Dewteronomju 2:1-37

  • Jiġġerrew fid-deżert għal 38 sena (1-23)

  • Jirbħu lir-Re Siħon taʼ Ħesbon (24-37)

2  “Imbagħad dorna u tlaqna lejn id-deżert mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar, bħalma kien qalli Ġeħova, u vvjaġġajna għal ħafna jiem madwar il-Muntanja Segħir.  Fl-aħħar, Ġeħova qalli,  ‘Ilkom biżżejjed idduru madwar din il-muntanja. Issa duru lejn it-Tramuntana.  U agħti dan il-kmand lin-nies: “Se tgħaddu minn ħdejn il-fruntiera taʼ ħutkom mill-familja t’Għesaw, li qed jgħixu fis-Segħir, u huma se jibżgħu minnkom, u intom tridu toqogħdu attenti ħafna.  Tiġġildux kontrihom,* għax mhu se nagħtikom xejn minn arthom, lanqas kemm toqgħod pala taʼ sieq; għaliex il-Muntanja Segħir tajtha lil Għesaw.  Għandkom tagħtuhom il-flus għall-ikel li tieklu, u tħallsu għall-ilma li tixorbu.  Għax Ġeħova l-Alla tagħkom berikkom f’kulma għamiltu. Hu konxju taʼ kull pass li għamiltu f’dan id-deżert kbir. Matul dawn l-40 sena, Ġeħova l-Alla tagħkom kien magħkom u ma kien jonqoskom xejn.”’  Għalhekk, għaddejna minn ħdejn ħutna mill-familja t’Għesaw, li qed jgħixu fis-Segħir, u żammejna ’l bogħod mit-triq li tagħti għall-Għaraba, minn Elat, u minn Għesjon-geber. “Imbagħad dorna u vvjaġġajna minn ħdejn it-triq tad-deżert taʼ Mowab.  Ġeħova mbagħad qalli, ‘Tiġġilidx maʼ Mowab u tiggwerrax kontrih, għaliex mhu se nagħtik xejn minn artu biex tkun tiegħek, għax Ar tajtha lil dawk li jiġu mill-familja taʼ Lot biex tkun tagħhom.’ 10  Qabel kienu jgħixu fiha l-Emin, poplu b’saħħtu u kbir u b’nies twal bħall-Għanakin. 11  Anki r-Refajin kienu meqjusin bħall-Għanakin, u l-Mowabin kienu jirreferu għalihom bħala Emin. 12  Qabel kien hemm il-Ħorin jgħixu fis-Segħir, imma dawk li jiġu mill-familja t’Għesaw ħadulhom il-propjetà tagħhom u qerduhom għalkollox u għexu hemm minflokhom, bħalma se jagħmlu l-Iżraelin fl-art li hi tagħhom u li Ġeħova żgur li se jagħtihom. 13  ‘Issa qumu u aqsmu l-Wied taʼ Żered.’ Għalhekk qsamna l-Wied taʼ Żered. 14  Iż-żmien li ħadna biex imxejna minn Kades-barnegħa sa ma qsamna l-Wied taʼ Żered kien 38 sena, sakemm il-ġenerazzjoni kollha tal-gwerriera kienet inqerdet mill-kampijiet, bħalma kien ħalfilhom Ġeħova. 15  Id Ġeħova kienet kontrihom biex tneħħihom mill-kampijiet sakemm inqerdu. 16  “Malli l-gwerriera kienu mietu minn fost il-poplu, 17  Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli, 18  ‘Illum se tgħaddi minn ħdejn it-territorju taʼ Mowab, jiġifieri Ar. 19  Meta tmur qrib l-Għammonin, taħqarhomx u tiġġilidx kontrihom, għax mhu se nagħtik xejn mill-art tal-Għammonin biex tkun tiegħek, għax tajtha lil dawk li jiġu mill-familja taʼ Lot biex tkun tagħhom.’ 20  Din kienet titqies ukoll bħala art ir-Refajin. Ir-Refajin kienu jgħixu fiha qabel, u l-Għammonin kienu jirreferu għalihom bħala Żamżummin. 21  Dawn kienu poplu b’saħħtu u kbir u b’nies twal bħall-Għanakin. Imma Ġeħova qeridhom għalkollox minn quddiem l-Għammonin, u dawn keċċewhom ’il barra u għexu hemm minflokhom. 22  Hu hekk għamel għal dawk li jiġu mill-familja t’Għesaw, li issa qed jgħixu fis-Segħir, meta qered għalkollox lill-Ħorin minn quddiemhom, sabiex setgħu jiħdulhom il-propjetà tagħhom u jgħixu hemm minflokhom sa dan il-jum. 23  U l-Għawwin kienu jgħixu fl-irħula sa Gaża, sakemm il-Kaftorin, li ħarġu minn Kaftor,* qerduhom għalkollox u għexu hemm minflokhom. 24  “‘Qumu u aqsmu l-Wied tal-Arnon. Jien tajtek f’idek lil Siħon l-Amurri, ir-re taʼ Ħesbon. Għalhekk, ibda ħu f’idejk artu, u ggwerra kontrih. 25  Illum, se nġiegħel lin-nies kollha tal-art li jisimgħu bik jitkexkxu u jibżgħu minnek. Huma se jinkwetaw u jitriegħdu* minħabba fik.’ 26  “Imbagħad, bgħatt xi messaġġiera mid-deżert taʼ Kedemot għand ir-Re Siħon taʼ Ħesbon b’dan il-kliem taʼ paċi, 27  ‘Ħallini ngħaddi minn artek. Se nibqaʼ fit-triq u ma ndurx lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. 28  Niekol u nixrob biss l-ikel u l-ilma li tbegħli. Biss ħallini ngħaddi, 29  bħalma għamlu dawk li jiġu mill-familja t’Għesaw li jgħixu fis-Segħir u l-Mowabin li jgħixu f’Ar, sakemm naqsam il-Ġordan u nidħol fl-art li qed jagħtina Ġeħova l-Alla tagħna.’ 30  Imma r-Re Siħon taʼ Ħesbon ma ħalliniex ngħaddu minn artu, għax Ġeħova l-Alla tiegħek ħallieh iwebbes rasu, sabiex jagħtih f’idejk bħalma hu llum. 31  “Imbagħad Ġeħova qalli, ‘Jien diġà bdejt nagħtik lil Siħon u lil artu. Ibda ħu artu f’idejk.’ 32  Meta ħareġ Siħon mal-poplu kollu tiegħu biex jiġġieled magħna f’Ġaħas, 33  Ġeħova l-Alla tagħna tahulna f’idejna, u b’hekk għelibna lilu, lit-tfal tiegħu, u lill-poplu kollu tiegħu. 34  F’dak iż-żmien, ħadna taħt idejna l-bliet kollha tiegħu u qridna lil kull belt, inkluż l-irġiel, in-nisa, u t-tfal. Ma ħallejna lil ħadd ħaj. 35  Ħadna biss il-bhejjem u l-affarijiet tal-bliet li konna għelibna. 36  Minn Għarogħer, li qiegħda fix-xifer tal-Wied tal-Arnon u mill-belt li qiegħda fil-wied, sa Gilegħad, ma kien hemm ebda belt b’saħħitha wisq għalina. Ġeħova l-Alla tagħna tahomlna kollha. 37  Madankollu, ma morniex fl-art tal-Għammonin, fix-xatt kollu tal-Wied tal-Ġabbok, u l-bliet tar-reġjun muntanjuż, jew f’xi post li Ġeħova l-Alla tagħna kien ikkmandana biex ma mmorrux.

Noti taʼ taħt

Jew “Tipprovokawhomx.”
Jiġifieri Kreta.
Jew “ikollhom uġigħ bħal dak tal-ħlas.”