Dewteronomju 15:1-23
15 “Wara kull sebaʼ snin, għandek tagħti ħelsien.
2 Dan hu t-tip taʼ ħelsien: Min jislef għandu jeħles lil Iżraeli ieħor mid-dejn li jkun daħal fih. M’għandux jinsisti biex iħallsu, għax tħabbar ħelsien bil-kmand taʼ Ġeħova.
3 Int tistaʼ tinsisti biex il-barrani jħallsek, imma għandek taħfer id-dejn kollu li ħuk għandu miegħek.
4 Madankollu, ħadd minnkom m’għandu jsir fqir, għax Ġeħova żgur li se jbierkek fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt biex tiħodha f’idejk.
5 Dan se jagħmlu jekk tobdi bir-reqqa lil Ġeħova l-Alla tiegħek u toqgħod attent li tobdi dawn il-kmandamenti kollha li qed nagħtik illum.
6 Għax Ġeħova l-Alla tiegħek se jbierkek bħalma wiegħdek, u int issellef lil ħafna popli, imma ma jkollokx għalfejn tissellef. Int tiddomina lil ħafna popli, imma huma ma jiddominawkx.
7 “Jekk xi ħadd minn ħutek isir fqir f’waħda mill-bliet tiegħek fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik, tkunx bla qalb jew idek magħluqa* maʼ ħuk il-fqir.
8 Għax għandek tkun idek miftuħa miegħu b’mod ġeneruż u tisilfu dak li għandu bżonn jew jonqsu.
9 Oqgħod attent li ma jkollokx din l-idea ħażina f’qalbek, ‘Is-sebaʼ sena, is-sena tal-ħelsien, qorbot,’ u għalhekk ma tkunx ġeneruż maʼ ħuk il-fqir u ma tagħtih xejn. Jekk jgħajjat lil Ġeħova u jakkużak, dan ikun dnub min-naħa tiegħek.
10 Għandek tagħtih b’mod ġeneruż u mhux b’nofs qalb, għax hu minħabba f’hekk li Ġeħova l-Alla tiegħek ibierek xogħlok u kulma tagħmel.
11 Għax dejjem se jkun hemm nies foqra fl-art. Huwa għalhekk li qed nikkmandak, ‘Għandek tkun idek miftuħa b’mod ġeneruż maʼ ħuk li jkun batut u fqir f’artek.’
12 “Jekk xi ħadd minn ħutek, Lhudi jew Lhudija, jinbiegħ lilek u jkun qdiek għal sitt snin, fis-sebaʼ sena għandek teħilsu.
13 U meta teħilsu, tibagħtux b’idu vojta.
14 Għandek tagħtih b’mod ġeneruż xi ħaġa mill-merħla, mill-prodott tal-għelieqi, miż-żejt taż-żebbuġa, u mill-inbid tiegħek. Għandek tagħtih skont kemm Ġeħova l-Alla tiegħek bierek lilek.
15 Ftakar li int kont ilsir fl-art tal-Eġittu u li Ġeħova l-Alla tiegħek fdiek.* Huwa għalhekk li llum qed nikkmandak tagħmel dan.
16 “Imma jekk hu jgħidlek li ma jridx jitlaq minn miegħek għax iħobb lilek u lin-nies taʼ darek, peress li kien kuntent kemm dam miegħek,
17 ħudu ħdejn il-bieb u taqqablu widintu b’xifa, u hu jsir l-ilsir tiegħek ħajtu kollha. Għandek tagħmel l-istess lill-ilsira tiegħek.
18 Tqisx li hi xi ħaġa inġusta li teħilsu u jitilqek, għaliex is-servizz li tak għal sitt snin kien jiswa d-doppju taʼ dak taʼ ħaddiem mikri, u Ġeħova l-Alla tiegħek bierkek f’kulma sar.
19 “Int għandek tqaddes għal Ġeħova l-Alla tiegħek kull l-ewwel ferħ raġel mill-imrieħel tal-baqar u n-nagħaġ tiegħek. Tagħmel ebda xogħol bl-ewwel ferħ tal-imrieħel tal-baqar* u lanqas taqtaʼ s-suf tal-ewwel ferħ tal-imrieħel tan-nagħaġ tiegħek.
20 Int u n-nies taʼ darek għandkom tikluh quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom minn sena għal sena fil-post li jagħżel Ġeħova.
21 Imma jekk ikollu xi difett, ikun zopp, agħmi, jew ikollu xi difett serju ieħor, toffrihx lil Ġeħova l-Alla tiegħek.
22 Għandek tieklu fil-bliet* tiegħek, kemm il-persuna mhix nadifa u kemm dik nadifa, bħallikieku kien għażżiel jew ċerv.
23 Imma m’għandekx tiekol demmu. Għandek tferrgħu fl-art bħall-ilma.