb u mxejna minn ġo dak id-deżert kbir u tal-biżaʼ li intom rajtu fit-triq li tagħti għar-reġjun muntanjuż tal-Amurrin, u fl-aħħar wasalna Kades-barnegħa.
20 Imbagħad għedtilkom, ‘Wasaltu fir-reġjun muntanjuż tal-Amurrin, li Ġeħova l-Alla tagħna qed jagħtina.
21 Ġeħova l-Alla tagħkom ta l-art lilkom. Itilgħu u ħuduha f’idejkom bħalma qalilkom Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom. Tibżgħux u titwerwrux.’
22 “Madankollu, ilkoll kemm intom ġejtu għandi u għedtuli, ‘Ħa nibagħtu xi rġiel qabilna biex jitkixxfu x’fiha l-art u jġibulna l-aħbar dwar liema triq għandna naqbdu u dwar x’tip taʼ bliet se mmorru fihom.’
23 Is-suġġeriment deher tajjeb għalija, u għalhekk għażilt 12-il raġel minnkom, wieħed minn kull tribù.
24 Huma telqu u telgħu lejn ir-reġjun muntanjuż u waslu fil-Wied t’Eskol u tkixxfu x’fiha l-art.
25 U ġabulna ftit mill-prodott tal-art u qalulna, ‘L-art li se jagħtina Ġeħova l-Alla tagħna hi tajba.’
26 Imma intom ma ridtux tmorru, u rribellajtu kontra l-kmand taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom.
27 Intom bqajtu tgergru fit-tined tagħkom u tgħidu, ‘Hu għax Ġeħova jobgħodna li ħariġna mill-art tal-Eġittu biex jagħtina f’idejn l-Amurrin u jeqridna għalkollox.
28 Ma rridux immorru hemm. Ħutna qatgħulna qalbna meta qalulna: “Huma poplu akbar u itwal minna, u l-bliet tagħhom huma kbar u bis-swar sas-sema,* u rajna lit-tfal tal-Għanakin hemm.”’
29 “Għalhekk jien għedtilkom, ‘Titwerwrux u tibżgħux minħabba fihom.
30 Ġeħova l-Alla tagħkom sejjer qabilkom u se jiġġieled għalikom, bħalma għamel fl-Eġittu quddiem għajnejkom stess.
31 U fid-deżert intom rajtu kif bħalma raġel iġorr lil ibnu, Ġeħova l-Alla tagħkom ġarrkom kull fejn mortu sakemm wasaltu f’dan il-post.’
32 Imma minkejja dan kollu, intom ma kellkomx fidi f’Ġeħova l-Alla tagħkom,
33 li kien miexi quddiemkom fit-triq biex ifittex post għalikom fejn tikkampjaw. Hu deher permezz taʼ nar billejl u permezz taʼ sħaba matul il-jum biex jurikom minn fejn għandkom tgħaddu.
34 “Sadanittant, Ġeħova semaʼ dak li kontu qed tgħidu, u rrabja u ħalef,
35 ‘Ħadd minn din il-ġenerazzjoni mill-agħar mhu se jara l-art tajba li jien ħlift li nagħtiha lil missirijietkom,
36 ħlief Kaleb bin Ġefunne. Hu jaraha, u jien se nagħti l-art li mexa fuqha lilu u lit-tfal tiegħu, għax hu mexa warajja, Ġeħova, b’qalbu kollha.’*
37 Ġeħova rrabja anki miegħi minħabba fikom u qalli, ‘Int ukoll ma tidħolx hemmhekk.
38 Ġożwè bin Nun li qiegħed quddiemek jidħol fl-art. Saħħu,* għax se jmexxi lil Iżrael biex jiret l-art.’
39 Alla qalilkom, ‘Iktar minn hekk, huma t-tfal tagħkom li għedtu li se jsiru lsiera u li llum ma jafux x’inhu tajjeb jew x’inhu ħażin li se jidħlu, u jien nagħtiha lilhom biex tkun tagħhom.
40 Imma intom duru lura u itilqu lejn id-deżert mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar.’
41 “U għal dan għedtuli, ‘Dnibna kontra Ġeħova. Aħna issa se nitilgħu u niġġieldu, bħalma kkmandana Ġeħova l-Alla tagħna!’ Għalhekk, ilkoll kemm intom ħadtu l-armi tal-gwerra u ħsibtu li kien se jkun faċli li titilgħu l-muntanja.
42 Imma Ġeħova qalli, ‘Għidilhom: “Titilgħux biex tiġġieldu, għax jien mhux se nkun magħkom. Jekk tmorru, se tiġu megħlubin mill-għedewwa tagħkom.”’
43 Għalhekk, jien kellimtkom, imma intom ma smajtux minni. Minflok, irribellajtu kontra l-kmand taʼ Ġeħova billi kontu prużuntużi u pprovajtu titilgħu fuq il-muntanja.
44 Imbagħad l-Amurrin li kienu qed jgħixu fuq dik il-muntanja ħarġu jattakkawkom u ġrew warajkom bħalma jagħmel in-naħal, u xerrdukom fis-Segħir saħansitra sa Ħorma.
45 B’hekk, ġejtu lura u bdejtu tibku quddiem Ġeħova, imma Ġeħova la semagħkom u lanqas ta kaskom.
46 Hu għalhekk li bqajtu tgħixu f’Kades għal ħafna żmien.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “lit-tfal t’Iżrael.”
^ Milli jidher ir-reġjun muntanjuż tal-Libanu.
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnhom.”
^ Jiġifieri bi swar għoljin ħafna.
^ Letteralment “għalkollox.”
^ Jew forsi “Alla saħħu.”