Dewteronomju 31:1-30
31 Imbagħad Mosè ħareġ u qal dan il-kliem lill-poplu t’Iżrael kollu:
2 “Illum għandi 120 sena. Ma nistax niggwidak* iktar, għax Ġeħova qalli, ‘M’intix se taqsam dan il-Ġordan.’
3 Ġeħova l-Alla tiegħek jaqsam quddiemek, u hu stess se jeqred għalkollox lil dawn il-popli quddiemek, u int tkeċċihom. Hu Ġożwè li se jiggwidak biex taqsam, bħalma qal Ġeħova.
4 Ġeħova se jagħmlilhom bħalma għamel lil Siħon u lil Għog, ir-rejiet tal-Amurrin, u lil arthom meta qeridhom għalkollox.
5 Ġeħova se jirbħilhom għalik, u trid tagħmlilhom skont il-kmandamenti kollha li tajtek.
6 Kun kuraġġuż u sod. Tibżax u titwerwirx quddiemhom, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek qed jimxi miegħek. La se jitilqek u lanqas jabbandunak.”
7 Imbagħad Mosè għajjat lil Ġożwè u quddiem għajnejn Iżrael kollu qallu: “Kun kuraġġuż u sod, għaliex int il-wieħed li se ddaħħal lil dan il-poplu fl-art li Ġeħova ħalef lil missirijiethom li jagħtihom, u int tagħtiha lilhom bħala wirt.
8 Ġeħova qed jimxi quddiemek, u hu se jibqaʼ miegħek. La se jitilqek u lanqas jabbandunak. Tibżax u titwerwirx.”
9 Imbagħad Mosè kiteb din il-Liġi u taha lill-qassisin Leviti li jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, u lill-anzjani* kollha t’Iżrael.
10 Mosè kkmandahom u qalilhom: “Fi tmiem kull sebaʼ snin, fiż-żmien stabbilit fis-sena tal-ħelsien, matul il-Festa tal-Għerejjex,*
11 meta l-Iżraelin kollha jidhru quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel, int trid taqra din il-Liġi biex Iżrael kollu jismagħha.
12 Laqqaʼ l-poplu, l-irġiel, in-nisa, it-tfal,* u r-residenti barranin li qegħdin fil-bliet* tiegħek, biex jisimgħu u jitgħallmu dwar Ġeħova l-Alla tagħkom, jirrispettawh ħafna,* u joqogħdu attenti li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi.
13 Imbagħad, it-tfal tagħhom li ma jkunux jafu din il-Liġi jisimgħu u jitgħallmu jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova l-Alla tagħkom il-jiem kollha li tgħixu fl-art li għaliha qed taqsmu l-Ġordan.”
14 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qorob iż-żmien biex tmut. Għajjat lil Ġożwè u morru* fit-tinda tal-laqgħa biex jien ninkarigah.” Għalhekk, Mosè u Ġożwè marru fit-tinda tal-laqgħa.
15 Imbagħad Ġeħova deher ħdejn it-tinda fil-kolonna tas-sħab, u l-kolonna tas-sħab qagħdet ħdejn id-daħla tat-tinda.
16 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Int daqt se tmut,* u dawn in-nies se jibdew iqimu* l-allat barranin li hemm fl-art li sejrin fiha. Huma se jabbandunawni u jiksru l-patt tiegħi li għamilt magħhom.
17 F’dak iż-żmien, nirrabja ħafna kontrihom, u nabbandunahom u naħbi wiċċi minnhom sakemm jinqerdu. Imbagħad wara li jiġu fuqhom gwaj u tbatija kbira, huma jgħidu, ‘Hu minħabba li l-Alla tagħna mhux qiegħed f’nofsna li ġie fuqna dan il-gwaj!’
18 Imma jien nibqaʼ naħbi wiċċi dakinhar minħabba l-ħażen kollu li għamlu meta daru lejn allat oħrajn.
19 “Issa iktbu din l-għanja għalikom u għallmuha lill-Iżraelin. Għidulhom jitgħallmuha* sabiex din isservi bħala x-xhieda tiegħi kontra l-Iżraelin.
20 Meta niħodhom fl-art li dwarha ħlift lil missirijiethom, art li tipproduċi ħafna,* u huma jieklu sa ma jixbgħu u jkollhom il-ġid,* huma se jduru lejn allat oħrajn u jaqduhom u juruni nuqqas taʼ rispett u jiksru l-patt tiegħi.
21 Meta jiġu fuqhom gwaj u tbatija kbira, din l-għanja sservi bħala xhieda għalihom (għax dawk li se jiġu minnhom m’għandhomx jinsewha), għax jien diġà naf x’beħsiebhom jagħmlu anki qabel ma ndaħħalhom fl-art li ħlift dwarha.”
22 Għalhekk, Mosè kiteb din l-għanja dakinhar u għallimha lill-Iżraelin.
23 Imbagħad hu* inkariga lil Ġożwè bin Nun u qallu: “Kun kuraġġuż u sod, għax int il-wieħed li se ddaħħal lill-Iżraelin fl-art li jien ħliftilhom dwarha, u jien nibqaʼ miegħek.”
24 Malli Mosè spiċċa jikteb fi ktieb il-kliem kollu taʼ din il-Liġi,
25 hu kkmanda lil-Leviti li jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, u qal:
26 “Ħudu dan il-ktieb tal-Liġi u qegħduh mal-ġenb tal-arka tal-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, u dan iservi bħala xhieda kontrikom.
27 Għax jien stess naf tajjeb kemm intom ribellużi u raskom iebsa.* Jekk kontu tant ribellużi kontra Ġeħova waqt li jien għadni ħaj magħkom, aħseb u ara wara li mmut!
28 Laqqaʼ lill-anzjani kollha tat-tribujiet tagħkom u l-uffiċjali tagħkom ħalli ngħidilhom dan il-kliem biex jisimgħuh, u jien nieħu bħala xhieda kontrihom lil dawk kollha fis-sema u fl-art.
29 Għax jien naf tajjeb li wara li mmut, intom żgur li se taġixxu b’mod mill-agħar u se titbiegħdu mit-triq li kkmandajtkom dwarha. U fiż-żmien li ġej żgur li se jiġi fuqkom il-gwaj, għax se tagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u toffenduh bix-xogħlijiet taʼ jdejkom.”
30 Imbagħad biex il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael tisimgħu, Mosè reġaʼ qal il-kliem taʼ din l-għanja mill-bidu sal-aħħar:
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “noħroġ u nidħol.”
^ Jew “Tined Temporanji.”
^ Letteralment “iċ-ċkejknin.”
^ Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
^ Letteralment “jibżgħu minnu.”
^ Letteralment “jibżgħu minn.”
^ Jew “ħudu postkom.”
^ Letteralment “timtedd maʼ missirijietek.”
^ Jew “jagħmlu prostituzzjoni spiritwali maʼ.”
^ Letteralment “Qegħduha f’ħalqhom.”
^ Jew “art li tnixxi ħalib u għasel.”
^ Letteralment “jeħxienu.”
^ Milli jidher tirreferi għal Alla.
^ Letteralment “għonqkom iebes.”